Legislature:
Category:
Reset
Active:

spiża biex jitfejjaq annimal fiċ-Ċentru San Franġisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iridu jħallsu NGOs li jsibu kelb jew xi annimal ieħor li jkun ġie milqut minn karozza jew ferut meta dawn imorru bih fiċ-Ċentru San Frangisk f'Ta' Qali? Teżisti price list għal minor jew major operations?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-annimali abbandunati li jisfaw mtajrin jew imweġġa dejjem jiġu rapurtati lid-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Annimali anke meta jigu misjuba mill-NGOs. Għaldaqstat dawn kollha jaqgħu taħt l-iskema u għalhekk l-annimali meħuda ġewwa Ċentru San Frangisk kollha jaqgħu taħt l-iskema li m’hemmx ħlas għas-servizz mediku izda biss għall-medicina. Barraminhekk, jezistu pero xorta prezzijiet preferenzjali għall-NGOs meta dawn ikunu iridu jagħmlu użu mis-servizz ta’ dan iċ-ċentru. Tezisti Price List għal kull servizz offrut, disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Barraminhekk wieħed għandu wkoll id-dritt jitlob minn qabel għall-kwotazzjoni fuq kull servizz mixtieq

għajnuna lil NGOs li jieħdu ħsieb l-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna u kif tqassmet lil NGOs li jieħdu ħsieb l-annimali matul is-snin 2005 sa 2010 separatament? Hemm xi ħsieb min-naħa tal-gvern li jżid jew inaqqas il-budget għax-xhur u s-snin li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27272. , nassumi li jaf li d-deċizzjoni ta’ kemm jkunu allokati finanzi tittieħed bħala parti mill-budget Nazzjonali fid-dawl ta’ konsiderazzjoniet wiesgħa fuq livell nazzjonali

Għammieri — informazzjoni dwar żewġ ħaddiema

Question

Fil-każijiet tal-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li jaħdmu fl-Għammieri, jista' l-Ministru jgħid b'mod separat kemm: a) ħadmu overtime mis-sena 2010 sal-lum kemm f'dawk li huma sigħat u anke fi flus, xahar b'xahar; b) jekk u kemm kwalifikaw għal scholarships matul dawn l-aħħar snin; u ċ) jekk u kemm ħadu promotions f'dawn l-aħħar snin u x'tip ta' promotions kienu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li il-ħlas ta’ salarji mal-gvern ma jsirx fuq bażi kalendarja iżda fuq cikli ta’ erba’ ġimgħat. Barraminhekk il-ħlasijiet Addizzjonali li mhumiex regolari ma jikkoinċidux u ma jirrapreżentawx il-ħlas dovut la għall-perjodu tas-salarju u wisq inqas għal perjodi ekwivalenti tal-ħlas tas-salarju u mhux neċessarjament jitħallsu lill-kullħadd kontemporanjament għall-istess perjodi. Din il-prattika hija waħda użata b’mod wiesgħa fid-dinja tax-xogħol b’mod partikolari fl-ambjent Governattiv fejn il-proċess ta’ approvazzjoni huwa twil u metikoluż biex ikun żgurat kemm it-trasparenza kif ukoll l-accountability. Skont il-proċedura stabbilita, qabel ma fil-fatt jinħadem l-overtime kull tlett xhur tkun sottomessi għall-approvazzjoni estimi tal-overtime li huwa previst meħtieg. Infakkru wkoll li filwaqt li hija l-prattika li kemm jista’ jkun l- overtime jitqassam b’mod ekwu fis-sezzjoni, dan jiddependi totalment fuq in-natura tax-xogħol tas-sezzjoni/Dipartiment kif ukoll mill-ħilit mitluba fl-okkazzjoni partikolari li dan ix-xogħol ikun irid iseħħ. Għal każ partikolari tal-ħaddiema fis-sezzjoni li dwarha qiegħed jistaqsi, nassumi li Onorevoli Interpellant jifhem sew li s-sezzjoni tal-Annimal Welfare huwa meħtieġ li tipprovdi servizz tul-24 siegħa tal-ġurnata għas-seba’ tijiem tal-ġimgħa kif ukoll li attivitajiet promozzjonali mmirata lejn il-pubbliku organizzati mill Promotion and Information Unit iseħħu wara il-ħin tax-xogħol u/jew partikolarment fi tmiem il-ġimgħa nhar ta’ Ħadd. Barra minhekk l-ispiża tal-overtime għall-attivitajiet promozzjonali jitħallas mid-dħul mill-istess attivitajiet. Id-dewmien fil-ħlas tal-overtime lill-impjegati f’din is-sezzjoni kien ħtija taż-żmien meħud biex jkunu kjarifikati il-kontijiet tal-attivitajiet. Għaldaqstant il-ħlasijiet magħmula fil-perjodu mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jirriflettux il-ħlas għall-overtime fl-istess perjodi imma għal perjodu li jmur aktar lura. Ta’ min għid ukoll li wieħed ikun skorrett jekk wieħed jipprova jagħmel ezerċizzju komparattiv abbażi tas-sigħat ta’ Over Time imħallas peress l- l-impjegati tal-Gvern għandhom l-għażla li jieħu ‘ time-off in lieu ’ għas-sigħat kollha jew part minnhom li jkunu ħadmu barra l-ħin tagħhom. Għaldaqstant fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija hawn qabel partikolarment kif spjegat fl-ewwel parti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi dokument bl-informazzjoni tal-individwi identifikati mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu mitlub bħala total. Ninforma lill-Onor Interpellant li kontra l-impressjoni li tista tagħti din il-mistoqsija parlamentari, hemm numru konsiderevoli ta’ ħaddiema oħrajn li minħabba n-natura tal-impjieg tagħom qed jaħdmu ammont qawwi ta’ overtime .

Ta' Sliema — Triq Bisazza - spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża kumplessiva għaċ-ċerimonja tal-ftuħ ta' Triq Bisazza f'Tas-Sliema bħala triq pedestrijanalizzata? Jista' jagħti breakdown ta' din l-ispiża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26772, ninfurmah li dawn l-ispejjeż tal-inawgurazzjoni u l-open day kienu kif ġej: Produzzjoni ta’ Inviti u Materjal informattiv u promozzjonali €10,300 Sound u Dawl €6,700 Entertainment u dekorazzjonijiet ecc €11,400 Riċeviment pubbliku €7,600 Affarijiet ohra relatati mall-inawgurazzjoni €1,200

Triq tax-Xemxija — irranġar ta' spazju pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ispazju pubbliku li hemm taħt is-siġar taż-żebbuġ, fit-triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa jiġi rranġat, u possibilment jitħawlu xi fjuri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27331

sajjieda li jridu jimlew il-log book peress li ma jafux jikbtu

Question

Jista' l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni oħra għall-ftit sajjieda li għandhom problema biex jimlew il-log book tagħhom meta jidħlu mis-sajd bil-konsegwenza li kull meta jinqabdu jispiċċaw jeħlu l-multi u jittellgħu l-Qorti primarjament minħabba li la huma u lanqas dawk li jkunu magħhom għas-sajd ma jkunu jafu jiktbu? Jista' jiġi kkunsidrat li dan ix-xogħol isir fil-Pixkerija ħalli r-records jinżammu hekk kif inhu xieraq, imma ma jkunx ta' dannu għal dawn il-ftit sajjieda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d- Direttorat ghall- Kontroll tas-Sajd qiegħed jaghti l-assistenza kollha mehtiega lis-sajjieda f’ kull qasam tas-sajd. L-obbligu li jintela’ il-Log Book joħroġ mir-Regolament tal-Kunsill Ewropew (KE 1224/2009) u tapplika għas-sajjieda kollha. Dan ir-regolament huwa maħsub biex ikun evitat kull sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-iStrateġija tal-Kommunità għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-rigward tar-riżorsi u ħażna tal-ispeċi tal-ħut. Ninsab infurmat biex tkun iffaċilitat dan l-obbligu, l-informazzjoni meħtieġa tintela’ fuq formularju definit primarjament permezz ta’ immarkar u mili f’kaxxi stabbiliti. Ingħata t-taħriġ kollu meħtieġ u tqasmu ukoll fuljettti ta linji gwida (templates). Barraminhekk, l-Uffiċjali tas-Sajd qegħdin il-ħin kollu għad-disponibilità tas-sajjieda sabiex jagħtuhom l-assitenza kollha meħtieġa. Din il-ligi tobliga s-sajjieda biex jimlew il-logbook kull jum f’nofs il-lejl u qabel ma jidhlu fil port.

Attivitajiet biex jippromovu l-prodotti Maltin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet hu mistenni li jiġu organizzati iktar attivitajiet tat-tip li saru f'diversi rħula, biex jippromwovu l-prodotti Maltin, matul din is-sena? F'liema lokalitajiet hu mistenni li jinżammu dawn l-attivitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pjan tentattiv ta’ attivitajiet biex jippromovu l-prodotti Maltin għax-xhur li ġejjin huwa: - Awissu Festa tal-Inbid - (Siggiewi) - September Festa tal-Ħut - (San Pawl il-Baħhar) - Ottubru World Food Day - Diċembru Festa tal-Majjal – (Siggiewi) Ninfurmah li dettalji oħra għad iridu jiġu finalizzati.

Raħħala tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' raħħala tal-majjal preżentement? Kemm kien in-numru ta' produtturi sal-aħħar tal-2009? Kif naqset jew żdiedet il-kwota totali tat-trobbija tal-majjal matul dan il-perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru tal-produtturi tal-majjal liċenzjati fil-preżent huwa ta’ 163. Fis-sena 2009 in-numru ta’ produtturi tal-majjal liċenzjati kien ta’ 173. Il-kwota tal-produzzjoni hija ta 9,896 irjus fix xahar. Din ma n bidlitx għall-numru twil ta’ snin. F’dan il-perjodu kien hemm trasferimenti ta’ kwota tal-qatla bejn produtturi u għalhekk, għalkemm inbidlu kwoti individwali, t-total baqa` l-istess.

MRA — certified installers tas-sistemi solari

Question

Filwaqt li huwa pass pożittiv li tħabbar li sa fl-aħħar l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi se tibda ġġib fuq il-website tagħha lista tas-certified installers tas-sistemi solari f’pajjiżna, jista' l-Minsitru jgħid meta l-gvern beħsiebu jintroduċi regolamenti kif ġie issuġġerit mill-Institute of Engineers sabiex l-istallazzjoni u s-certification tas-sistemi fotovoltajiċi f’pajjiżna jibdew isiru minn tekniċi kwalifikati kif ukoll minn inġiniera bil-warrant?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadha qed tinġabar l-informazzjoni u t-tweġiba għall din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f’seduta oħra.

grant għal xiri ta' opri tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25376 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk il-kumpaniji li fl-aħħar 20 sena ħadu xi grant biex ikunu jistgħu jixtru l-opri tal-baħar tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

laneċ akbar minn 12-il metru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25377 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jsemmi liema kumpaniji jew individwi ħadu għajnuna għaliex kellhom lanċa ikbar minn 12-il metru u li dawn issa jridu jibdew jistadu iktar 'il barra minn 25 mil?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika il mistoqsija tiegħu peress li l-għotja ta’ għajnuna u s-sajd barra mill-25 mil mill-kosta mhumiex relatati.

permessi għal sajd il-25 mil ta' madwar Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25378 u li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn permessi ta' laneċ u qxur oħra tal-baħar li għandhom il-permess biex jistadu fil-25 mil madwar Malta? Jista' jgħid jekk din iż-żona tiflaħx għal iktar sajjieda u għal kemm sajjieda tiflaħ iktar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li huwa l-permess għas-sajd u mhux tal-bastiment li fl-aħħar mill-aħħar li jirregola is-sajda. Barra mill-fatturi ta’ żona, daqs tal-bastiment u/jew daqs tal-makna, il-kalkoli ta' jekk u kemm għandu jiżdied jew jonqos is-sajd jinħadmu skont l-ispeci ta' ħut u/jew tip ta' irkaptu. Dan isir bħala mizura ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd. Bħala eżempju ċar f’dan ir-rigward, ma jistgħax jiżdied aktar ċertu sajd. Madankollu, ninsab infurmat li hemm total ta’ 2881 bastiment, laneċ u qxur oħra tal-baħar taħt it-tnax-il metru li jistgħu jistadu skont regoli definiti fiż-żona sa 25 mil mill-kosta. Barraminhekk hemm 61 bastiment ieħor, li fid-dawl ta’ dan it-tip ta’ sajda li huma jagħmlu, huma permessi li jistadu f’din iż-żona.

Dgħajjes tradizzjonali Maltin reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26951 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il dgħajsa tradizzjonali Maltija (luzzu eċċ.) huma jew kienu (skont il-każ) reġistrati bħala dgħajjes li jintużaw mis-sajjieda sena b'sena fl-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dettaljata kif mitluba għas-sena 2007 ma teżistix, ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba għas-snin l-oħra.

Fgura — Triq Romano Carapecchia - tindif tas-sur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitnaddaf is-sur ta' Bormla li jeħtieġ tindif sostanzjali, speċjalment min-naħa ta' Triq Romano Carapecchia, il-Fgura? Jekk il-gvern jikkonsidrax li jirrestawra, inaddaf u jsebbaħ il-ġnien jiġifieri l-parti żgħira ħadra li hemm ma' tmiem Triq Romano Carapecchia, il-Fgura bil-ġnien b'kollox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol imsemmi ma jagħmilx parti mill-pjanijiet immedjati. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ttieħdet nota biex dan jingħata konsiderazzjoni meta jitfasslu programmi oħra ta’ xogħol.

Xemxija — masġar taż-żebbuġ - tindif

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-masġar taż-żebbuġ li hemm ix-Xemxija (matul il-kosta) jitnaddaf mill-ħaxix ħażin li fih qabel ma jingħata n-nar (jew jaqbad waħdu) b'dannu kbir għas-siġar kif ukoll għal dawk li joqogħdu fl-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tindif ta’ soft areas fil-konfini tal-Kunsill Lokali jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess kunsill.

għajnuna biex jinkisru u jinxtraw laneċ ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25375 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ingħata sussidju u għajnuna fis-snin 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 sabiex sajjieda jkunu jistgħu jkissru l-laneċ u l-opri tal-baħar tagħhom? Jista' jgħid jekk is-sajjieda li jkunu ħadu s-sussidju biex ikissru l-laneċ tagħhom jistgħux jerġgħu jixtru laneċ ġodda ħalli jkomplu jistadu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-iskemi ta’ għajnuna għal dawk li għażlu jkissru l-laneċ u l-opri tal-baħar tagħhom mill-2003 sa’ llum kienu fis-snin u ammonti relatati kif ġej: 2006 €497,492 2009 €377,437 2010 €654,015 Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bażi tal-iskema hija l-liċenzja marbuta mal-lanċa jew opra tal-baħar partikolari. Għalhekk nikkonferma li s-sajjieda li jkunu ħadu din l-għajnuna taħt dawn l-iskemi mhumiex esklużi li jerġgħu jixtru bastimenti oħra diġa liċenzjati jew japplikaw għal liċenzja ġdida f'każ li tinfetah il-parti professjonal tar-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd għal liċenzji ġodda, ħalli jkomplu jistadu. F’każli jiġri hekk, ovvjament dan iwassal għall-immodernizzar tal-flotta.

WasteServ Malta Ltd — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm daħlu nies ġodda mas-soċjetà WasteServ Malta Ltd sena b'sena mill-bidu ta' din il-leġislatura? F'kull każ, jista' jindika t-tip tax-xogħol (kariga) li dawn n-nies ġodda qed jagħmlu? Jista' jgħid sena b'sena kemm spiċċaw nies minn mas-soċjetà WasteServ Malta Ltd u f'kull każ jgħid x'inhu x-xogħol li dawn in-nies li spiċċaw kienu jagħmlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra document bl-informazzjoni mitluba

NGOs — għotjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul l-aħħar erba’ snin il-Gvern tax għajnuna lil non-government organisations li huma impenjati fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali? Jista’ jagħti din il-lista sena b’sena u jindika: a) min kienu dawk li bbenefikaw minn tali għotjiet; b) kemm ħadu kull wieħed; u ċ) għal liema skop ingħataw din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26693.

Ħal Far — Wind Farms

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Wind Farms f'Ħal Far u Wied Rini?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 27301, li t-tliet proġetti tal-Wind Farms preżentement qegħdin fl-istess stadju.

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li qegħdin isiru preżentement b'kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijet Rurali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat tar-Restawr għadu kif lesta x-xogħol ta’restawr tal-Akwadott u li preżentement ma hemmx progetti oħra bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijet Rurali u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl.