Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #12951 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Media Consulta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12491 u 12254 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat ma’ Media Consulta u jgħid x’kien il-maximum coverage tiegħu? Billi jidher li din id-ditta tħallset biss madwar €4 miljuni meta l-kuntratt suppost jagħlaq fi żmien ftit xhur biss, jista’ jgħid jekk xogħol li għalih kienet oriġinarjament qed tiġi kkunsidrata kuntrattwalment ġiex allokat lil kumpanija/i oħrajn fil-qasam tal-public relations u reklamar? Kemm kien hemm kumpaniji short listed qabel ma saret l-għażla aħħarija li allegatament damet 16-il xahar? Liema kienu? Liema kienu l-kumpaniji li ħadu x-xogħol oriġinarjament maħsub li kellu jsir minn Media Consulta? Minn min sar is-selection process u min kienu l-membri tal-bord konċernat? Kemm kien hemm proġetti li fih il-Media Consulta użat l-expertise f’funding tal-Unjoni Ewropea fejn ippruvat iġġib funding għal proġetti ko-finanzjati mal-Gvern Malti lejn pajjiżna? Din il-kumpanija setgħet b’xi mod ġiet rrakkmandata minn xi gvern jew partit politiku barrani? Apparti minn xi xogħol għall-Balearic Islands, kemm kien hemm destinazzjonijiet turistiċi oħrajn fejn il-Media Consulta kellha kuntratti simili fuq skala nazzjonali jew reġjonali? Kif jispjega l-fatt li f’laqgħa tal-Public Accounts Committee f’Ġunju 2007, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turizmu ta’ dak iż-żmien qal li €10 miljuni minn dan il-kuntratt kellhom joħorġu minn fondi tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ diversi applikazzjonijiet li kellha taghmel Media Consulta f’isem l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta? Jikkonferma dak li ġie spjegat fl-istess laqgħa li l-ħlas tagħhom kien kopert fil-budget tal-Ministeru fejn kien hemm item taħt European Union Funds li kien jismu Branding? Il-Gvern għandu xi ħsieb li meta jiskadi l-kuntratt jeżerċita l-option li saħansitra jestendi l-kuntratt b’sena oħra? Jikkonferma li skond media release li ħareġ il-Gvern stess kien intqal mal-iffirmar tal-kuntratt li Media Consulta kienet responsabbli għal €7 miljun annual account li jkopri l-media, advertising, selected public relation services, events u sales promotion activities tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta? Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għadha taqbel mad-dikjarazzjoni li kien għamel iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta is-Sur Sam Mifsud appena nħatru Media Consulta bhala International Communications Partners tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta li ‘it’s more evident that these people have what it takes…and more importantly, have the vision and the know how to significantly enhance Malta’s image and presence internationally’? Taqbel mad-dikjarazzjoni li kien għamel dak inhar il-Ministru tat-Turizmu l-Onor. Zammit Dimech li dan l-iżvilupp kien se jwassal biex l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jkollha ‘a higher return for the money invested in its marketing”? Jekk il-Media Consulta ma jidhirx li għamlet ix-xogħol kollu mistenni minnha ta’ reklamar, kif tista’ tirrikonċilja dan kollu mad-dikjarazzjoni tal-ex Ministru Zammit Dimech li ‘having one agency representing our tourism interests in all core markets should ensure a co-ordinated and clear message of what product Malta is all about”? Id-due diligence dwar l-għażla finali min għamlu? Ma' Media Consulta Malta hemm jaħdmu xi uffiċjali għoljin li setgħu kienu mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fil-ġimgħat ta’ qabel ma saret l-għażla finali? Kemm kien hemm dipartimenti governattivi u jew aġenziji tal-Gvern li għamlu xogħol ieħor ma’ Media Consulta? Meta sar l-aħħar independent audit mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta biex jiġu skrutinizzati l-effettività tal-media campaigns u public relations assignments tal-Media Consulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress illi l-kuntratt li talab li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Onorevoli Interepellant huwa ta’ natura kummerċjalment sensittiva, ma nħossx illi dan għandu jsir pubbliku, speċjalment meta l-ftehim għadu fis-seħħ. Madanakollu xorta waħda se nkun qed nagħmel riferiment għal ċerti affarijiet li hemm imniżżla fil-kuntratt imsemmi mal-Media Consulta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet varji tal-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, għal dak li huma terms of reference tal-Media Consulta, hemm stipulat fil-kuntratt, li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta kellha, u għad għandha l-jedd, illi tqabbad aġenziji tar-reklamar u/jew kumpaniji tar-relazzjonijiet pubbliċi oħrajn, fil-pajjizi fejn l-MTA topera, darba li s-servizzi li dawn joffru huma tal-istess livell jew aħjar u orħos minn dawk offruti mill-Media Consulta. Fil-fatt dan seħħ f’numru ta’ pajjiżi. Għall-mistoqsija, ta’ kemm kien hemm kumpaniji li applikaw għat- tender insemmi, fil-bidu tal-proċess tal-għazla, li kien varat fil-bidu tal-2006 u kien konkluż f’Ġunju tat-2007, kienu applikaw 26 kumpanija. Minn dawn, u wara l-ewwel fażijiet tal- proċess ta’ selezzjoni, ikkwalifikaw 7 kumpaniji, liema kumpaniji kienu: · 23RED in association with Worldwide Partners Inc · JWT (J Walter Thompson) · Media Consulta International · Fox Kalomaski Ltd · McCann-World Group SRI · BJL Group Ltd · Publicis Ltd Wara l-fażijiet l-oħra tal-għażla li komplew sussegwentament, l-għażla aħħarija kienet bejn żewg kumpaniji, fosthom il-Media Consulta. Qiegħed nelenka wkoll hawn taħt il-kumpaniji li qed jagħmlu xogħol ta’ reklamar u relazzjonijiet pubbliċi, mhux ipprovduti mill-Media Consulta u l-pajjiżi rispettivi fejn qed joperaw. Dawn huma: Adam – L-Italja MCM - Franza Resonnances - Franza Over MCW - Spanja TMC – L-Olanda For Sale – L-Olanda u l-Belgju Schröder PR – Il-Germanja Mirabelle – Renju Unit Għal dak li huwa bord tal-għażla, kien ġie iffurmat dak li ssejjah il- Branding Ad Hoc . Committee biex imexxi l-proċess. Il-membri ta’ dal-kumitat kienu: Is-Sur Carm Portelli (Chairman), is-Sur Anthony Cachia, is-Sur Jeffrey Cutajar, (li mbaghad kien dahal minfloku s-sur David Mifsud, CEO tal-MTA 1996-97) is-Sur Charles Visanich, is-Sur Peter Portelli u is-Sinjorina Antoinette Calleja mill-Ministeru tal-Finanzi. Dawn imbagħad ħatru 3 gruppi ta’ esperti għall-oqsma varji tal-proċess, li kienu: Il-kumpanija legali GVTH għall-aspett legali Il-kumpanija ta’ Awdituri Ernst & Young għall-aspetti finanzjarji, kif ukoll kumitat tekniku biex jifli l-operat u l-proposti taż-żewg kumpaniji short-listed fl-aħħar fażi. Dan il-kumitat għamel ir-rakkomandazzjonijiet finali lill- Branding Ad Hoc Committee . Il-kumitat tekniku kien jikkonsisti f’dawn il-membri: Is-Sur Joe Capello Is-Sur David Mifsud Is-Sur Jeffrey Cutajar (li mbaghad kien dahal minfloku s-sur Kevin Drake) Is-Sur Sam Mifsud u Is-Sur Peter Portelli Dawn il-kumitati kollha eżaminaw bir-reqqa l-proposti kollha ‘ shortlisted’ , mill-aspetti u sferi ta’ expertise rispettivi tagħhom. Għall-mistoqsija dwar l-iffinanzjar, nista nikkonferma li ma kien hemm l-ebda progett ta’ ko-finanzjament fejn il-Media Consulta ippruvat iġġib funding mill-Unjoni Ewropeja. Nista nafferma wkoll, bl-aktar mod assolut, li ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni minn gvern jew partit politiku barrani fir-rigward tal-Media Consulta. Fil-preżentazzjonijiet li kienu għamlu lill-kumitat tekniku fil-proċess tal-għazla, il-Media Consulta kienu elenkaw dawn id-destinazzjonijiet bħala pajjiżi u/jew reġjuni li huma, bħala kumpanija, diġà kellhom esperjenza ta’ promozzjoni turistika magħhom. Dawn kienu il-Gżejjer Balearici, Ċipru u l-Brażil. Għal dak li kien intqal fil- Public Accounts Committee ta’ sentejn ilu, nixtieq niċċara dawn il-punti: L-Awtorità tat-Turiżmu kienet applikat sabiex parti mill-attivitajiet koperti mill-kuntratt tal-Media Consulta jiġu ffinanzjati mill- European Regional Development Funds (ERDF) . L-applikazzjoni tal-Awtorità ma ġietx milqugħa u għalhekk il-fondi li tħallset Media Consulta ġew mill-fondi ċentrali, jiġifieri mill- budget allokat lill-MTA. Il-fond li rrefera għalih is-Segretarju Permanenti kien marbut mal-applikazzjoni li kienet għamlet l-Awtorità. Ladarba l-applikazzjoni ma kienitx milqugħa dawn il-fondi ma setgħux jintużaw mill-Awtorità sabiex jitħalsu kontijiet tal-Media Consulta. Naturalment dawn il-fondi tal-ERDF marru għal proġetti oħra f’Malta u Għawdex b’konnessjoni mat-Turiżmu. In kwantu għat-tiġdid tal-kuntratt, l-Awtorità mhux bi ħsiebha teżerċita l- option ta’ estenzjoni billi ġġedded dan il-kuntratt b’sena. Għal dawk li huma ammonti annwali, it -tender kien jikkontempla nfiq massimu ta’ €7 Miljun fis-sena, liema ammont seta jkun ġestit mill-aġenzija li rebħet it -tender, ladarba l-Awtorità tat-Turiżmu ma ssibx arranġamenti finanzjarji aktar favorevoli, ma’ aġenziji u/jew kumpaniji oħrajn fl-istess qasam fis-swieq differenti. Fil-fatt hekk ġara kif kien spjegat qabel. Sentejn u nofs wara li daħal fis-seħħ il-ftehim mal-Media Consulta, nista’ ngħid illi x-xogħol li tqabbdu jagħmlu l-Media Consulta mill-Awtorità tat-Turiżmu, sar. Huma tħallsu u jitħallsu għax-xogħol li jwettqu u xejn aktar. Kif wieħed jistenna kull relazzjoni kummerċjali jkollha t-tlugħ u nżul tagħha u din ir-relazzjoni ma kienitx eċċezzjoni. Madanakollu, bi sforz kollettiv, l-Awtorità tat-Turiżmu u l-Media Consulta irnexxielhom ifasslu kampanji pubbliċitarji pan-ewropej, fejn l-istess messaġġi promozjonali ġew ko-ordinati b’sinerġija madwar is-swieq kollha ewlenin. Għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant dwar nies li jaħdmu fil-Media Consulta f’Malta, nista nafferma illi m’hemmx nies li fil-preżent jaħdmu mal-Media Consulta li fil-ġimgħat ta’ qabel ma saret l-għażla finali kienu uffiċċjali għoljin tal-MTA. Fl-aħħar nett, l-Awtorità tat-Turiżmu tkejjel l-effettività tal-kumpaniji pubbliċitarji u ta’ reklamar fuq bażi regolari, speċjalment meta bosta mill-kampaniji li tmexxi jinvolvu dawk li jissejħu ‘ calls for action’ .
Leg 11 PQ #12958 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Tarxien — tempji neolitiċi - viżitaturi/turisti

Question

Peress li għal mistoqsija parlamentari 11617 li kienet tagħmel referenza għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqisja parlamentari 11401, ingħatat tweġiba li m'għandha x'taqsam xejn mal-kontenut tal-mistoqsija, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tqisx il-lokalità ta' Ħal Tarxien bħala lokalità/żona turistika u dan abbażi tal-eluf ta' turisti li jmorru f'din il-lokalità kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba d-daqs ta’ pajjiżna u r-rikezzi naturali u storiċi li għandna tista’ tgħid kull lokalità għandha valur turistiku. Il-lokalità ta’ Tarxien għandha valur turistiku li joħroġ l-aktar mit-tempji preistoriċi li hemm fih. Il-ħsieb tal-Gvern u tal-Awtorità tat-Turiżmu hu li jaħdem sabiex joħroġ l-aspetti uniċi u tipiċi tal-lokalitajiet tagħna.
Leg 11 PQ #12978 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — tiswijiet, irranġar, bdil ta' gallarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għal tiswijiet/irranġar/bdil ta' gallariji fl-aħħar sejħa li saret mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? F'liema lokalità kienu? Kemm-il letter of intent ħarġet? Kemm tħallas s'issa? Kemm hemm ħlasijiet pendenti? Meta jaħseb li jistgħu jsriu l-ħlasijiet fejn tkun ġiet imdaħħla kull irċevuta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar sejħa għal tiswijiet/irranġar/bdil ta' gallariji, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċievit 1028 applikazzjoni li minnhom kienu validi 914 u lil dawn inħarġitilhom il-letter of intent. L-applikazzjonijiet li rċievit l-Awtorità kienu mil-lokalitajiet kollha ta' Żoni ta' Konservazzjoni Urbani (UCAs) u Skedati f'Malta u f'Għawdex. Il-MEPA s'issa ħallset 185 applikazzjoni li jammontaw għal valur ta' €199,527.03, fil-waqt li 264 applikazzjoni li l-ammont tagħhom hu ta' €317,798.84, għadhom pendenti. Il-bqija għadhom ma daħħlux l-irċevuti għall-pagament. Dawn il-pagamenti jsiru skont is-sitwazzjoni li tkun fiha dak il-ħin l-Awtorità.
Leg 11 PQ #12980 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Compliance certificate

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li compliance certificate tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huwa validu biss għal xagħrejn mid-data tal-issue u jekk f’dan it-timeframe ma jkunx applika għad-dawl u l-ilma lill-entità konċernata, l-applikant ikollu japplika mill-ġdid għal compliance certificate ieħor minħabba r-riskju li jistgħu jsiru tibdiliet strutturali lill-bini? Jekk dan huwa minnu, kif jispjega l-fatt li 30% tal-pending compliance certificates – 128 minn 456 – ilhom pendenti għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal aktar minn xahrejn, filwat li 107 minnhom ilhom pendenti għal aktar minn erba' xhur? Kif jispjega l-fatt li dawn ġew miżmuma pendenti għand l-Awtorità, meta skond l-istess kriterju kull dikjarazzjoni minn perit li ilha aktar minn xahrejn ma tibqax aktar valida? Ghaliex dawn il-128 compliance certificate bid-dikjarazzjoni tal-perit ma ġewx proċessati, jew jekk kien hemm xi problemi għaliex ma ntbagħtux lura? Dan kollu minkejja li f'kull provvediment id-dikjarazzjoni fuq il-compliance certificate tibqa' dik tal-perit konċernat.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-compliance certificate jibqa' validu għal sitt ġimgħat mid-data tal-ħruġ tiegħu. Ikun biss f'dan it-time frame illi l-applikant ikun jista' jużah biex japplika għad-dawl u/jew għall-ilma. Jekk jiskadu s-sitt ġimgħat, ikollha ssir talba oħra mill-ġdid. Irid ikun spjegat illi s-sitt ġimgħat jiskattaw biss mal-ħruġ taċ-ċertifikat u allura sakemm it-talba tibqa' pendenti għand l-Awtorità, it-terminu tas-sitt ġimgħat ma jgħoddx. Għaldaqstant in-numru t'applikazzjonijiet pendenti jibqgħu validi sakemm iċ-ċcertifikati jinħarġu mill-Awtorita` u wara li jigi assigurat mill-uffiċjali li l-affarijiet ikunu sewwa. Dan allura hu l-każ għall-128 talba li semma l-interpellant. Kif diġà ġie mgħarraf fit-tweġiba għall-mistoqsija parmalentari numru 11321, l-Awtorità tirċievi medja ta' madwar 750 (seba’ mija u ħamsin) talba għall- Compliance Certificate fix-xahar, jiġifieri l-128 talba pendenti għal iktar minn xahrejn jammontaw għal madwar 1.4% tat-talbiet li jidhlu kull sena. Għall-raġunijet validi u tekniċi l-applikazzjonijiet kultant jinżammu pendenti mill-uffiċjali inkarigati. Bħala eżempju ġieli jkun hemm każi fejn id-dokumenti jew files li jirreflettu l-iżvilupp fit-talba, speċjalment dawk qodma, ma jkunux provduti ma' l-applikazzjoni mill-periti u allura tkun trid issir tfittxija għalihom. Dan jieħu ftit taż-żmien l-iżjed jekk il- files jew records oħra ma jkunux rintraċċati fl-arkivji ta' l-Awtorità. F'każi oħra s-sidien ikollhom japplikaw sabiex il- land surveyor jerġa' jintalab imur fuq is- site u jiffriska l-marki tal-linja tat-triq jekk dawn ma jkunux jidhru ċari. Ikun hemm kultant każi fejn l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-periti ma tkunx ċara jew kompleta. Ġieli jkun hemm bżonn sottomissjoni t'emendi żgħar għall-pjanti approvati ( minor amedments ) eċċ. Suppost f'dawn il-każi, l-applikazzjonijiet jiġu rritornati lura, u din qed tiġi infurzata iktar riċentement għax mhux dejjem kienet qed issir mill-uffiċjali kollha.
Leg 11 PQ #12986 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air monitoring station — sulphur dioxide

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12720 u jgħid jekk mill-1 ta' Jannar sal-lum kienx hemm ħinijiet fejn il-livell tal-sulphur dioxide (SO2) hekk kif imkejjel mill-air monitoring station ta' Kordin, qabeż il-livell kif regolat mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, meta kienu dawn l-istanti u b'kemm inqabeż il-livell regolat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta' Jannar sal-lum ma kienx hemm hinijiet fejn il-livell tas- sulphur dioxide (SO2), hekk kif imkejjel mill-air monitoring station ta' Kordin, qabez il-livell kif regolat mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #12987 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Msida Air Monitoring Station — Livell ta' carbon monoxide

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12719 u jgħid jekk mill-1 ta' Jannar sal-lum kienx hemm ħinijet fejn il-livell tal-carbon monoxide (CO) hekk kif imkejjel mill-air monitoring station tal-Imsida, qabeż il-livell kif regolat mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, meta kienu dawn l-istanti u b'kemm inqabeż il-livell regolat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta Jannar sal-lum ma kienx hemm ħinijet fejn il-livell tal-carbon monoxide (CO) hekk kif imkejjel mill-air monitoring station tal-Imsida, qabeż il-livell kif regolat mid-direttiva tal-Unjoni Ewropea (2000/69/EC).
Leg 11 PQ #13008 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati trasferiti lejn Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se jkunu trasferiti suldati Ghawdxin lejn Għawdex meta l-Forzi Armati tiftaħ bażi marittima fil-Port ta' l-Imġarr? Kemm-il suldat Għawdxi wera interess s'issa biex jiġi trasferit lejn il-Port ta' l-Imgarr? Meta hi mistennija tinfetaħ din il-bażi marittima?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qiegħed jistudja l-possibilità li jsaħħaħ is-sorveljanza marittima fiż-żona ta’ tramuntana tal-Gżejjer Maltin. Bil-wasla tal-laneċ il-ġodda, il-Forzi Armati fil-futur qrib ser ikunu f’pożizzjoni biex waħda mill-laneċ eżistenti ta’ l-Iskwadra Marittima tista’ tkun iddedikata għal rondi marittimi fl-ibħra madwar Għawdex. F’dan l-istadju l-Gvern qiegħed jikkunsidra kif dan jista’ jiġi implimentat.
Leg 11 PQ #13011 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air Monitoring Stations — real-time data fuq il-website

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bit-teknoloġija tal-lum il-processing ta’ data li hi riklamata bħala real-time m’għandhiex tieħu sigħat twal bħalma qed jiġri regolarment fil-każ tal-Air Monitoring Stations, ġieli anke aktar minn 12-il siegħa, minkejja li l-update issir kuljum fit-3.00am, kif nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru, 2009 l-aħħar data on-line mill-unit taż-Żejtun kient 0000hrs u sas-7.00am kien għad m'hemm l-ebda update? Teknikament din ma tistax tissejjaħ real-time data kif qed tiġi klassifikata fil-website tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Persuni kwalifikati u speċjalizzati f’real-time data on-line stqarrew miegħi li n-norma hi li bit-teknoloġija tal-lum din qatt m'għandha tieħu aktar minn ftit minuti u f’ħafna każi sekondi. Jista' l-Prim Ministru jindika meta kienu l-okkażjonijiet fejn kien hemm ħsara u/jew qtugħ tad-dawl f’kull Air Monitoring Unit mill-1 t’Ottubru sal-lum? Għaliex il-units ta’ Kordin u tal-Għarb jagħtu dejjem real-time data kemm raw data kif ukoll processed data u dawk tal-Msida u ż-Żejtun sa sitt sigħat wara nofs il-lejl ta' bejn l-20 u l-21 ta Novembru, 2009 ma kellhom l-ebda data updates għax dawn ma jagħtux processed data? Ġaladarba d-data on-line tal-Imsida u ż-Żejtun hi biss raw data, xi processing ta’ data jsir mis-server fil-Furjana? Kull kemm jiġi ikkalibrat l-apparat li hemm fil-monitoring stations? Dan isir mill-Awtorità dwar l-Istandards ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess kollu jibda meta kampjuni tal-arja jiġu mittieħda mill-madwar u pproċessati mill-Air Monitoring Stations permezz ta' gas analysers. Il-ħin li jieħdu sakemm dawn ikunu analizzati għall-pollutants, ivarja minn ftit minuti għal siegħa, jiddependi mill-pollutant. Il-livelli mkejjla tal-pollutants ikunu aċċessibli fuq screen ta' kompjuter fl-istations. Din tissejjaħ real-time data. Din id- data tiġi mgħoddija lid- data server tal-Floriana fi żmien qasir, biex hemm isir l- update . Minn hawn, din l- update tiġi kkupjata fuq il- web server , darba kull 24 siegħa fit-3 ta' filgħodu, fejn tiġi murija lill-pubbliku fuq il-portal tal-MEPA. Nhar is-Sibt 21 ta' Novembru , id- data mill- unit taż-Żejtun ġiet updated bħas-soltu. Mill-1 ta' Ottubru 'l hawn, il-ħsarat fl- air monitoring stations kienu dawn li ġejjin: Il- Unit taż-Żejtun Fit-8 ta' Ottubru, l- ozone analyser kien mittieħed għall-kalibrazzjoni u quality intercomparison check u reġa' twaħħal fit-12 ta' Ottubru. Fid-9 ta' Ottubru inqata' l-provvista tad-dawl b'mod aċċidentali, minn trakk fil-viċinanzi. Il-fil ġie msewwi fis-16 ta' Ottubru. Dejjem fid-9 ta' Ottubru, in- NOx analyser taż-Żejtun ittieħed fil- unit tal-Imsida, minħabba ħsarat f'dak ta' l-Imsida. Fit-28 ta' Ottubru, l- analyser tal-merkurju twaqqaf minħabba ħsarat u reġa' twaħħal fl-10 ta' Novembru wara tiswijiet meħtieġa u kalibrazzjoni. Il- Unit tal-Imsida Fl-1 ta' Ottubru kien hemm in- NOx analyser bil-ħsara. Qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dan jissewwa. Fit-8 ta' Ottubru, l- ozone analyser kien mittieħed għall-kalibrazzjoni u quality intercomparison check u reġa' twaħħal fit-12 ta' Ottubru. Fid-9 ta' Ottubru, twaħħal in- NOx analyser li kien hemm iż-Żejtun. Fit-12 ta' Novembru , kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku għal madwar erba' sigħat. Il- Unit ta' l-Għarb Fix-xahar ta' Ottubru ġew mitfija l -analysers kollha, barra dak tal-ozonju, minħabba ħsarat fl-apparat tal-arja kundizzjonata. Fil-5 ta' Ottubru kien hemm ħsara fil- PM2.5 analyser li kienet imsewwija fis-6 ta' Ottubru. Il- Unit ta' Kordin Fit-8 ta' Ottubru, l -ozone analyser kien mittieħed għall-kalibrazzjoni u quality intercomparison check u reġa' twaħħal fit-12 ta' Ottubru. Fl-14 ta' Ottubru, il- PM10 analyser twaqqaf minħabba xi tiswijiet u reġa' nxtegħel fis-26 ta' Novembru. Fit-18 ta' Novembru kien hemm qtugħ tad-dawl fl- istations kollha, inklużi dawk tal-Għarb u Kordin, minħabba ħsarat fil -power station . Id -data minn Kordin u l-Għarb monitoring stations tiġi miġbura permezz ta' data acquisition system , li hi differenti minn dik taż-Żejtun u l-Imsida, minħabba li ġew akkwistati minn funding projects differenti. Id- data acquisition system ta' Kordin u l-Għarb għandha wkoll graphical display modules. Id- data kollha mill- Air Monitoring Stations murija fuq il-portal tal-MEPA hija raw data. Ma jsir ebda proċessar ta' data mill- web server tal-MEPA. L-apparat li hemm fil- monitoring stations jiġi kkalibrat meta jkun hemm bżonn u fuq bażi regulari minn tekniċi tal-MEPA.
Leg 11 PQ #13024 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' parlament ġdid

Question

Billi l-pjan strutturali jgħid li Parliament and Ministries will concentrate in the Palaces and Auberges of Valletta, jista' l-Prim Ministru jgħid kif jirrikonċilja dan kollu mal-pjanijiet tal-Gvern li jibni Parlament ġdid qrib Bieb il-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-ħsieb tal-Gvern hu li jirrestawra l-Palazz tal-Gran Mastru għall-funzjoni nazzjonali ewlenija li bis-saħħa tagħha tiġi esposta l-identità, l-istorja u l-kultura rikka tal-poplu Malti u Għawdxi; hu allura neċessarju li l-Parlament u l-uffiċini l-oħra kollha (ħlief dawk tal-President) joħorġu barra mill-Palazz. Meta wieħed jeżamina l-għażliet li jeżistu fil-Belt Valletta dwar Bereġ u Palazzi, wieħed bilfors jasal għall-konklużjoni li l-aħjar għażla tkun binja ġdida fis-sit li ġie indikat.
Leg 11 PQ #13026 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti fuq West African Chemical Dumping

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni ħa l-Gvern dwar diversi rapporti fil-media u allegazzjonijiet li Malta hija hub tal-West African Chemical Dumping?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA, li hi l-Awtorità Kompetenti għat-transfrontier shipment ta' skart perikoluż qatt ma rċievit xi ilmenti jew allegazzjonijiet li Malta hija hub tal-West African Chemical Dumping, lanqas minn awtoritajiet oħra tal-UE. Jeżistu regolamenti li jirregolaw kif għandu jsir kull moviment ta' skart perikoluż meta jiġi biex ikun mormi. Ma hemm l-ebda record uffiċjali li jindika li qatt ġie rikjest li jkun hemm xi trasport ta' skart perikoluż lejn l-Afrika tal-Punent. L-informazzjoni li għandha l-MEPA hija li dan l-iskart jiġi esportat minn Malta lejn pajjiżi tal-OECD jew pajjiżi oħra li għandhom faċilitajiet idoneji. Jekk kien il-każ li sar xi abbuż dan kien ċertament illegali u l-MEPA mhix a konoxxenza tiegħu. Madanakollu, il-MEPA ser iżomm is-sitwazzjoni taħt osservazzjoni u jekk ikun hemm xi indikazzjoni ta' xi abbuż jew taslilha xi informazzjoni, tgħaddi din lill-Pulizija.
Leg 11 PQ #13036 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet għal pompi tal-fuel

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12807 u jgħid kemm, fil-preżent, huwa n-numru ta' applikazzjonijiet li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha għall-iżvilupp ta' pompi tal-fuel f'Malta u Għawdex separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12807.

Public Service — riżultati ta' interviews jew eżamijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bejn is-sena 2004 u s-sena 2007 ġewx aboliti xi posts fil-public service qabel ma ġew ippubblikati r-riżultati ta' interviews jew eżamijiet? Jekk iva, f'liema Ministeru u/jew dipartimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-gradi aboliti bejn l-2004 u l-2007 kienu dawk elenkati fit-tweġiba li tajt lill-Onorevoli Interpellant permezz tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 11996 u ma jirriżulta l-ebda każ fejn grad ġie abolit qabel ma ġew ippublikati riżultati ta’ interviews jew eżamijiet relattivi.
Leg 11 PQ #13072 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Turkish Kebab Shop

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jara kif it-Turkish Kebab Shop li hemm f'Rudolph Street, kantuniera ma' Mrabat Street, Tas-Sliema huwa konformi fil-permessi ta' signage tal-ħanut, ħażniet ta' ċilindri ta' gass, u skavar taħt djar privati, biswit il-ħanut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sid il-ħanut indikat ġie imġiegħel ineħħi t-tabella li kien waħħal riċentament fuq il-bieb tal-ħanut mingħajr il-permessi meħtieġa. Dan iddeċieda li jikkonforma mal-ordni li ngħata sabiex jevita azzjoni t'infurzar kontrih. Li fadal biss huma adhesive stickers li jindikaw in-negozju ġestit u li huma imwaħħlin direttament mal-vetrina. Ma jirriżultax li dawn huma irregolari. Mill-istess investigazzjoni lanqas ma jirriżulta li qed jinħażnu ċilindri tal-gass ħlief dawk li qed jintużaw fil-kċina jew inkella li sar xi skavar taħt proprjetà ta' terzi. Għaldaqstant mhux il-każ li tittieħed azzjoni t' infurzar mill-Awtorità.
Leg 11 PQ #13074 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 — proġett ta' funding

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-aħħar data għas-sottomissjonijiet ta' proġett għal funding taħt l-iskema ta' Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mhux ċar mill-mistoqsija għal-liema skema partikulari qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant ġentilment nitolbu jippreċiża d-domanda.
Leg 11 PQ #13091 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Elettorali — votazzjoni tal-MEPs - ħlas

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-Kummissjoni Elettorali fejn huwa indikat li għall-1,377 persuna li ġew jivvotaw (fl-elezzjoni tal-MEPs) il-Gvern ħallas €443,000 - jiġifieri €321 kull ras minbarra l-€35 li ħallas kull elettur? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża għal dawk li ġew jivvotaw minn barra matul l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ispiża biex l-Air Malta ġabet 1,377 persuna li ġew biex jivvotaw fl-elezzjoni għal Membri tal-Parlament Ewropew li saret f’Ġunju 2009 kienet €442,345.22. Din is-somma tinkludi €92,600 għal extra flights, €83,227.72 għal passenger tax, €14,689.10 għal servicing costs, u €251,828.40 li hija d-differenza bejn il-prezz normali ta’ titjira u dak speċjali ta’ €35. L-ispiża biex l-Air Malta ġabet 3,057 persuna li ġew biex jivvotaw fl-elezzjoni ġenerali li saret f’Marzu 2008 kienet €1,015,724.15.
Leg 11 PQ #13128 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Enforcement Unit - impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12820 u 12342 u jgħid kemm hemm membri fl-Enforcement Unit tal-Awtorità ta' Malta dwar Ambjent u l-Ippjanar bħalissa? Jista' jagħti rendikont tal-ħidma tagħhom minn Jannar din is-sena 'l hawn? Kif inhuma deployed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Enforcement Unit ta' l-Awtorità responsabbli mill-enforcement ta' l-ippjanar bħalissa hija mqassma hekk kif ġej: 1 Unit Manager (appuntat fl-aħħar ta' Jannar, 2009); 1 Enforcement Supervisor li hu responsabbli minn Mainstream Enforcement b'4 Teams b'responsabbilitajiet ġeografiċi jew għal żvilupp maġġur, li fihom jinkludu 4 Senior Enforcement Officers u 26 Planning Enforcement Officers 1 Senior Enforcement Officer li hu responsabbli minn Direct Action Team li jinkludi 4 Planning Enforcement Officers 1 Senior Enforcement Officer li hu responsabbli minn Team li jieħu ħsieb Rapporti/Ilmenti u l-amministrazzjoni ta' talbiet għal Compliance Certificates , li jinkludi segretarja u temp. U hemm ukoll segretarja li sservi l- Units kollha. Enforcement ġewwa Għawdex isir minn nies li hemm fl-Uffiċċju tal-MEPA ta' Għawdex ħlief għal meta ssir Direct Action li ssir b'impjegati minn Malta. Mill-1 ta' Jannar sat-13 ta' Novembru 2009, dan il- Unit , fost affarijiet oħrajn, għamlet dan li ġej Ittieħdu 819 każijiet ( files ) t'infurzar; Ingħalqu 455 każijiet ta' infurzar. Ġew indirizzati 86 files t'infurzar permezz ta' azzjonijiet diretti, apparti mit-tneħħija ta' għadd ta' billboards . Intlaqgħu 6344 talba għal Compliance Certificate ; Ġew konklużi 6438 talba għal Compliance Certificate . Ġew reġistrati 1565 ilment; Ġew magħluqa 1286 ilment (li ġew reġistrati mill- Enforcement Officers fuq is-sistema diġitali); Ġew inklużi 2366 applikazzjoni għal żvilupp fis-sistema ta' monitoraġġ; Saru 6462 spezzjonijiet (li ġew reġistrati mill- Enforcement Officers fuq is-sistema diġitali) fuq applikazzjonijiet li kienu nklużi fis-sistema ta' monitoraġġ. (Din l-istatistika tirrigwarda biss każijiet ta' ippjanar ġewwa Malta, filwaqt li l-azzjonijiet diretti jinkludu ukoll dawk li ttieħdu ġewwa Għawdex) Fil-waqt li fid-Direttorat ta' l-Ambjent, l- istaff li x-xogħol tagħhom huwa esklussivament fuq l-infurzar tal-liġi fil-preżent huma tnejn minn nies f’Malta u wieħed f’Għawdex. Mill-banda l-oħra, bosta membri ta’ l- istaff fid-Direttorat ta’ l-Ambjent jagħmlu xi xogħol li jista’ jitqies bħala " compliance monitoring " u " compliance auditing " li bis-saħħa tiegħu attwalment jonqos il-ħtieġa ta’ xogħol ta’ infurzar. Jekk tgħodd il-persentaġġ ta' ħin li l- istaff kollu li jikkontribwixxi għal dan it-tip ta' xogħol, it-total huwa ta' madwar 12 " full time equivalents " mqassma fuq numru ta' nies f'diversi units tad-Direttorat. Wieħed jista’ jqis ukoll li kull xogħol li jagħmel id-Direttorat ta' l-Ambjent, ħlief għall-kontribuzzjoni li jagħti biex jinkitbu l-liġijet ta' l-ambjent, huwa xogħol li jwassal għat-twettieq ta' l-istess liġijiet, u allura xogħol li jnaqqas il-ħtieġa ta' infurzar.
Leg 11 PQ #13129 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Money for Parking scheme

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12950 u 12488 u ċioe:Nixtieq ġentilment nirreferi lill-Prim Ministru għall-iskema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar 'Money for Parking' li permezz tagħha żvilupp ġdid irid ikun marbut mal-ħruġ ta’ permess fejn biex jiżdiedu l-għadd ta’ dwellings jew inkella jinbnew oħrajn irid bilfors jinħoloq parkeġġ jew garaxxijiet għas-sidien ta’ dawn l-appartamenti. Meta jirriżulta li xi propjetarji jew żviluppaturi ma jkunux jistgħu jagħmlu dan jew ma jkunux iridu jibnu garaxxijiet, nifhem li hija l-prassi li jħallsu somma flus lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ipattu għal dan in-nuqqas ta’ parking space. Nifhem ukoll li dawn il-flus suppost imorru ġo fond biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu ndirizzati l-problemi tal-karozzi u tal-parking. Jikkonferma l-Prim Ministru li dawn il-flus minflok intużaw għall-iskop oriġinali tagħhom, parti minnhom intużaw biex tinxtara Hexagon House għat-taqsima ambjentali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm inġabru flus taħt din l-iskema madwar Malta u Għawdex kemm ilha teżisti l-iskema sena b’sena? Kemm minnhom inġabru minn tas-Sliema biss? Kemm mis-somma miġbura marret fuq ix-xiri ta’ Hexagon House?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-mistoqsija parlamentari numru 12950.
Leg 11 PQ #13202 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati neqsin fl-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħtit tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' suldati neqsin mill-compliment sħiħ li għandha bżonn l-Armata Maltija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Complement sħiħ tal-Forzi Armati ta’ Malta huwa ta’ 129 Fizzjal u 1,825 Rangi. Bħalissa, hemm 96 Fizzjal u 1,589 Regulari. Jiġifieri, hemm neqsin mill-Complement 33 Fizzjal u 236 Regulari (uffiċjali mhux kommissjonati Gunners u rekluti).
Leg 11 PQ #13207 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

lukandi u kumplessi turistiċi — applikazzjonijiet għall-bini u estensjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet għall-bini, estensjonijiet jew titjib tal-faċilitajiet f'dawk li huma lukandi, jew kumplessi turistiċi li għandna f'Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha dawn l-applikazzjonijiet għall-bini, estensjonijiet jew titjib tal-faċilitajiet f’dawk li huma lukandi, jew kumplessi turistiċi li għandna f’Malta u Għawdex: Applikazzjonijiet għall-bini: 45 Applikazzjonijiet għall-estensjonijiet: 25 Applikazzjonijiet għall-titjib tal-faċilitajiet: 2
Leg 11 PQ #13213 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti approvati mill-PPCD

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti approvati fil-passat mill-Planning and Priorities Coordination Division fil-fatt għad iridu jiġu implimentati? Meta hu mistenni li dawn ikunu jistgħu jitwettqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti approvati mid-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet bdew jiġu implimentati. Xi wħud għadhom f’fażi bikrija bħall-appalt, filwaqt li oħrajn diġa’ jinsabu fil-fażi ta’ implimentazzjoni attwali.