Gozo Experimental Farm u Peting Farm – Master Plan
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16773 li ngħatat fis-27 ta' Ottubru 2020 rigward il-Master Plan għall-Gozo Experimental Farm u l-proġett tal-Petting Farm u faċilitajiet ġodda għall-SPCA u l-Animal Welfare, fejn intqal li 'l-applikazzjoni ta’ dan il-masterplan kienet sottomessa f’Novembru tal-2019, u li l-applikazzjoni għadha fi stadju ta’ screening', jista’ l-Ministru jgħid fil-konkret x'sar f'dawn l-aħħar seba’ xhur rigward dan il-proġett ferm bżonjuż u importanti? Jista’ jgħid jekk l-applikazzjoni għadhiex fl-istadju ta' screening?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Il-Qala – Triq il-Wardija – Xogħlijiet infrastrutturali
Question
B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 17271 li ngħatat fit-30 ta' Novembru 2020 rigward Triq il-Wardija fil-Qala fejn ġie imwieħġeb 'li x-xogħol infrastrutturali ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin', jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali fuq din it-triq bedix u tlestix, jekk inbidlitx is-sistema tad-drenaġġ u jekk saritx bit-tarmak kollha kemm hi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet se jitkomplew la darba tiġi awarded it-tender.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ alka nġabret, mil-liema bajjiet ġewwa Għawdex inġabret, minn min sar ix-xogħol ta’ ġbir tal-alka, jekk sarx bl-idejn jew inkella b’makkinarju apposta u fejn twaddbet l-alka wara li nġabret mill-bajjiet mill-1 ta’ Novembru 2020 sa data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid liema bajjiet oħra ġewwa Għawdex hemm ippjanat li tinġabar alka minnhom fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-alka, f’ċertu każijiet, jew tintradd lura l-baħar jew tiġi xxiftjata għal post ieħor jew tinġabar u tintbagħat il-facilità tal-Wasteserv f’tal-Kus. L-interventi fuq l-alka jsiru ġeneralment mill-bajjiet tar-Ramla, Marsalforn, Qbajjar, Xwejni, San Blas u Santa Marija f’Kemmuna.
Din is-sena fir-Ramla u f’San Blas kien hemm ftit li xejn alka. Marsalforn, Fil-Qbajjar u fix-Xwejni, l-alka ntraddet lura l-baħar, u mill-Qbajjar il-ġewwa liema parti msejħa taħt il-Horizon, din l-alka nġabret u marret il-facilità tal-ġbir tal-iskart f’tal-Kus. Fir-rigward tal-bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna, din ġiet ixxiftjata f’post ieħor.
L-ammont ta’ alka jiddependi ħafna mit-temp, ir-riħ, u mill-kurrent tal-ilma baħar li kapaċi f’ġurnata jieħu l-alka li tkun inġemgħet kollha lura fil-baħar. L-interventi fuq l-alka jsiru kemm bl-idejn u kif ukoll bil-makkinarju meta l-ammont ikun qawwi. L-ammont ta’ alka li nġabar u li ntbagħat il-facilità tal-Kus din is-sena kien ta’ 5.04 tunnellati. L-alka tibqa’ tinġabar mill-postijiet minn fejn tkun inġemgħet skont il-bżonn.
In-Nadur Għawdex — tindif ta' Wied ta' Daħlet Qorrot u Wied il-Grejgel
Question
B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17738 rigward rijabilitazzjoni u tindif tal-Wied ta' Daħlet Qorrot u Wied il-Grejgel, ġewwa n-Nadur Għawdex b' fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-miżura 'M4.4121 - Rehabilitation of Gozo's Valleys to Enhance their rain capturing and soil retention capabilities' , fejn ġie imwieġeb li 'li rriżulta li l-parti ta’ fejn kien propost l-intervent kienet propjetà ta’ terzi' jista' l-Ministru jgħid liema widien u fejn ħa jiġi rijabiltati u mnaddfa minflok dawn iż-żewġ widien biex b'hekk ma jintilfux fondi ewropej li kienu allokati għal dawn iż-żewġ widien ġewwa in-Nadur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ser ikun qiegħed jiddiskuti mal-Managing Authority it-tibdil neċessarju.
Ministeru għal Għawdex — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18907 li ngħatat fis-16 ta' Frar 2021 fejn ingħad fit-tweġiba li 'fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tingħata' t-tieni kisja asphalt (wearing course) lil Triq il-Pitkalija ġewwa x-Xewkija Għawdex’ jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għaddew iktar minn tliet xhur u nofs u din l-imsemmija triq għadha b'kisja waħda asphalt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.
Santa Marta Day Centre — Tender għal Meals on Wheels Service
Question
B’referenza għat-tender li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu li hi 'CT2475/2020 - Tender for the Provision and Distribution of Meals on Wheels Service to Eligible Persons living within the Community in Gozo and to Service Users at Santa Marta Day Centre Victoria Gozo' jista’ l-Ministru jgħid min fil-passat kien joffri dan is-servizz u min fil-preżent qed jagħti dan is-servizz? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq provvista u distribuzzjoni ta' dan is-servizz sena b'sena mit-2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm u f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, u jagħti l-isem tat-triq u kemm kien it-tul u l-wisa’, fejn saru 'farm roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq? Jista’ jgħid x'farm roads' (jagħti l-isem tat-triq) hemm ippjanati li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Jista' jgħid ukoll f'kull każ ix-xogħol sarx jew hux ippjanat li jsir fuq art tal-Gvern jew inkella fuq art privata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’toroq jew passaġġi jsiru skond il-ħtieġa minn żmien għal żmien, għall-benefiċċju tal-bdiewa li jużaw dawn l-aċċessi. Qabel isir xi xogħol dejjem jiġi verifikat li l-propjeta’ tkun art tal-Gvern.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi gradi tekniċi u industrijali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20762 u jgħid kemm hemm impjegati fil-gradi tekniċi u industrijali tas-Servizz Pubbliku skont il-grad fil-Ministeru tiegħu? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? Kemm hemm impjegati li mhumiex fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku u qed jagħmlu xogħol tas-Servizz Ġenerali? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. L-informazzjoni li tirrigwarda t-tieni part tal-Mistoqsija diġa ngħatat fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari b’numru 20110.
Attachments:PQ 21730 - Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi gradi tekniċi u industrijali.pdf
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq l-Imgħallem, Victoria, kemm hu previst li ser jiswa dan ix-xogħol u meta suppost jitlesta dan ix-xogħol u t-triq tinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Triq l-Imgħallem, fil-Belt Victoria beda f’Ottubru 2020. Ix-xogħol fuq din it-triq hu previst li se jiswa’ madwar €850,000. Din it-triq għandha titlesta u tinfetaħ għall-pubbliku, fl-aħħar ta’ Lulju 2021 dejjem jekk ma jinstabux fdalijiet jew oġġetti ta’ mportanza arkaeoloġika jew ta’ wirt kulturali waqt it-tħaffir.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21528 u jgħid fejn u meta nżamm is-summit dwar l-Intelliġenza Artifiċjali f'Għawdex li għall-organizzazzjoni tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex ta €100,000 (Direct Order approvata fit-23 ta' Settembru 2019)? Min kien eliġibbli li jattendi għal dan is-summit, x'kienet l-attendenza tiegħu u x'benefiċċju ħareġ minnu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Summit dwar l-intelliġenza artifiċjali f'Għawdex ġie mtella fil-Gozo Innovation Hub ix-Xewkija bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru 2019. Għal dan is-summit seta’ jattendi kull min kien impjegat jew interessat fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni. Fit-tieni ġurnata tas-Summit - iġifieri nhar is-7 ta’ Novembru 2019 - saru sezzjonijiet ta’ informazzjoni għall-studenti tal-primarja, tal-IT u dawk li jsegwu suġġetti tal-business minn istuzzjonijiet tal-Edukazzjoni f’Għawdex. Għal dawn il-jumejn tas-summit attendew aktar minn 1,000 ruħ u l-benefiċċju kien li l-parteċipanti u kif ukoll l-studenti setgħu jaraw u jiddiskutu suġġetti tal-AI u ta’ xjenzi differenti.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-konkret x'sar u x'inhu jsir fuq it-tliet bajjiet ġewwa Għawdex li fis-sena 2018 ingħataw il-White Flag biex iżommu dan it-titlu (klassifikazzjoni) li jfisser li dawn it-tliet bajjiet u l-madwar tagħhom, ikunu mnaddfa ta' spiss minn kull tip ta' plastik? Jista’ l-Ministru jgħid x'sar f'dawn l-aħħar sentejn u nofs u kemm intefqu flus biex dawn it-tliet bajjiet iżommu din il-klassifikazzjoni, u x'inhu jsir biex kif kien imwiegħed fis-sena 2018/2019 il-bajjiet kollha ta’ Għawdex jingħataw il-klassifikazzjoni tal-White Flag skont anke l-istrateġija tad-direttorat tal-Eco-Gozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li addotta f'dawn l-aħħar snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant billi nagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari PQ 11074. Il-kuntratt mal-organizzazzjoni tal-White Flag ġie mwaqqaf immedjatament meta tfaċċaw l-allegazzjonijiet ta’ frodi fuq il-midja. Għalhekk il-klassifikazzjoni tal-bajjiet bħala White Flag mill-organizzazzjoni GUWAA m’għadhiex fis-seħħ. Mill-perjodu indikat l’hawn il-bajjiet ikunu imnaddfa ta’ kuljum mill-ħaddiema tad-Direttorat ikkonċernat.
B'referenza għall-Marsalforn Masterplan (Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat) PA04263/16 li ġie approvat f'Diċembru 2017, jista’ l-Ministru jgħid x'tibdil kien hemm s’issa u fiex jikkonsisti u għalfejn saru dawn it-tibdiliet u min talab għalihom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm tibdil fil-materjal li ntuża; minn concrete paving blocks li kien l-għażla oriġinali għall-porfido li effettivament kien l-għażla finali u li tpoġġa fil-post. Dan it-tibdil sar peress li bħala materjal, il-porfido huwa aktar reżistenti għall-elementi meta wieħed jikkunsidra fejn qiegħed il-post. Apparti hekk, saru ukoll żewġ toroq, Triq San Ġużepp u Triq il-Wied, li ma kinux parti mill-masterplan, liema toroq kellhom jintmessu minħabba li kellhom jinbidlu s-servizzi kollha.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur u li huma assenjati mal-Gozo Channel (Operations) Ltd, jippanċjaw meta jidħlu u joħorġu mix-xogħol u jridu jibagħtu wkoll it-timesheet lill-kuntrattur u jiġu ppenalizzati jekk jonqsu li jibagħtu t-timesheets fil-ħin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mhix għad-dispożizzjoni tiegħi, ladarba, kif indika hu stess, din hi parti mill-operat ta’ kumpanija privata.
Gozo Residents Workers Scheme – ħaddiema Għawdxin self-employed li jaħdmu f’Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gozo Residents Workers’ Scheme ma tapplikax għall-ħaddiema Għawdxin self-employed li jaħdmu Malta? Jista' l-Ministeru, jikkunsidra li dawn il-ħaddiema Għawdxin li jaqsmu lejn Malta għax-xogħol tagħhom, jibbenefikaw ukoll minn din l-iskema?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li skont kriterji maqbula mal-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, f’kull applikazzjoni jrid ikun hemm konferma mill-HR tal-post tax-xogħol fejn jikkonferma li l-applikant verament tela’ Malta għax-xogħol.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema trasferiti fil-Kunvent ta’ Santu Wistin
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20549 kollha kemm hi (intera) u jgħid jekk il-Kunvent ta' Santu Wistin ġewwa r-Rabat Għawdex u li bħalissa hemm ammont sostanzjali ta' ħaddiema impjegati mal-Ministeru għal Għawdex li reġgħu bdew jaħdmu minn ġewwa dan il-kunvent:
a. għandux il-faċilitajiet kollha ta’ sigurtà u aċċess skont il-liġi rikjesti mill-
Health and Safety Authority
u;
b. jekk sarx accessibility audit ta' din il-binja mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u jekk iva, jista' jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba li diġa ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 20549.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex tikkonsisti l-applikazzjoni li saret reċentement mill-Ministeru għal Għawdex PA/03826/21 'Location of development: Road Junction, Triq l-Imgħallem c/w, Triq ta' Wara s-Sur, Rabat (Gozo) Description of works: Road widening and improvement of traffic junction, to include the demolition of a corner house?'
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni li saret riċentement mill-Ministeru għal Għawdex PA/03826/21 tikkonsisti fi proposta biex isir titjib tal-‘junction’ u biex titwessa’ l-iktar parti dejqa f’dik il-parti ta’ isfel tat-Triq ta’ Wara s-Sur, fejn din tiltaqa’ ma’ Triq l-Imgħallem fil-limiti tar-Rabat. B’hekk għandha titneħħa l-‘bottleneck’ eżistenti li hemm f’din it-triq. Għaldaqstant din il-proposta għandha twassal biex tiġi evitata l-konġestjoni tat-traffiku f’din il-parti kif ukoll biex tirrendi din il-parti tat-triq iktar sigura kemm għat-traffiku bil-vetturi kif ukoll dak pedonali.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21527, jista' l-Ministru jispjega għala l-Ministeru tiegħu mhux qed jimxi mar-regolament 111(2) ta' L.S. 601.3 u ma jippubblikax il-lista tal-kuntratti li jeċċedu l-€5,000 u lista tal-varjazzjonijiet li jaqbżu 5% mill-valur tal-kuntratt kull sitt xhur ? Peress illi l-aħħar lista li ġiet ippubblikata tkopri l-perjodu Jannar-Ġunju 2019, x'ġustifikazzjoni hemm illi l-liġi dwar ix-xiri pubbliku mhux qed tiġi osservata mill-Kapijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li ilhom sena u nofs ma jippubblikaw din il-lista?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni nġabret u se tkun qed tiġi ppublikata fil-jiem li ġejjin.