Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sliema — Pace Street - problema ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi billi f’Pace Street, tas-Sliema ta' spiss qed ifur id-drenaġġ u qed jidħol f’ċerti residenzi, saħansitra fil-kċejjen ta’ uħud mir-residenzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn studju li sar jirriżulta illi possibilment hemm ħsara fis-sistema tad-drenaġġ li qed tikkawża inkonvinjent għand residenza ġewwa Triq Pace. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qegħdha fil-proċess sabiex takwista il-permess meħtieġ sabiex isir ix-xogħol ta’ tiswija fi żmien qasir.

kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi indirizzata l-problema tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li jidher li hemm żball ta' €1000 fil-kont tad-dawl u l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — rapport fuq investigazzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed jiddeżistu milli jaċċedu fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għad li saru diversi rapporti sabiex jiġu investigati kanen maqsuma li l-ilma tagħhom qed jispiċċa fi Flat 1 tal-istess blokka?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma daħlilha ebda rapport. Nitolbu lill-Onor. Interpellant biex jekk jista’, jgħaddi aktar dettalji.

Awtoritajiet finanzjarji Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu, jekk ħadu l-awtoritajiet finanzjarji Maltin biex jipproteġju l-isem ta' Malta fl-investigazzjonijiet li għaddejin l-Italja dwar kif sitt uffiċjali tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri ħadu €70 miljun u bagħtu €15-il miljun minnhom lejn Malta permezz ta' Periplo SA u l-Bank of Valletta għall-kummerċ bejn SIB Laboratories Ltd u r-Russian Acadamy of Science suppost għall-akwist tal-patents fin-nanotechnology u jirriżulta li ftit minnhom biss intużaw għalhekk u issa dawn l-uffiċjali qed jiġu investigati dwar money laundering, tax evasion u missappropriation of public funds?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Airmalta — impjieg ġdid

Question

Jista' l-Minsitru jispjega għaliex wara li waqfet diversi ħaddiema mis-sezzjoni tal-luggage handling/cargo, l-Airmalta qiegħda terġa' timpjiega ħaddiema f'dan id-dipartiment inkluż loading?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi ċċekjat il-meter tad-dawl u l-ilma tal-proprjetà li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament peress li l-kont tal-ilma hu esaġerat u jiżboq dak tal-elettriku għal-istess perjodu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33822 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'kien it-total ta' vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex fl-2011 u x'kien it-total ta' passiġġieri u vetturi li għamlu użu minn dawn il-vjaġġi fl-istess sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li t-total ta’ vjaġġi li saru bejn Malta u Għawdex fis-sena 2011 kienu ta’ 19,816 u għamlu użu minnu 4,124,931 passiġġieri u 1,116,276 vetturi.

Lukanda Selmun Palace — sidien ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-lukanda Selmun Palace għaddietx għand sidien ġodda? Jekk iva meta hu mistenni li terġa' tibda topera?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

kiri ta' uffiċini li jinsabu fl-ajruport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hux se tikri uffiċini ġewwa l-bini magħruf bħala Sky Park li jinsab fl-ajruport tal-Gudja mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affirmattiv, jista' jgħid kemm se tkun tiswa l-ispiża annwali u totali għal din il-kera u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

stallar ta' lampi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33788 dwar parti minn Triq Wied il-Knejjes Ħal Luqa, jista' l-Ministru jgħid meta l-Korporazzjoni Enemalta beħsiebha tlesti dan ix-xogħol meħtieġ relatat mal-istallazjoni ta' arbli u lampu tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

tħaddim tal-ispecial purpose vehicle sabiex jiġu finanzjati proġetti kbar

Question

Jista’ l-Ministru jfisser fid-dettal kif se taħdem u titħaddem l-ispecial purpose vehicle li beħsiebu joħloq il-gvern sabiex jiffinanzja proġetti bħall-parlament il-gdid, it-teatru l-ġdid u xi proġetti oħrajn, kif ukoll x’sehem se jkollhom il-banek kummerċjali f’dan kollu, kif ukoll possibbilment proġetti kbar eżistenti tal-privat li għad għandhom djun pendenti x’jagħtu lill-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ta d-dettalji kollha ta’ dan il-vehicle lill-Oppożizzjoni fil-laqgħa li fija pparteċipaw l-Onor. Dr Charles Mangion u l-Onor. Karmenu Vella, nhar is-7 ta’ Diċembru, 2012.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat — limiti tal-Kunċizzjoni - qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jinformani għaliex ir-residenti tal-Kunċizzjoni limiti tar-Rabat tħallew bla dawl il-Ħadd 11 ta' Marzu għaliex il-Korporazzjoni Enemalta ma jkollhiex ħaddiema l-Ħdud biex jagħmlu l-manutenzjoni f'ċirkustanzi ta' emerġenza? Jista' jinforma għaliex regolarment qed jinqata' d-dawl f'din il-parti tar-Rabat? Jista' jinvestiga dan in-nuqqas u jara li r-residenti fl-inħawi jkunu tabilħaqq rispettati u mhux ikomplu jitħallew abbandunati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress li bejn il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu u l-Ħadd 11 ta’ Marzu, għamel ħafna riħ u xita mhux tas-soltu li kkawżaw ħsarat fuq overhead lines f’ċertu nħawi, kien hemm numru ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni li riedu jsiru. L-ewwel ried jitneħħa l-periklu għall-pubbliku u jissewwew ħsarat fuq is-sistema tal-high voltage u low voltage. Minħabba li kien hemm numru kbir ta’ ħsarat u t-temp ma kien tajjeb xejn, ix-xogħol tal-manutenzjoni ħa aktar żmien mis-soltu u l-gangs tal-emerġenza ġew miżjuda minn tnejn għal sebgħa biex ilaħħqu max-xogħol. Dawn il-gangs jaħdmu kuljum inkluż il-Ħdud u huma disposti 24 siegħa.

Kuntratt taċ-Chairman il-Ġdid tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32520 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta flimkien mad-dettalji sħaħ dwar il-pakkett finanzjarju u inċentivi oħrajn li ġew offruti lilu? Ir-rwol tiegħu hu wieħed eżekuttiv jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab informat illi ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta għandu kuntratt ta’ 3 snin u b’remunerazzjoni bażika annwali ta’ €95,242 fis-sena. Huwa intitolat għal Account Insurance Policy, International Health Insurance Key, Communication Allowance, Performance Bonus sa 15% tar-remunerazzjoni bażika fis-sena, u użu ta’ karozza uffiċjali bix-xufier. Huwa ma jieħux remunerazzjoni bħala chairman.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32688.

estensjoni tal-power station — taħriġ dwar makkinajru mid-Danimarka

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lid-Daniżi li mingħandhom inxtrat s-sistema riċenti għall-estensjoni tal-power station milli jagħtu taħriġ serju fuq it-tħaddim tal-istess stante illi l-korsijiet li ngħataw kienu qosra u skjetti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taħriġ li qed jiġi pprovdut s’issa huwa ta’ livell addattat u jkopri l-aspetti kollha neċessarji fuq l-operazzjoni tal-impjant u ġie magħmul apposta għall-operators bl-esperjenza fuq l-operat tal-power stations. Dan it-taħriġ se jitkompla fuq ix-xogħol innifsu iktar 'il quddiem qabel ma’ l-Enemalta tieħu l-impjant f’idejha.

Tender dwar tneħħija ta' asbestos mill-fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar it-tender tat-tneħħija tal-asbestos mill-fabbriki u cioè jekk sarx rapport dwar kemm hija gravi jew anqas gravi l-problema tal-asbestos fil-fabbriki? Kemm jiswa dan it-tender? Kemm kien hemm persuni jew entitajiet li tefgħu t-tender? Min ingħata dan it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tneħħija tal-asbestos mill-fabbriki qeda issir abbażi ta’ rapport li kien sar fl-2008 permezz ta’ tender bl-isem Tender for the Surveying M.I.P Properties for the Presence of Asbestos Contaminated Material, liema tender kien ġie ippublikat mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-2007. Dan it-tender kien ġie mogħti lil ADI Associates Environmental Services Ltd għall-prezz ta’ €507,803.40 fid-19 ta’ Settembru 2008. Għat-tneħħija tal- asbestos per se , inħargu żewġ tenders. Dettalji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — policy dwar xogħol skabruż

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta għandhiex policy dwar ħaddiema li xogħolhom jaħdmu fit-tankijiet tal-fuel peress li dan hu xogħol skabruż li ma jistax isir minn kulħadd speċjalment minn persuni pjuttost kbar fl-età?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-‘policy’ li għandha l-Enemalta rigward is-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiema hija uniformi għal kull tip ta’ xogħol. Din hija bbażata fuq is-saħħa ta’ kull individwu u mhux fuq l-eta’. Għaldaqstant kull ħaddiem jiġi suġġett għal eżami mediku perjodikament. Il-frekwenza ta’ dan l-eżami tkun tiddependi mill- parir li jgħatu t-tobba skont it-tip ta’ xogħol li l-individwu jkun jgħamel kif ukoll fuq ir-riżultat ta’ l-aħħar eżami. Skont ir-riżultat ta’ dan l-eżami tittieħed deċiżjoni fuq jekk il-ħaddiem għandux jitħalla jkompli fix-xogħol tiegħu.

BWSC — tekniċi Daniżi li se jħarrġu lill-operaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minħabba fiha, tekniċi Daniżi mibgħuta mill-BWSC qed jirrifjutaw li jħarrġu lill-operaturi tal-Korporazzjoni Enemalta fuq l-impjant il-ġdid tal-power station? Huwa minnu li dawn għandhom dritt jagħmlu dan u li fil-kuntratt għandhom li għall-ewwel ħames snin se jħaddmu l-impjant huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi mhux minnu li BWSC qed jirrifjutaw li jħarrġu lill-operaturi tal-Korporazzjoni Enemalta fuq l-impjant il-ġdid tal-power station. Diġa ingħata taħriġ formali fil-klassi fuq operat u manutenzjoni skont il-kuntratt miftiehem bejn iż-żewġ entitajiet. Barra minn hekk, se jingħata training addizzjonali (on the job), waqt li jsiru t-testijiet fuq l-impjant. Mhux minnu li BWSC għandhom fil-kuntratt li se jħaddmu l-impjant huma għall-ewwel ħames snin. Fil-preżent l-impjant qed jiġi kkummissjonat mill-inġienira tal-kuntrattur, u meta l-impjant ikun ikkommissjonat aktar tard din is-sena, dan se jiġi mħaddem minn operaturi tal-Enemalta.