Buġibba u Qawra — Lukandi u akkomodazzjonijiet turitiċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar għaxar snin kemm għalqu lukandi, hostels u postijiet oħra ta' akkomodazzjoni turistika fl-area ta' Buġibba u Qawra (sena b'sena, lokal b'lokal)? Jista' jgħid kemm għaldaqstant intilfu soddod u akkommodazzjoni turistika f'dawn il-lokalitajiet?
Jista' jgħid kemm-il lukanda,
hostels
u postijiet oħra ta' akkomodazzjoni matul dawn l-aħħar għaxar snin twaqqgħu u minflokhom telgħu binjiet oħra? X'tip ta' binjiet?
X'policy għandu l-gvern fir-rigward għal din l-area, i.e. Buġibba u Qawra għal bini jew ftuħ ta' lukandi, hostels u akkomodazzjoni turistika oħra u dan sabiex jiżdiedu s-sodod għat-turisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar għaxar snin għalqu wieħed u għoxrin (21) stabbiliment ta’ akkomodazzjoni fiż-żona tal-Qawra u Buġibba, li bejniethom jirrappreżentaw 3886 sodda. Fl-istess perjodu u lokalitajiet infetħu seba’ (7) postijiet ġodda ta’ akkomodazzjoni li jirrappreżentaw 1605 sodda.
L-Awtorita’ m’għandiex informazzjoni dwar l-użu alternattiv tal-bini għaliex is-sidien ta’ dawn il-lukandi m’għandhomx l-obbligu li jinfurmaw ’l Awtorita’ dwar x’sar mill-bini jekk dan ma jkunx aktar għal skop turistiku.
Il-
policy
ġenerali tal-Gvern dwar lukandi u akkommodazzjoni oħra għat-turisti hi, li jħajjar it-titjib tagħhom, kemm fl-istruttura kif ukoll fis-servizz, biex ikunu aktar kompetittivi ma destinazzjonijiet oħra.
Bħala għajnuna biex dan iseħħ ġiet imnedija skema ta’ sussidju fuq imgħax li jistgħu jibbenefikaw minnha lukandi u postijiet ta’ akkomodazzjoni li jkunu beħsiebhom jagħmlu
upgrading
fil-propjetajiet tagħhom. Minbarra x-xogħol li diġa’ sar fl-inħawi, l-Awtorita’ qed tippjana li twettaq proġetti kapitali mill-fondi ewropej bħal proġett tal-Akwarju.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. L-ewwel tabella turi t-total ta’ sodod f’Malta u Għawdex kif kien għaxar snin ilu kif ukoll in-numru ta’ sodod kif inhu llum; u t-tabella oħra għandha l-istess informazzjoni imma hi ta’ Malta biss.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm cruise passengers niżlu Għawdex kull sena mill-2003 sal-2008 u minn Jannar sa Awwissu ta’ din is-sena? Jista’ jgħid kemm cruise liners żaru Għawdex fl-istess żmien u kemm niżlu passiġġieri kull wieħed? Jista’ jagħti l-isem tal-cruise liner f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13222.
Rabat — Ħal-Tartani - bini fil-viċinanzi ta’ għerien kbar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġitx permess sabiex ġewwa Ħal-Tartani, r-Rabat isir żvilupp ta’ bini fil-viċinanzi ta’ għerien kbar?
Jista' jghid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tawtorizzax tkissir ta’ għerien sabiex issir residenza minflok għerien u jekk parti minn għar tispiċċax parti minn dar residenzjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindika b’mod aktar ċar il-post li qed jirreferi għalih, sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba definittiva. Dan peress li d-deskrizzjoni tax-xogħlijiet aktarx li mhix qed taqbel mal-post indikat fil-mistoqsija.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, il-pożizzjoni tiddependi mill-merti tal-każijiet partikolari. Iżda b’mod ġenerali, l-Awtorità normalment ma tawtorizzax tkissir ta’ għerien, partikolarment biex isir żvilupp tat-tip indikat fil-mistoqsija fuq artijiet li jkunu 'l barra miż-żoni ta’ żvilupp bħalma jinftiehem mill-mistoqsija.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11620 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-kumpless White Rocks ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq li ilu fi stat ta' abbandun għal diversi snin? Jekk hemm pjanijiet, jista' jispjega x'inhu jsir dwarhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qed jevalwa numru ta’ possibilitajiet għar-rigward ta’ dan il-kumpless.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices matul din is-sena? Meta toħroġ notice bħal din x’isir iktar? Għaliex hemm enforcement notices li ilhom li nħarġu s-snin u xorta qisu ma ġara xejn għax il-bini u/jew l-iżvilupp baqa' jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Ottubru 2009, it-Taqsima tal-Infurzar tal-Awtorita` ħarġet 993 Avviżi biex Tieqaf u tat-Twettieq (stop and enforcement notices) kif stipulat fl-Artikoli 51 u 52 tal- Att Nru 1 tal-1992 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Appena joħroġ u jiġi notifikat tali dokument, l-Awtorita` tesiġi li jieqaf immedjatament l-iżvilupp imsemmi f'dak l-Avviż u kull żvilupp ieħor fuq is-sit in kwistjoni jekk dan ikun għadu jsir. Barra minn hekk l-Awtorita` titlob li jittieħdu dawk il-passi neċessarji sabiex jieqaf il-ksur tal-Liġi u sabiex is-sit jinġieb lura għall-istat li kien qabel sar l-iżvilupp illegali.
Ix-xogħol irid jinżamm wieqaf anke jekk l-Avviż jiġi sospiż fl-eżekuzzjoni tiegħu skond il-Liġi, ċioe jekk l-iżviluppatur jissottometti applikazzjoni biex tirregolarizza jew jitfa’ appell quddiem il-Bord dwar l-Appelli jekk dan iħossu aggravat bl-Avviż maħruġ fil-konfront tiegħu. Madankollu, kwalunkwe applikazzjoni tiġi rtirata mill-Awtorità jekk jiġi pruvat li l-iżvilupp ikun baqa' għaddej bi ksur tal-Avviż.
Jekk imbagħad jinħareġ permess ta' żvilupp jew l-appell jintlaqa', allura l-Avviż ma jibqgħax operattiv u l- każ t'infurzar jingħalaq ladarba jitħallsu kwalunkwe multi li jiddeċiedi d-DCC jew l-Awtorità. Però jekk ikun hemm deċiżjoni konklussiva ta' rifjut mill-applikazzjoni jew l-appell ma jiġix milqugħ, il-każ jigi nkluż immedjatament fil-lista t'azzjoni diretta sabiex fiż-żmien opportun, l-Awtorità ikollha d-dritt tidħol fuq l-art u twettaq dak ix-xogħol neċessarju sabiex titneħħa l-illegalità (jekk din ma titneħħiex mis-sid ta' l-art). Huma bosta dawk li jiddeċiedu li jneħħu l-iżvilupp illegali huma stess ħalli jevitaw din l-azzjoni. Barra minn hekk l-Awtorità tirrifjuta kwalunkwe applikazzjoni ta' żvilupp jew ċertifikat ta
' compliance
fuq dik l-art sakemm l-iżvilupp illegali jitneħħa skond kif mitlub fl-
istop and enforcement notice
(l-Avviż)
Huwa fatt li hemm numru konsiderevoli ta'
enforcement notices
li nħarġu matul is-snin u għadhom qed jistennew biex tittieħed azzjoni mill-MEPA fuqhom a spejjeż ta' sid l-art. Però din hija kwistjoni ta' prijorita` u ta' disponibilta` ta' riżorsi. Mill-banda l-oħra altru li ma jsir xejn għax infakkar li minbarra li kif ġie spjegat kull applikazzjoni tiġi rifjutata jekk l-iżvillup illegali ma jitneħħiex jew jigi ssanzjonat, hemm ammont sostanzjali ta' każi fejn l-Awtorità issiġillat fiżikament l-post jekk jirriżultalha kif qed jintqal fl-interpellanza li l-iżvilupp/bini baqa' jsir bi ksur tal-Avviż, u dan minkejja li l-i
Stop and Enforcement Notice
xorta jibqa' operattiv sakemm l-illegalità titneħħa jew tiġi ssanzjonata kompletament. Barra minn hekk, ma jinħarġux
Compliance Certificates
fuq żvilupp milqut bi
Stop & Enforcement Notice
, liema
Certificates
huma neċessarji biex żvilupp ġdid jingħata s-servizz ta' dawl u ilma.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — bini mwaqqa'
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm twaqqa’ bini u f’liema nħawi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar wara li jkun inħareġ enforcement notice u dan mill-2005 'l hawn, sena b’sena? X’tip ta’ bini tneħħa jew twaqqa’?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tinkludi kemm il-Enforcement File ġew indirizzati b'direct actions fil-perjodu msemmi, skond ir-records li jinżammu mill-uffiċċjali tad-Direct Action. Nixtieq nispjega illi każijiet differenti jiġu indirizzati b'metodi differenti - eżempju, twaqqiegħ ta' strutturi, tneħħija ta' materjal jew vetturi, issiġillar ta' bini jew partijiet minn bini, eċċ. Ikun hemm okkażjonijiet fejn iktar minn operazzjoni waħda ta' direct action tittieħed f'ġurnata waħda, filwaqt li azzjonijiet oħra damu anke sa' ħmistax-il ġurnata in fila. Dawn xorta qed jitqiesu bħala File wieħed li ġie ndirizzat. Il-figuri jistgħu jinkludu l-istess File iktar minn darba biss jekk ittieħdu azzjonijiet fi żminijiet differenti (u mhux kontinwi).
Fil-perjodu imsemmi tneħħew ukoll għexieren ta'
billboards
, speċjalment fl-2008. Dawn mhux qed jiġu inklużi fl-istatistika.
Ġew indirizzati dawn in-numri ta'
Enforcement Files
fil-perjodu msemmi:
L-iktar li ttieħdu azzjonijiet diretti hu fil-lokalita` tal-Mellieħa (li tinkludi ukoll l-inħawi ta' l-Armier u ta' Selmun), u wara dawk ta' San Pawl il-Baħar (li tinkludi ukoll Buġibba u l-Qawra), u Marsaxlokk (li tinkludi ukoll Delimara), hekk kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Il-196
Enforcement Files
li ġew indirizzati ivarjaw ħafna fin-natura ta' l-illegalitajiet li jkopru. Eżempji minn dawn ivarjaw minn xatbiet u ħitan, kmamar f'għelieqi, duri fix-xagħri, strutturi li jagħlqu
front gardens
, gallinari għall-ħamiem fuq il-bjut, użu illegali ta' garaxxijiet bħala mastrudaxxi u affarijiet oħra, sa'
caravans
u strutturi oħrajn max-xatt, sulari żejda u djar, sa' partijiet minn kumplessi jew fabbriki,
scrap yards
,
areas
mitluqin u mimlijin scrap u ħmieġ, partijiet minn barrieri, tfiegħ ta' ċamura f'widien u ħafna oħrajn.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema tal-IPSL kull kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 127 ħaddiem tal-IPSL fil-Kunsilli Lokali f’Malta u 2 fil-Kunsilli Lokali ta’ Għawdex. Dawn huma mqassmin kif inhu indikat fit-tabella mehmuża.
Ta’ min isemmi wkoll, illi hemm
‘pool’
ta’ 18-il ħaddiema li qed jagħmlu xogħol fil-Kunsilli Lokali Għawdxin, skont il-ħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' serer għal skop agrikolu, preżentament? Fejn jinsabu, raħal b'raħal dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha sebgħa u ħamsin (57) applikazzjoni pendenti għal żvilupp li jirrigwardja serer. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem “serra”, “serer” jew “
greenhouse
”.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-kunsilli lokali li fil-belt jew raħal tagħhom matul ix-xhur tas-sajf ikollhom popolazzjoni ferm ikbar milli jkollhom matul ix-xhur tax-xitwa, fil-fatt jiġu kumpensati għal dan l-isbilanċ ta' popolazzjoni, meta tiġi maħduma l-formula ta' l-allokazzjoni ta' l-istess postijiet? Jistgħu jiġu stabbiliti kriterji ċari li fuqhom tkun tista' tinħadem xi forma ta' equivalence f'dak li hu numru ta' persuni li joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet, proprju biex jiġi assigurat li l-kunsilli lokali rispettivi jirċievu l-allokazzjoni li tixraq skond il-popolazzjoni li tkun toqgħod f'dawn il-lokalitajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-formola l-ġdida ta’ finanzjament kif emendata bl-aħħar emendi li saru għall-Att dwar il-Kunsilli Lokali ma tikkunsidrax il-fattur li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant. Dan għaliex huwa ferm diffiċli li wieħed jiddetermina kemm fil-fatt imorru nies f’kull lokalità li ma kenux residenti f’dik il-lokalità.
Biex nindirizzaw din il-problema l-istess emendi qed jintroduċu l-kunċett ta’ fondi speċjali li jingħataw lill-Kunsilli Lokali fuq l-allokazzjoni. Parti minn dawn il-fondi speċjali huma proprji intiżi biex jingħataw lil dawk il-lokalitajiet li jiffaċċjaw dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet. Din is-sena dawn il-lokalitajiet ngħataw bejniethom kważi 600,000 ewro biex ikunu jistgħu jaqdu r-responsabbilitajiet li tagħtihom il-liġi f’każi fejn ta’ kuljum jew f’parti mis-sena f’dik il-lokalità jkun hemm popolazzjoni ferm akbar minn dik li fuqha tinħadem l-allokazzjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11559, jista' l-Prim Ministru jgħid in vista tal-istqarrija tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan kif ġie kkwotat f'ġurnal, x'fondi ġew allokati lill-kunsill lokali, quantum, u għal liema skop ġew allokati? X'talba saret mill-kunsill lokali għal dawn il-fond, meta saret u għal liema skop?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan din is-sena nieda pjan ta’ immaniġjar ta’ traffiku fil-lokalità u abbażi tar-rapport li ppreżenta lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit-23 ta’ Marzu 2009, talab li jintużaw il-fondi tal-MEPA (CPPS) kif ukoll għamel talba għal fond ital-Unjoni Ewropeja.
Il-proposta tal-Kunsill tinkludi fost affarijiet oħra, bini ta’
car parks
u inizjattivi oħra bħal parkeġġ għar resident (residential parking scheme), użu ta’
mini vans
li jaħdmu bl-elettriku u
water taxis
.
It-talba kurrenti tal-Kunsill għal dawn l-inizjattivi tammonta għas-somma totali ta’ €1,843,000. Il-Kunsill s’issa għadu ma rċieva ebda fondi.
Rabat Malta — Pjazza ta' quddiem il-Knisja ta' San Pawl
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kien il-perit tax-xogħol li sar fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Pawl, r-Rabat, Malta? Min ipprovda l-materjal? X’materjal intuża? X’rati tħallsu għall-materjal biex inxtraw u tqiegħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-periti tax-xogħol li sar fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat kienu Med Design Associates immexxija mill-Perit Charles Buhagiar u l-Perit Faye Caruana.
Il-materjal hu
porfido
u
hardston
e
u ġie impurtat u pprovdut mill-kuntrattur Asfaltar Construction Ltd.
Ir-rati li intalbu għall-materjal biex inxtara u tqegħid huma kif jidher hawn taħt:
Forniment u trasport tal-Hardstone - € 74.54 kull metru kwadru
Forniment u trasport tal-Porfido - € 83.86 kull metru kwadru
Forniment u ġarr tal-Hardstone Kerb - € 65.22 kull metru kwadru
Tqegħid tal-Hardstone Kerb - € 18.63 kull metru kwadru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni taċ-ċimiterju ta' Birkirkara li ilha ftit taż-żmien li saret? Jista' jgħid x'inhu jżomm dan il-permess milli joħroġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni li tirrigwardja ċ-ċimiterju ta’ Birkirkara, ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp fl-10 ta’ Jannar 2001, liema deċiżjoni ġiet konfermata mill-istess Kummissjoni fl-10 ta’ Ottubru 2002 wara li saret talba għal rikonsiderazzjoni. Konsegwentement, ġie sottomess appell iżda dan ġie rtirat mill-applikant.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-applikazzjoni għall-permessi tal-bini għall-area industrijali f'Tat-Tomna, fil-Mellieħa? Kemm qed jiġi propost li jinbnew garaxxijiet f'dawn l-inħawi wara xi bidliet li jista' jkun ġew mitluba mill-istess Awtorità matul ix-xhur li għaddew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed tistenna l-Fire Safety and Ventilation Report. Wara bidliet li saru fil-pjanti n-numru ta’ garaxxijiet jammontaw għal-erbgħa u għoxrin (24).
Commuted Parking Payment Scheme — ammont ta' flus miġbura
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu fil-preżent l-ammont ta' flus li nġabar permezz tal-CPPS f'Malta u f'Għawdex lokalità b'lokalità? Jista' jagħti tagħrif fejn fil-fatt minn dawn il-lokalitajiet kien hemm applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali rispettivi, li permezz ta' dawn l-applikazzjonijiet qed jitolbu li jinbnew parkeġġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bilanċ tas-CPPS f’Malta u Għawdex lokalità b’lokalità sat-30 ta’ Settembru 2009 huwa hekk kif ġej:
Lokalità €
San Ġiljan 2,851,794
Sliema 3,022,180
Valletta 153,688
Floriana
Ħamrun 168,442
Mosta 319,583
Victoria Gozo 660,180
Birkirkara 208,278
San Pawl il-Baħar 2,135,432
Paola 213,290
San Ġwann 297,821
Total 10,030,688
B’referenza għat-tieni mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Mosta u Ħamrun applikaw għall-parkeġġi.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fuq applikazzjonijiet li għandhom il-kliem “Kunsill” jew “
Council”
.
lokalitajiet żgħar — elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li fil-futur qrib se jkollhom elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi għal-lokalitajiet żgħar (hamlets)?
Jista' l-Prim Ministru jgħid, issa li daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kunsilli lokali, liema huma t-80% tal-emendi proposti fir-riforma tal-kunsilli lokali li diġà daħlu fis-seħħ, kif intqal diversi drabi mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kunsilli lokali?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid sad-data tal-għeluq għal fondi għal bżonnijiet speċjali, kemm-il applikazzjoni kien hemm mill-Kunsilli Lokali? Minn liema kunsilli lokali saru dawn l-applikazzjonijiet? Għalxiex kull kunsill lokali applika li jingħata fondi speċjali u kemm ingħata fondi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawk il-Kunsilli Loakli li applikaw il-fondi għal bżonnijiet speċjali kif ukoll dawk il-kunsilli li ngħataw fondi u kemm.
Air Monitoring Stations — real-time data fuq il-website
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bit-teknoloġija tal-lum il-processing ta’ data li hi riklamata bħala real-time m’għandhiex tieħu sigħat twal bħalma qed jiġri regolarment fil-każ tal-Air Monitoring Stations, ġieli anke aktar minn 12-il siegħa, minkejja li l-update issir kuljum fit-3.00am, kif nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru, 2009 l-aħħar data on-line mill-unit taż-Żejtun kient 0000hrs u sas-7.00am kien għad m'hemm l-ebda update? Teknikament din ma tistax tissejjaħ real-time data kif qed tiġi klassifikata fil-website tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Persuni kwalifikati u speċjalizzati f’real-time data on-line stqarrew miegħi li n-norma hi li bit-teknoloġija tal-lum din qatt m'għandha tieħu aktar minn ftit minuti u f’ħafna każi sekondi.
Jista' l-Prim Ministru jindika meta kienu l-okkażjonijiet fejn kien hemm ħsara u/jew qtugħ tad-dawl f’kull Air Monitoring Unit mill-1 t’Ottubru sal-lum? Għaliex il-units ta’ Kordin u tal-Għarb jagħtu dejjem real-time data kemm raw data kif ukoll processed data u dawk tal-Msida u ż-Żejtun sa sitt sigħat wara nofs il-lejl ta' bejn l-20 u l-21 ta Novembru, 2009 ma kellhom l-ebda data updates għax dawn ma jagħtux processed data? Ġaladarba d-data on-line tal-Imsida u ż-Żejtun hi biss raw data, xi processing ta’ data jsir mis-server fil-Furjana? Kull kemm jiġi ikkalibrat l-apparat li hemm fil-monitoring stations? Dan isir mill-Awtorità dwar l-Istandards ta' Malta?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11141 u jgħid kemm intbagħat materjal stampat f'din l-aħħar sena mid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kollu tiegħu ġod-djar tan-nies? Jista' jgħid x'kien is-suġġett jew tema tal-karti li ntbagħtu? Kemm minn dan il-materjal kien fuq karta reċiklabbli jew reċiklata?