Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4845 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid liema kienu l-ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq, min inħatar fihom, u x’inhuma r-responsabilitajiet marbuta ma’ kull ħatra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4846 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm mill-ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq saru b’sejħa b’applikazzjoni u kemm saru b’mod dirett?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul il-perjodu msemmi kien hemm, 24 ħatra li saru permezz ta’ sejħa pubblika skont il-proċeduri stabbiliti, ħatra li saret mill-Bord tad-Diretturi, żewġ ħatriet illi kienu deployed minn entita` governattiva oħra, ħatra skont il-policy tal-Gvern rigward trejd-unjonisti u 4 ħatriet illi kienu ġew appointed.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4847 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid x’inhuma l-pakketti finanzjarji u benefiċċji oħra marbuta ma’ kull ħatra fil-gradi minn Manager ‘il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Djar għal kura tal-anzjani/Sptarijiet tal-anzjani – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet għandhomx xi pjanijiet sabiex jaraw kif se jnaqqsu t-tbatija ta’ persuni anzjani u persuni b’diżabilità sabiex meta dawn imorru jżuru lil qrabathom li jkunu f’xi istituzzjoni jew f’xi dar għall-kura tal-anzjani jew xi sptar tal-anzjani jew f’xi sptar ieħor fuq bażi permanenti jew ‘long term’ u jkollhom jagħmlu dan permezz tat-trasport pubbliku u peress li huwa fatt magħruf li persuni anzjani ta’ ċertu età u persuni li jkollhom ċertu bżonnijiet speċjali li jkollhom iżuru lil xi qarib tagħhom f’xi istituzzjoni jew sptar fuq bażi regolari u jkollhom jużaw it-trasport pubbliku sabiex jagħmlu dan, ibatu ħafna minħabba l-iskariġġ li jkollhom jgħaddu minnu sabiex jitraġittaw bit-trasport pubbliku, jistgħu l-awtoritajiet jieħdu in konsiderazzjoni li tiddaħħal xi forma ta’ skema li permezz tagħha dawn il-persuni jiġu megħjuna sabiex ma jibqgħux ikunu sforzati jużaw it-trasport pubbliku sabiex imorru jaraw lill-qrabathom fl-isptarijiet jew djar tax-xjuħ u minflok jiġu provduti bi transport alternattiv li jkun aktar komdu għalihom u fih anqas skariġġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — servizzi għall-Anzjani u Persuni b’Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’tip ta’ servizzi joffri l-Ministeru tiegħu għall-Anzjani u Persuni b’Diżabilità u kemm għandha każijiet li qed taħdem fuqhom? Hemm xi waiting list biex il-klijenti jirċievu dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu, dwar s-servizzi offruti għall-Anzjani u Persuni b’Diżabilita’, hija kif ġej: Dipartiment għall-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Komunita` Servizz Benefiċċjarji Każijiet Pendenti Lista ta’ Stennija Għajnuna fid-Dar (Home Help) 3836 0 107 households Centri ta’ Anzjanita’ Attiva 1297 0 0 Servizz tal-Handyman 448 0 0 Servizz ta’ Kontinenza Scheme A: 3223 Scheme B: 3299 0 0 Telephone Rent Rebate 2201 0 0 Meals on Wheels 879 0 0 Telecare+ 8110 0 0 Night Shelters 83 0 43 Social Work 250 0 19 Servizz ta’ Respite Residenzjali 31 0 0 Domicilliary Nursing/Caring 9385 0 0 Dementia Intervention Team 414 0 0 Dementia Activity Centre Dar Padova: 23 0 0 SVPR: 46 8 Carer at Home 205 14 0 Servizz ta’ Ġerjatrija fil-Komunita’ 20 0 0 Servizz ta’ Respite fid-Dar 40 0 0 Servizz ta’ Occupational Therapy 262 0 0 Servizz ta’ Fiżjoterapista 248 0 0 Servizz ta’ Podjatrija 350 0 0 Aġenzija SAPPORT Servizz Benefiċċjarji Każijiet Pendenti Lista ta’ Stennija Servizzi ta’ Ħidma Soċjali Bħalissa l-Aġenzija ssegwi 1,003 każijiet individwali permezz ta’ dawn is-servizz 580 Servizzii fil-Komunità Servizzi ta’ Matul il-Jum Servizzi Residenzjali Servizz ta’ Interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali Qed jingħata numru wieħed ta’ benefiċċjarji u ta’ lista ta’ stennija hekk kif kull individwu jaf ikun benefiċċjarju ta’ aktar minn servizz wieħed u ukoll jaf ikun fuq aktar minn lista’ ta’ stennija waħda. In-numru li qiegħed jingħata huwa numru ta’ każijiet individwali. Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet ta’Persuni b’Diżabilia’ Servizz Benefiċċjarji Każijiet Pendenti Lista ta’ Stennija EU Disability Card/ Special ID Card 18,445 0 Blue Badge 10,055 0

Ċentri LEAP – xogħol soċjali ma’ persuni vulnerabbli

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19089 tal-Leġiżlatura XII, jista’ l-Ministru jindika x’tip ta’ xogħol soċjali twettaq mal-aktar persuni vulnerabbli f’kull wieħed miċ-Ċentri LEAP?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3303.

Ċentri LEAP — Professjonisti assenjati

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19089 tal-Leġiżlatura XII, jista’ l-Ministru jindika l-professjonisti li ġew assenjati fiċ-Ċentri LEAP u f’liema Ċentru qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Vjolenza domestika rrappurtati

Question

Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4639 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ vjolenza domestika ġiet irrapportata, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, mill-Onor. Interpellant.

Proprjetà alternattiva – każ ta’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jara kif il-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilhom jgħixu ġo dan il-post ikkundannat, bid-drenaġġ dieħel fil-proprjetà tagħhom u bħala alternattiva l-Gvern tahom post f'Għawdex, meta dawn għandhom 70 sena u mingħajr familjari f'dawk in-naħat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-Mistoqsija Parlamentari li saret f’isimha.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – servizzi/għajnuna soċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6970 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista eżistenti ta’ servizzi kollha offruti mill-Ministeru tiegħu jew minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jindika min hi l-persuna responsabbli għal kull wieħed minn dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija disponibbli pubblikament fil-portal tal-Ministeru li huwa https://family.gov.mt

Servizzi fil-Komunità biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 719, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi indikati fir-risposta u jekk hemmx xi waiting list biex jirċievu dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi msemmija, li fil-preżent qed jagħmlu użu minnhom l-klijenti tal-Aġenzija Sapport, huma kif ġej : · Direct Payment - fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità, jkollhom servizz fid-dar għal ħinijiet qosra sa 12-il siegħa matul il-ġimgħa, minn aġenziji privati li jassistu f'għajnuna ta' kura, għal persuna b'diżabilità skont il-bżonn.74 persuna qed tutilizza dan s-servizz. · Community Services - fejn impjegati tal-Aġenzija Sapport, jaħdmu mal-klijenti fil-komunità sabiex jgħinuhom, biex ikollhom kwalità ta' ħajja aħjar. 86 persuna qed tutilizza dan s-servizz. Il-lista ta’ stennija għas-Servizz ta’ Direct Payment u Community Services bejniethom, hija ta’ 47 persuna. · Independent Community Living (ICL) - fejn jingħataw fondi sabiex familji li għandhom persuni b'diżabilità, jkunu jistgħu jkollhom servizz, kemm fid-dar u kemm fil-komunità, għal iktar minn 13-il siegħa, skont il-każ. 78 persuna qed tutilizza dan s-servizz, waqt li hemm 4 persuni fuq il-lista ta’ stennija. · Personal Assistance Fund (PAF) - sabiex persuni b'diżabilità bi bżonnijiet partikolari, jkun jista' jkollhom persuna li toffrilhom is-servizz bħala live in carer u saħansitra jkun hemm l-opportunità li jieħdu servizzi minn professjonisti oħra skont it-talba u l-fond mogħti. 33 persuna qed tutilizza s-servizz, waqt li m’hemmx persuni fuq il-lista ta’ stennija.

Privatizzazzjoni tat-Telecare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-Telecare hux se tiġi pprivatizzata? Dan se jkun ifisser li l-anzjani jkollhom jibdew iħallsu ferm aktar għal dan is-servizz tant importanti għall-anzjani? X’inhi l-mira ewlenija tal-gvern li jżomm it-telecare jew jipprivatizzah? F’każ li jiġi pprivatizzat, il-Gvern se jżarma l-istruttura li għandu, inkluż l-apparat u l-ħaddiema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-Telecare huwa servizz li jingħata mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. M’hemmx pjanijiet illi dan is-servizz jiġi privatizzat. Id-Dipartiment bħalissa għaddej b’diskussjonijiet fuq kif dan is-servizz għandu jiżviluppa fl-aħjar interess għall-persuni li jagħmlu użu minnu.

Djar Residenzjali tal-Anzjani — kuntrattur - ikel

Question

B'referenza għall-kuntratt li huwa maħsub li jirregola lill-kuntrattur li se jkun qed jissupplixxi l-ikel fi djar residenzjali tal-anzjani, jista' l-Ministru jgħid: a. x'inhu l-kriterju li jirregola ix-xiri tal-ħaxix u frott skont dan il-kuntratt; b. x'kundizzjonijiet huma fil-kuntratt li jistabilixxu liema frott u ħaxix għandu jkun ta' produzzjoni lokali jew importat; u ċ. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kuntratt li qed jirregola lill-kuntrattur li se jissupplixxi l-ikel fi djar tal-anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, għaddej bil-preparamenti meħtieġa, sabiex ikun hemm kuntratt ġdid għal dan is-servizz, skont r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku. Is-suġġerrimenti msemmija mill-Onor. Interpellant, diġà ġew ikkunsidrati. Min-naħa l-oħra, il-menu provdut fir-Residenza San Vinċenz de Paule, huwa regolat minn kuntratt pubbliku li jistabilixxi menu għal perjodu ta’ żmien determinat u li huwa magħmul skont il-bżonn tar-residenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-menu huwa staġjonali u jinkludi fih ħaxix u frott skont l-istaġun. Kopja tal-kuntratt ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li fih informazzjoni ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Awtorità tad-Djar – Binja Buqana fl-Imtarfa – tiswijiet strutturali

Question

B’referenza għat-tiswijiet strutturali li qed isiru f’Binja Buqana fl-Imtarfa mill-Awtorità tad-Djar, wara li dawn id-difetti strutturali li wara 20 sena ġew ikkonfermati li huwa stat ta’ fatt u li huma periklu, jista’ l-Ministru jgħid x’mistrieħ il-moħħ għandu jkollu r-resident li x-xogħol qed isir skont is-sengħa f’kull post fil-blokka? Liema huma l-entitajiet li qegħdin jagħmlu l-ispezzjonijiet u kemm hi l-frekwenza ta’ dawn iż-żjarat? Min qiegħed iħares id-drittijiet kuntrattwali tar-resident? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn inbidlet it-teknika fuq l-infurzar tal-pilastri? Meta l-ex Ministru l-Onor Dr Michael Farrugia kien qal waqt press release li l-pilastri ħa jinbidlu, beda jsir hekk imma ma tkomplix. Hu nnutat li bil metodu l-ġdid ta’ kif qegħdin jiġu rranġati l-pilastri ta’ bejn il-garaxxijiet, qed jittieħed spazju mill-komun privat u x-xogħol mhux qiegħed jinforza l-irjus propja. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu l-Awtorità tad-Djar jekk dan hu minnu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-analiżi tal-ħsarat li kien hemm fil-binja msemmija, kienet saret minn kumpanija internazzjonali, b’reputazzjoni tal-ogħla livell, ARUP u x-xogħolijiet ta’ tiswija li qed isiru bħalissa, qegħdin jiġu sorveljati minn kumpanija ta’ Periti lokali, QP Management. L-istess kumpanija ta’ Periti, qed tieħu ħsieb is-sorveljanza tal-proġett u qed tagħmel l-ispezzjonijiet kollha neċessarji bejn darba u darbtejn fil-ġimgħa, skont in-natura tax-xogħlijiet li ikunu qed isiru. Ir-residenti tal-blokka, għandhom Assoċjazzjoni tar-Residenti li tirrappreżentahom. Dwar il-metodoloġija tal-infurzar tal-pilastri, wara li saru l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet f’kull appartament, irriżulta li kien hemm bżonn illi jinbidlu il-metodi strutturali ta’ kif kienu ser jiġu rranġati l-pilastri u dan minħabba diversi raġunijiet fosthom li; · tibdil totali tal-pilastri seta jirriżulta f’riskju strutturali għall-appartamenti waqt ix-xogħlijiet u għalhekk ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni sabiex il-pilastri jitħallew u jisaħħu il-pilastri eżistenti; · Wara diskussjonijiet u b’approvazzjoni mill-Assoċjazzjoni illi tirrappreżenta r-residenti tal-Binja kif ukoll tal-Awtorita` tad-Djar ġie konkluż illi l-aħjar soluzzjonji kienet illi l-pilastri eżistenti jissaħħu minn barra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tnaqqis fil-wisa’ tal-komun quddiem il-garaxxijiet huwa minimu u konformi mal-linji gwida tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Xiri ta’ flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien issottometta applikazzjoni biex jixtri l-flat tal-housing u wara li għamel il-konvenju u saħansitra kellu jagħmel kuntratt f’Diċembru, ċemplulu u qalulu li dan ma jistax isir għax il-post hu tal-Lands? (Dan meta ż-żewġ appartamenti ta’ fuqu nbiegħu). Jista’ jgħid x’inhi l-problema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – ħatriet ta’ Managers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4844 u jinforma lil din il-Kamra l-informazzjoni dwar il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali u l-aġenziji kollha u s-servizzi kollha li jaqgħu taħtha, għall-perjodu minn April 2013 sa Marzu 2018 u jgħid kemm saru ħatriet fil-gradi minn Manager ‘il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul il-perjodu msemmi kien hemm 32 persuna, li kienu maħtura fil-gradi, minn Maniġer ‘il fuq.

Akkomodazzjoni Soċjali – ħlasijiet b’lura ta’ pagament ta’ taxxi fuq id-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Awtoritajiet sabiex iniedu xi tip ta’ skema li permezz tagħha, persuni u entitajiet kummerċjali u anke entitajiet oħrajn li jkunu sidien ta’ proprjetajiet li jkunu tajba għall-finijiet t’akkomodazzjoni soċjali u li jkollhom jagħtu lill-Gvern ammonti sinjifikanti ta’ flus bħal ħlasijiet b’lura ta’ pagamenti tat-taxxa fuq id-dħul (Income tax) u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll pagamenti tas-social security contributions u dawn ma jkollhomx minn fejn iħallsu dawn l-ammonti ta’ flus lill-Gvern sabiex permezz ta’ din l-iskema jkunu jistgħu jpaċu dawn id-djun billi jgħaddu lill-Gvern dawk il-proprjetajiet li jkunu tajbin għall-akkomodazzjoni soċjali? Hemm xi ħsieb min-naħa tal-Awtorità li jiġi mgħoddi xi att ta’ liġi minn din il-Kamra tal-Parlament sabiex jiġi regolarizzat dan il-mod ta’ tpaċija sabiex b’hekk il-Gvern ikun jista’ jiġbor ammont sostanzjali ta’ flus li għandu jiġbor u kollox isir skont il-liġi u skont regoli u ‘prassi’ stabbiliti mingħajr ħafna qawmien ta’ dubji u tfigħ ta’ tajn bla bżonn minn min suppost jaf aħjar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Dar tal-Anzjani – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li teħtieġ tidħol f'home minħabba l-kundizzjoni tagħha, u li din tinsab weħidha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u diġa nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall- mistoqsija li saret f’isimha.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — għajnuna finanzjarja lill-Knisja ​

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi, li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxijin mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Aġenzija Appoġġ – każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4638, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika rrapportati lill-Aġenzija Appoġġ is-sena l-oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Aġenzija Appoġġ ħadmet mal-1,140 każ ta’ vjolenza domestika matul l-2017. Infakkar lill-Onor. Interpellant, illi dan it-tagħrif jinsab ukoll fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, f’paġni 11 sa 14, liema rapport diġa kien ġie ppreżentat fil-Kamra, nhar it-Tnejn 21 ta’ Mejju, 2018.