Legislature:
Category:
Reset
Active:

Disposizzjonijiet fil-Ministeru — miżuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tad-Disposizzjonijiet mħabbra permezz ta' Avviż Legali 44 tal-2012, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-miżuri humiex se jiġu applikati wkoll fil-konfront ta' awtoritajiet u entitajiet oħra li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru?

Response (GATT, AUSTIN)

Nimmaġina li l-Onor Interpellant jaf li l-liġijiet tal-pajjiż huma applikabbli għal kulħadd.

użu ta' punteġjatura Maltija fl-ismijiet mogħtija lit-tfal

Question

B’referenza għall-istorja li kien hemm fl-aħbarijiet fir-rigward ta’ koppja li xtaqet tagħti lil wild tagħha isem li jinkiteb b’ittri tal-alfabett Malti, jista’ l-Ministru jikkonferma li din il-problema se tiġi solvuta? F’każ li huwa hekk, jista’ l-Ministru jagħti data sa meta dan se jsir? F’każ li dawn il-ġenituri jirreġistraw lil wild tagħhom bis-sistema preżenti, se tingħata l-opportunità li jbiddlu l-isem mingħajr spejjeż addizzjonali hekk kif tiddaħħal il-punteġjatura Maltija?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Arriva — Rabat Għawdex - Bus shelter ta' Pjazza Savina

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Arriva mhux qed tieqaf u tgħabbi n-nies mill-bus shelter li hemm f'Pjazza Savina fir-Rabat Għawdex u minflok tal-linja qed tibqa sejra triq Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni fejn hemm stop imma mhemmx bus shelter?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, normalment, ir-rotta tat-Trasport Pubbliku ma tgħaddix minn Pjazza Savina iżda minn Triq ta` Wara s-Sur, Triq l-Imgħallem, Triq Sant Ursula għal Triq Papa Ġwanni Pawlu ll, u għalhekk l-imsemmija bus shelter fi Pjazza Savina ma' hiex qed tintuża. Kienet saret bus stop temporanja fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II, kantuniera ma' Triq ta' Wara s-Sur fuq talba tal-Kunsill Lokali ta l-Għarb. Infurmat ukoll li fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II hemm bus shelter oħra iktar 'il quddiem minn fejn hemm il-bus stop temporanja. Preżentament, ir-rotta fid-direzzjoni tal-Punent ta' Għawdex tgħaddi minn Pjazza Savina, minħabba x-xogħlijiet li qegħdin isiru fit-toroq prinċipali tar-Rabat Għawdex u għalhekk l-imsemmija bus shelter qed tintuża temporanjament. Jien infurmat li Transport Malta se tiġbed l-attenzjoni tal-Operatur sabiex il-karrozzi tal-linja jibdew jieqfu fuq din il- bus shelter ladarba l-vetturi tiegħu bħalissa qed jgħaddu minn hemm.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, jista' jgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm daħlu impjegati u l-informazzjoni l-oħra mitluba. Rigward kemm irtiraw, irriżenjaw, tkeċċew, eċċ., ninsab infurmat li dawn kienu 566.

tibdil fir-rotta li tmur minn San Pawl il-Baħar għal Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċesarji biex il-karozza tal-linja li tmur tas-Sliema tibda tgħaddi minn San Pawl il-Baħar minflok ma tgħaddi mill-bypass, bil-konsegwenza li n-nies li joqogħdu San Pawl il-Baħar u li jridu jmorru tas-Sliema mhux qed jinqdew b'dan is-servizz minkejja li jgħaddi mill-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31079.

Transport Malta — road markings u traffic signs

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli fi Transport Malta li jara li x-xogħol li jkun sar rigward road markings u traffic signs ikun sar fuq linji gwida internazzjonali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li huwa r-Roads and Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta li huwa responsabbli mill-materja in kwistjoni.

Ħal Balzan — Triq il-Wied - xogħol ta' Tarmak/Patching/Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li jsir xogħol ta' tarmak u/jew patching u/jew manutenzjoni fi Triq il-Wied, Ħal Balzan peress li l-kunsill lokali jidher li m'għandux fondi biex jagħmilha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħal Farruġ — Triq l-Għastun - tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq l-Għastun l-Ikħal f'Ħal Farruġ li għandha bżonn tinbena peress li qatt ma ngħatat tarmac taqax fir-responsabilità ta' Transport Malta jew tal-kunsill lokali? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-triq tkun irranġata minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi site-plan ta' din it-triq biex Transport Malta tkun tista' tispezzjonaha.

MEPA — toroq imkissra madwar l-uffiċċji

Question

Billi numru ta' toroq madwar l-inħawi tal-uffiċċji tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, (mhux dawk li qed isir ix-xogħol fuqhom) tkissru matul l-aħħar ġimgħat, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi raġuni partikulari għaliex qed iseħħu dawn il-ħsarat estensivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor interpellant sabiex ikun aktar speċifiku u jindika liema huma t-toroq li qed jirreferi għalihom fil-mistoqsija tiegħu

Kuntratt ta' impjieg taċ-Chief Officer Enforcement ta' Transport Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32112, billi għal raġunijiet li jafhom il-Ministru biss għażel li ma jpoġġix fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-impjieg mitlub dwar iċ-Chief Officer Enforcement ma' Transport Malta, jista' l-Ministru, mingħajr ma jsemmi ismijiet, jagħti d-dettalji sħaħ tas-salarju u l-pakkett kollu ta' remunerazzjoni u inċentivi oħrajn li l-uffiċċjal imsemmi jgawdi minnhom - dan meta wieħed iqis li Transport Malta mhix xi entità privata iżda waħda ffinanzjata minn fondi pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 30090, fejn tajt lill-Onor. Interpellant id-dettalji kollha li qed jitlob, ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata hija marbuta b'kuntratt li jiġġedded kull sena mal-Malta Freeport Corporation u assenjat biex jaqdi doveri ta' Chief Officer Enforcement ma' Transport Malta. Kuntrarju għall-impressjoni li qed tagħti l-oppożizzjoni, din il-persuna titħallas biss kif indikat fit-tweġiba li qed nirreferi għaliha kemm għall-pożizzjoni li tokkupa f'Transport Malta kif ukoll għall-pożizzjoni li tokkupa fil-Malta Freeport Corporation.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f'pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu riżorsi neċessarji biex jerġa jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tiegħi wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta' ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f'investimet kapitali, ta' servizzi essenzjali bħas-sigurta' fit-toroq, ir-regolamentazzjoni tat-trasport u l-komunikazzjoni, iż-żamma tal-infrastruttura teknoloġika tal-Gvern u s-servizzi essenzjali l-oħra li nipprovdu. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b'ebda mod m'hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta' amministratturi f'oqsma tekniċi bħat-toroq, teknoloġija, trasport, telekomunikazzjonijiet, avjazzjoni u l-qasam marittimu fost oħrajn.

Livell ta' konnettività bl-IT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-2010 u fl-2011 sarx xi studju biex jiġi stabbilit il-livell ta' konnettività bl-IT biex f'Għawdex ikun hemm is-sapport meħtieġ għal livell b'saħħtu f'dan is-settur? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju?

Response (GATT, AUSTIN)

Napprezza jekk l-Onor. Interpellant jindika jekk hux qed jirreferi għall-persentaġġ ta' konnettività fid-djar jew għall-qawwa tal-konnettività f'Għawdex.

Public Service Contract bejn il-Gvern u l-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Public Service Contract fis-seħħ bħalissa li l-Gvern għamel mal-Gozo Channel Company għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt in kwistjoni.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32587 u cioè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32234, jagħti breakdown dettaljat, skont kif elenkat u provdut fil-line items tal-estimi li jitqassam mad-diskors tal-budget, taċ-ċifri globali ppreżentati fl-imsemmija tweġiba?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.32627.

Transport Malta — records distrutti

Question

Jikkonferma l-Ministru li nhar is-27 ta' Diċembru 2011 ingħatat ordni mit-tmexxijja ta' Trasport Malta sabiex ir-records kollha li ġew stored fl-imħażen ta' Transport Malta jiġu distrutti? Jista' jgħid jekk attwalment din l-ordni ġietx eżegwita? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid il-ġeneru tad-dokumenti distrutti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma ngħatat l-ebda ordni fis-sens li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Transport Malta — Chief Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jispeċifika separatament x'inhuma s-salarji u l-benefiċċji ta' kull Chief Officer li jaħdem fi ħdan Transport Malta? Jista' jgħid kemm ingħataw performance bonus fis-sena 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Nru 30090. L-informazzjoni dwar il-performance bonuses li ngħataw għas-sena 2011 hija sempliċement materja maniġerjali li ma naħsibx li tgħin l-amministrazzjoni tajba jekk tiġi mxandra.

Transport Malta — tibdil ta' materjal bil-logo antik

Question

Fid-dawl tal-fatti li Transport Malta biddlet isimha u għalhekk kellha ħafna materjal bil-logo ta' Malta Transport, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-materjal kollu li ġie skambjat u fiex kien jikkonsisti l-materjal li ġie mormi? Jista' jagħti d-dettalji b'mod separat? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa sabiex ġie użat trasport ta' kumpanija privata biex b'hekk setgħa jiġi mneħħi l-materjal kollu kkonċernat mill-bini tat-Trasport Malta? Jista' jgħid min kienet il-kumpanija li tqabbdet tagħmel dan ix-xogħol u jekk tqabditx b'direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’Diċembru 2009, Transport Malta stampat numru zgħir ta’ stationery sabiex jintuża għall-ewwel jiem tal-awtorità l-ġdida. L-ammont li ġie stampat kien: - 12,000 l etterheads u continuation sheets - 5,000 c omplimentery slips - 5,000 DL envelopes - 5,000 A4 envelopes L-ispiża totali tal-istampar ta’ dawn l -istationery kienet ta’ €3,185.18 (VAT eskluża). Tħallset ukoll €820 (VAT eskluża) għat-tibdil fid-disinn tal-logo u branding ieħor relatat. Ġew ukoll stampati żewġ settijiet ta’ 250 business cards li ġew jiswew €110.20. Ma ntuża l-ebda trasport ta’ kumpanija privata speċifikament sabiex jiġi mneħħi dan il-materjal.

Transport Malta — mini bus mill-Marsa għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'Novembru 2011 inkera mini bus sabiex iwassal erba' persuni li jaħdmu fi ħdan Traport Malta mill-head office il-Marsa għaċ-Ċirkewwa? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid x'kienet ir-raġuni? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża involuta għal kiri ta' dan il-mini bus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Mooring Fees

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment li sidien tad-dgħajjes li b’riżultat ta’ ftehim milħuq bejn Transpor Malta u Sandy Yacht Marina Limited (Ta’ Xbiex Moorings) qedx jiġu charged mooring fees qawwija ħafna u sproporzjonati żżejjed f’mod li qed iċaħħadhom mid-dritt li jkomplu jgawdu d-delizju tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 32002 u 32451.

Sidien tad-Dgħajjes żgħar

Question

Mingħajr ebda preġudizzju għall-ftehim milħuq bejn Transport Malta u Sandy Yacht Marina Limited li inti wegibt għalih fil-mistoqsija parlamentari 32002, jista' l-Ministra jara li tingħata kunsiderazzjoni separata lis-sidien tad-dgħajjes iż-żgħar li ġew milqutin minn dan l-arrangament billi jsir arranġament alternattiv over and above li jkun jista' jakkomoda t-talbiet tagħhom f’parametri ferm aktar affordable u raġonevoli? Fosthom hemm min qed jissuġġerixxi dan li gej : Li jingħataw post alternattiv fejn jistgħu jibqgħu jgawdu d-delizzju tagħhom bħal perezempju lejn in-naħa tal-Msida – ovvjament kontra ħlas xieraq u adegwat; Dan speċjalment meta jingħad li hemm għadd ta' postijiet vakanti fl-inħawi, speċjalment quddiem il-Busy Bee, Msida fejn hemm allegatament saħansitra nies li anke għadhom jħallsu l-miżata tal-irmiġġ fuq dgħajjes li kellhom u li ma għadx għandhom fil-pussess tagħhom u dan fuq proprjetà tal-gvern; u Li jiġi investigat jekk hux minnu li kien hemm irmiġġi li saħansitra nbiegħu minn individwi għal somom li jeċċedu l-€2000 u ġieli aktar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja tal-bżonnijiet tas-sidien ta’ dgħajjes żgħar li kienu jirmiġġjaw fiż-żona li ngħatat b’konċessjoni lil Sandy Yacht Marina Limited. F’dan ir-rigward qegħda fil-proċess li tipprovdi żoni alternattivi ta’ rmiġġ kemm ġewwa Ta’ Xbiex kif ukoll fl-Imsida. Madankollu, dan il-proċess jieħu ftit taż-żmien minħabba li x-xogħlijet neċessarji jistgħu jsiru biss wara sejħa għall-offerti u li għandha toħorġ fil-ġranet li ġejjin. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju l-awtorità qed tistabilixxi l-użu tal-irmiġġi u l-pontoons li għandha f’diversi bajjiet. Fejn jinstab li persuna li għandha permess ta’ rmiġġ imma m’ għadhiex sid ta’ dgħajsa l-irmiġġ se jiġi allokat lil sidien ta’ dgħajjes oħrajn. L-awtorità ġieli waslulha rapporti li allegaw li xi persuni biegħu l-irmiġġi tagħhom iżda dan qatt ma ġie ppruvat fil-fatt.