Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Imġarr, Malta — Tal-Palma - Sanzjonar u/jew regolarizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta lista ta’ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal sanzjonar u/jew regolarizzazzjoni f’Tal-Palma, limiti tal-Imġarr, Malta, mill-2005 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’inhu l-istatus ta’ kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dettalji mitluba tal-applikazzjonijiet għal sanzjonar fl-Mġarr li fl-indirizz tas-sit kif provdut mill-perit tal-applikazzjoni għandhom il-kliem “Tal-Palma” jew “Il-Palma”, u li fil-proposta għall-iżvilupp hemm il-kelma “sanction” jew “sanzjon”. Ma rriżultaw l-ebda applikazzjonijiet għal regolarizzazjoni li għandhom il-kliem “Tal-Palma” jew “Il-Palma” fl-indirizz tas-sit kif provdut mill-perit. Biex tiġi provduta lista eżawrjenti, l-Onorevoli Interpellant ikun irid jipprovdi site plan taż-żona li tinteressaħ.

Il-Gudja – investigazzjoni dwar illegalità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjoni saret dwar ir-rapport bin-numru CM1504/23 li sar mill-Kunsill Lokali tal-Gudja dwar spazju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ? Jista' jikkonferma jekk hemmx illegalità u x'azzjoni qed tittieħed?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret l-investigazzjoni dwar ir-rapport bin-numru CM1504/23. B’riżultat ta’ din l-investigazzjoni, inħareġ Avviż ta’ Twettieq u Infurzar bin-numru EC77/24 bil-multa għal kull ġurnata.

NSDF – Transferable Loan Note Instrument – Kumpanija ivoluta

Question

B’referenza għar-Rapport Annwali u l-Financial Statements tal-Fond Nazzjonali u Soċjali ta' Żvilupp (NSDF) għas-sena 2021, jista’ l-Ministru jagħti l-isem tal-kumpanija involuta fit-Transferable Loan Note Instrument (‘TLNI’) ta’ USD25 miljun, hekk kif hemm miktub f’paġna 49 tal-istess Rapport Annwali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar — Policy dwar encroachments

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18493, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li għandha l-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-encroachments u x’inhi l-proċedura li tintuża biex toħroġ encroachment? Jista’ jgħid ukoll jekk ikunx hemm tenders/avviżi fil-pubbliku għal dan?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandha l-ebda Policy fuq encroachments u dan għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar ma toħroġx permessi għal encroachments imma toħroġ biss permessi għal użu tal-art. Għaldaqstant l-Awtorità m’għandha l-ebda proċeduri biex jinħarġu encrochments u m’hemm l-ebda tender u/jew avviżi fil-pubbliku f’dan ir-rigward.

Għajnsielem – Triq Ġużeppi Cauchi — Aċċess

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16498, jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq Ġużeppi Cauchi f'Għajnsielem li nfetħet ftit taż-żmien ilu għadha bis-sinjali tad-dead end f'kull tarf tagħha meta issa suppost li hija triq passaġġa u li tinfed min-naħa għall-oħra? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi raġuni għaliex din it-triq pubblika qed tiġi ostakolata mil-liberu aċċess għall-pubbliku? Jista' jgħid ukoll x'qed iżomm biex f'din it-triq jiġu mgħoddija s-servizzi irrispettivament mill-proċess ta' esproprjazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ma hemmx proċess ta’ espropjazzjoni.

In-Nadur (Għawdex) — Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13127, fejn ġie mwieġeb li ' Il-Ministeru talab lill-periti nkarigati sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jippreżentaw il-pjanti preliminari ħalli wara l-analiżi nkunu nistgħu noħorġu t-tender għax-xogħlijiet tat-tali triq', jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-pjanti preliminari ġewx ippreżentati u saritx l-analiżi? Jista’ jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala, fin-Nadur? Jista' jgħid jekk ħarġux xi tenders oħra u liema minnhom ġew awarded? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-vot għax-xogħol fuq dawn it-toroq għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

Għawdex – Tindif ta’ Widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5760, peress li f’din it-tweġiba jingħad “li matul dawn is-snin tħejjew il-permessi neċessarji biex isir it-tindif tal-widien. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena se jkunu qed jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-tindif ta’ 12-il wied madwar Għawdex. It-tindif ta’ dawn il-widien għandhom allokat kofinanzjament tas-somma ta’ €2,316,736.00, li minnhom 80% huma ffinanzjati minn fondi Ewropej filwaqt li l-20% l-oħra huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali”, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux is-sejħiet għall-offerti fl-ewwel kwart tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jgħid meta ħarġu u meta ġew awarded kif ukoll meta nbeda u tlesta x-xogħol kollu mitlub mis-sejħiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-sensittivita’ tar-rijabilitazzjoni ta’ ċertu widien, din is-sejħa għadha qed tinħadem.

Ix-Xewkija (Għawdex) – Ġnien Ulysses Grove — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22727 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fis-16 ta’ Novembru 2021, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Ġnien Ulysses Grove fix-Xewkija, Għawdex, peress li dan issemma f’diversi baġits ta’ dan il-Gvern iżda issa jidher li x-xogħol fuqu waqaf u ma reġax issemma? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol tkompliex f’dawn l-aħħar sena u nofs, x’tip ta’ xogħol sar u meta hu maħsub li jkun lest (xahar u sena) u jibda jitgawda mill-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda tinħadem is-sejħa għall-offerti sabiex dan il-ġnien jinbidel f’park għall-familja.

Enforcement notice dwar permess

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7761 fejn intqal li dwar il-permess bin-numru PA867/20, l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet konjizzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, jista’ l-Ministru jelenka l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Awtorità u/jew mis-sid mit-18 ta’ April 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex dan l-iżvilupp li ma kienx kopert b’permess ta’ żvilupp jiġi konformi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-risposta mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 7761, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċedi skont il-proċedura stabbilita f’każijiet fejn jinstab żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp.

Ħal Għaxaq, il-Gudja u Marsaxlokk – strutturi li mhumiex skont il-permess – stop and enforcement notices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2096 fejn ġiet ippreżentata lista ta’ Avviżi biex Tieqaf u ta’ Twettieq relatati ma’ strutturi li mhumiex skont il-permess maħruġin mill-2013 sal-2021 f’Ħal Għaxaq, il-Gudja u Marsaxlokk, jista’ l-Ministru jelenka l-azzjonijiet, f’kull każ, li ttieħdu mill-Awtorità u/jew mis-sid mit-3 ta’ Ottubru 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sabiex l-iżvilupp ikkonċernat jiġi konformi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xogħol ta' kostruzzjoni – Sistema ġdida għal appelli

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18372 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid jekk is-sistema l-ġdida li tirregola l-proċess meta jkun hemm appell dwar xogħol ta' kostruzzjoni li kien ħabbar il-Prim Ministru fid-19 ta' Settembru 2023, u li kellha twassal biex ix-xogħol ta' kostruzzjoni jiġi sospiż sakemm jgħaddi l-proċess kollu tal-appell, daħlitx fis-seħħ? Jekk iva, meta u b'liema mod u għal liema appelli tapplika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 18101 u 17852.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Artikli u opinjonijiet fuq online portals - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq online portals mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-online portal li l-Ministeru xtara l-artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn kienu intervisti jew rapporti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

European Disability Card — Dritt li taqbeż il-kju għall-vapur ta' Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna b'diżabilità li jkollha l-European Disability Card għandhiex dritt li taqbeż il-kju għall-vapur ta' Għawdex bħalma għandhom dritt il-persuni li għandhom il-blue badge?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija tagħti prijorita lill-passiġġiera li jkollhom il-European Disability Card, bħalma tagħmel mal-passiġġiera li jkollhom il-blue badge.

Xlendi — Servizzi meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn jingħalqu u xi jkun imiss wara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat mal-entitajiet ghadhom għaddejjin. Meta jitlestew il-laqgħat se jiġu ffinalizati l-pjanti u jiġu sottomessi l-Awtorità tal-Ippjanar.

Laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa minix infurmat li ser ikun hemm laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa Ġunju. Madankollu, tifhem li jista’ jkun li niġu mistiedna għal xi laqgħat aktar 'il quddiem, skont iċ-ċirkostanzi.

CT2361/2022

Question

B'referenza għas-sejħa CT2361/2022 - Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet stmata din is-sejħa meta ħarġet fis-suq? Jista’ jgħid liema xogħlijiet saru u kemm ġew jiswew sa issa permezz ta' din is-sejħa? Jista jgħid ukoll liema xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru permezz ta' din is-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Framework Agreement kien stmat għas-somma t’ Euro 2,268,903.00 (excl VAT).

Marsalforn — Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8382 u 12407 li ngħataw fil-15 ta' Mejju 2023 u fit-30 ta' Ottubru 2023 rispettivament, dwar xogħol ta' bini mill-ġdid fi Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn, Għawdex, fejn kien ġie imwieġeb “li l-Ministeru bħalissa qed jaħdem fuq tender (DPS) ibbażat fuq kunċett li tinħoloq pjattaforma li twassal sabiex ikun hemm pool ta’ kuntratturi li wara mini-competitions jaqdu l-esiġenzi tal-Ministru għal Għawdex fejn tidħol l-infrastruttura. Dan il-pass qed isir sabiex tkompli tiżdied l-effiċjenza u l-ispeditezza tax-xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru”, jista’ l-Ministru jgħid: i. jekk dan it-tender (DPS) tlestiex; ii. jekk ħariġx u kemm hu l-valur tiegħu u għal kemm-il sena ser ikun; iii. meta ħa jibdew ix-xogħlijiet marbuta ma’ dan it-tender (DPS); u iv. liema toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ dan it-tender (DPS)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għadu qed jaħdem fuq id-DPS.

San Pawl il-Baħar – Proġett ta’ Ċentru Ċiviku

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni li saret mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, Reġjun Tramuntana, fir-rigward ta' fondi mill-Awtorità tal-Ippjanar għaċ-ċentru ċiviku? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt (agreement) rigward dan il-proġett, liema kuntratt sar fi Frar 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti mitluba.

Awtorità tal-Ipjannar — Policies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policies tal-Awtorità tal-Ippjannar jissuperawx jew le f’każ li jkun hemm by-law f’dik iż-żona fejn tkun saret applikazzjoni? Jista’ jgħid f’każ ta’ kunflitt liema policy tirbaħ, jekk hux by-law jew policy tal-Awtorità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tirregola l-kunflitti fl-artiklu 52 tal-Kapitlu 552 tal-Liġijiet ta' Malta, filwaqt li l-artiklu 72(2) tal-istess kapitlu tal-liġi jgħid x'għandu jqis il-Bord tal-Ippjanar waqt id-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għall-permess għall-iżvilupp. Għad li dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux 'bye-laws' speċifikament, il-koeżistenza ta' liġijiet, policies, u l-bye-laws f'daqqa hija kwistjoni legali.