Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — position of trust
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 145, jista' l-Ministru issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-positions of trust fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-segretarjati u fil-customer care unit.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha mill-Ministeru tiegħu, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:
Lista ‘A’ – Ministeru/Direttorati/Dipartimenti
Lista ‘B’ – Entitajiet fil-MEDE
Attachments:PQ 4578 - MEDE - xogħol u xiri ta' kotba minn kumpanija.pdf
Kunsill Lokali Ħal Qormi – divoluzzjoni tal-art ta’ fejn il-Klabb tal-Boċċi ta’ San Sebastjan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għad-divoluzzjoni tal-art ta’ fejn il-Klabb tal-Boċċi ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi, liema kunsill meta jien kont Sindku kont ħejjejt pjanijiet sabiex l-Għaqda Kaċċaturi Nassaba, il-1st Qormi Scout Group u l-Qormi Athletic Club ikollhom premises uffiċjali tagħhom biex joperaw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, kif ukoll mal-għaqdiet kollha interessati sabiex din id-devoluzzjoni ssir bi qbil bejn il-partijiet kollha.
Drittijiet tal-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom l-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma d-drittijiet tal-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-drittijiet, kif ukoll id-dmirijiet, tal-ġenituri huma dawk li jinsabu fl-Att dwar l-Edukazzjoni Kap 327 tal-Liġijiet ta' Malta.
Universita’ ta’ Malta: Spiża tal-korsijiet mogħtija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża fuq kull kors mogħti mill-Università ta’ Malta? Kemm hemm studenti li qed jattendu fuq kull kors mogħti mill-Università?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li lista bin-numri ta’ studenti kurrenti li qed isegwu kors fl-Università ta’ Malta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista hija maqsuma skont il-kors li l-istudenti qed isegwu bħalissa. Il-kumplament tat-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni mill-Università ta’ Malta.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL1671 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 114 nhar it-Tnejn 21 ta' Mejju 2018)
Attachments:PQ 4591 - studenti kurrenti fl-Università ta’ Malta skont il-kors.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa totali għal kull sena għal kull student li jattendi l-iskejjel primarji mmexxija mill-Istat? X’qed tinkludi din in-nefqa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għas-sena 2017, in-nefqa għat-teaching staff fl-iskejjel primarji tal-Istat kienet ta’ €1,911.94 kull student. Din iċ-ċifra tinkludi s-servizzi ta’ LSAs u tas-superviżjoni.
Żgħażagħ ta’ 16-il sena – drittijiet għad-dritt tal-vot
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi preparamenti qed jitħejjew biex żgħażagħ li jkunu ser jagħlqu 16-il sena jkunu edukati f’materji dwar id-drittijiet tagħhom li jinkludu suġġetti bħad-dritt tal-vot?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel hemm numru ta’ miżuri li ġa qegħdin isiru u oħrajn li se jibdew isiru fis-snin li ġejjin.
Ħarġet ċirkulari fejn l-għalliema tal-Form 5 tal-PSCD intalbu jagħtu l-fehma tagħhom mill-Uffiċjali Edukattivi tal-PSCD dwar kif jaħsbu li t-tema tal-‘Vot ta’ 16-il Sena, Dmirijiet u Drittijiet’ għandha tiġi mgħallma fil-klassi.
Fil-klassijiet tal-Primarja, fit-3, 4, 5 u 6 sena, fil-PSCD, l-għalliema jiddiskutu s-suġġett tal-elezzjonijiet u l-proċess demokratiku meta l-istudenti jitħejjew għall-elezzjonijiet tal-kunsilli tal-istudenti. L-istudenti jkunu mħeġġa joħorġu bħala kandidati, jippreparaw diskors, jitkellmu quddiem sħabhom fil-klassi jew fil-hall, u jippreparaw posters. L-istudenti jkunu mħeġġa jirriflettu dwar id-dmirijiet bħala votanti, dwar jekk il-kandidati tal-kunsill preżenti għandhomx jerġgħu jiġu eletti jew le. Il-proċess tal-elezzjoni tal-kunsill tal-istudenti jsir permezz ta’ karti tal-vot, kaxxa tal-vot, studenti li jgħoddu l-voti u l-bqija. Il-kunsilli tal-istudenti huma mħeġġa jżommu l-minuti tal-laqgħat tagħhom. F’xi skejjel dan il-kunsill tal-istudenti jiġi amalgamat mal-kunsill tal-istudenti tal-EkoSkola.
Fl-iskejjel sekondarji, tiġi diskussa t-tema tal-voluntieri li jersqu ‘l quddiem sabiex jiġu eletti fil-kunsill.
Għas-sena skolastika li jmiss, permezz tar-reviżjoni tas-sillabi tal-PSCD u l-Istudji Socjali se jiġi implimentat programm ta' edukazzjoni ċivika. Fl-Istudji Soċjali se jiġu diskussi diversi temi li jispjegaw fuq il-vot. Fil-Forms 1 u 2, tiġi diskussa x'inhi demokrazija, tipi ta' gvern, gvern lokali u gvern ċentrali. Fil-Forms 3, 4 u 5 fl-option tal-Istudji Soċjali, tiġi diskussa t-tema taċ-ċittadin u l-komunità lokali, il-politika u l-Ewropa.
Helen Keller Resource Centre – għalliema tal-art, mużika u sport
Question
Jista’ l-Ministru jindika kemm-il għalliem għall-arti, il-mużika u l-isport hemm fil-Helen Keller Resource Centre u għal kemm-il siegħa dawn ikunu fl-iskola kull ġimgħa? Jista’ wkoll jgħid jekk hemmx il-pjan biex jiżdiedu s-sigħat ta’ dawn l-għalliema f’dan iċ-Ċentru u jekk iva meta se jiżdiedu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ għalliema għall-arti, mużika u sport fil-Helen Keller Resource Centre u kemm-il siegħa jkunu fl-iskola kull ġimgħa, huma kif se nsemmi:
Għalliema tal-Arti – 1,
Numru ta’ sigħat fil-ġimgha – 3 sigħat u nofs
Għalliem tal-Mużika – 1
Numru ta’ sigħat fil-ġimgha – 6 sigħat
Għalliem ta’ l-Isport – 1
Numru ta’ sigħat fil-ġimgha – 12-il siegħa
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, iva, il-pjan huwa li jiżdiedu imma dan jiddependi kemm ikollna min japplika u jintgħażel f’dawn is-sejħiet.
Jista’ l-Ministru jindika meta u fejn se jiċċaqlaq l-operazzjoni ta’ San Miguel Resource Centre? Jista’ jgħid ukoll jekk il-binja mgħamra ta’ San Miguel Resource Centre hijiex se tkun qegħda tintuża bħala Ċentru għal dawk l-istudenti li jkunu għalqu t-22 sena sabiex huma jibqgħu b’dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru ta’ San Miguel jilqa’ fih studenti tal-Primarja. Dan iċ-Ċentru ser ikun rilokat Bulebel, limiti taż-Żejtun. Skont l-action plans tal-FTS din ser isseħħ fis-sena 2019.
Visual and Performing Arts School – classical ballet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema sillabu se jiġi segwit u mgħallem għal classical ballet fil-Visual and Performing Arts School, u jgħid ukoll fuq liema sillabu jew metodu ta’ classical ballet se jiġu kkunsidrati dawk l-applikanti li se jipparteċipaw f’auditions għal din l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sillabu li ġie adottat huwa msejjes fuq tagħlim u taħriġ migjub minn skejjel internazzjonali bħal Cecchetti, Royal Academy of Dancing, British Organisation, American Ballet Theatre, Vaganova u Russian School of Ballet.
Is-sillabu sar b’mod li jgħaqqad oqsma differenti tal-Classical Ballet; taħriġ f’point work, repertoire, anatomija taż-żeffiena, analiżi ta’ teknika, koreografija u analiżi ta’ kompożizzjoni koreografika. Kif ukoll taħriġ ta’ devised theatre u multi disciplinary approached work.
L-audition tiġi mqassma fi tliet partijiet: żfin klassiku, modern u kontemporanju kif ukoll intervista. Għall-partijiet prattiċi l-istudenti jkunu ggwidati biex jesebixxu passi li huma l-bażi tal-genre. L-istudenti jiġu rikonoxxuti għall-mod ta’ kif jagħmlu l-eżerċizzji, it-teknika ta’ passi li huma universali, il-fiżika, il-mod ta’ kif jippreżentaw lilhom infushom u l-passjoni li għandom għaż-żfin.
Institute of Education – Memorandum of Understanding
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding iffirmat mill-Institute of Education kemm ma’ entitajiet Maltin kif ukoll ma’ dawk barranin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MOUs iffirmati mill-Institute for Education qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 4615 - Institute for Education - MOUs.pdf
Jista’ l-Ministru jippreżenta lista ta’ lecturers li se jkunu qegħdin jgħallmu fid-diversi korsijiet offruti din is-sena mill-Institute of Education u jindika l-kwalifiki tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lecturers tal-Institute għandhom kwalifiki bejn MQF 5 u MQF 8 jiddependi mil-livell tal-kors. Kull kors josserva r-regolamenti u l-istandards tal-akkreditar tal-NCFHE.
Skejjel post sekondarju tal-Gvern – għalliema mingħajr warrant
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema, f'Malta u Għawdex (separatament), li ma għandhomx warrant u li jgħallmu fi skejjel post-sekondarju tal-Gvern (16 years+) li jinkludu s-Sixth Form, il-Junior College, l-MCAST, l-Università u l-Institute of Tourism Studies? Jista’ jagħti n-numru għal kull istituzzjoni separatament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Att dwar l-Edukazzjoni (Kap 327 tal-liġijiet ta' Malta), il-ħtieġa ta’ warrant tapplika biss għal min qiegħed jgħallem lill-istudenti fl-età ta’ l-edukazzjoni obbligatorja. Għaldaqstant, il-liġi ma tobbligax li għalliema fi skejjel post-sekondarji bħal Junior College u lecturing staff f’istituzzjonijiet edukattivi ogħla bħal l-Università u l-MCAST, għandhom ikunu fil-pussess ta’ warrant ta’ Għalliem.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4519, jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid min huma l-konsulenti tekniċi u esperti ta' dan l-isport li qegħdin jieħdu sehem f'dawn in-negozjati għall-privatizzazzjoni tal-Korsa tal-Marsa? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' ħlas qegħdin jieħdu dawn il-konsulenti biex jieħdu sehem f'dan il-proċess u x'tip ta' konsultazzjoni qegħdin jagħmlu ma' dawk kollha involuti f'dan l-isport qabel ma jiġi ffirmat dan il-ftehim ta' konċessjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħatar Negotiation Team biex imexxi l-proċess tan-negozjati.
In-negotation team jikkonsisti minn Dr. Emanuel Camilleri, Chairman Privatisation Unit; is-Sur Renzo Farrugia, Senior Manager MIMCOL u s-Sur Brandon Lowell, Manager MIMCOL. Dan in-negotation team huwa flessibbli fis-sens li membri oħra temporanji xi kultant jagħtu pariri tekniċi waqt in-negozjati bħal pereżempju, is-Sur Edwin Borg (Chairman tal-Marsa Racing Club). Barra minn hekk, meta kien hemm bżonn in-negotation team ikkonsulta ma’ Malta Racing Club u mal-Malta Polo Club mingħajr l-ebda ħlas. Dan in-negotiation team qed jingħata kunsulenza legali minn Abela Advocates li ġew maħtura wara sejħa pubblika għal servizzi legali u li offrew l-irħas offerta. Barra minn hekk, il-Perit William Lewis li kien il-perit ta’ SportMalta, jagħti pariri tekniċi marbutin ma’ arkitettura u disinn tal-kumpless kif proposti mill-Proponent.
L-uffiċjali kollha barra Abela Advocates u l-Perit Lewis mhumiex imħallsa addizzjonali rigward ix-xogħol li qed isir fin-Negotiation Team għax huwa parti mis-salarju li qed jitħallsu biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom fil-kariga li għandhom bħala uffiċjali pubbliċi. Ir-rata applikabbli għal konsulenza teknika hija ta’ €35 fis-siegħa filwaqt li r-rata tal-konsulenza legali hija ta’ €37.50 fis-siegħa.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4519, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi deadline meta għandhom jiġu mitmuma n-negozjati għall-konċessjoni tal-korsa tal-Marsa lill-kumpanija privata interessata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li huwa fl-interess tal-Gvern u tal-Isport innifsu illi dawn in-negozjati jiġu konklużi kmieni kemm jista’ jkun, possibilment sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Wara, il-ftehim irid jgħaddi mill-qafas tal-proċeduri normali tal-Gvern.
Ministeru għall-Eduakzzjoni u Xogħol – promozzjoni tal-lingwa Maltija
Question
Peress li qegħdin ngħixu f’soċjetà multikulturali fejn hawn persentaġġ kbir tal-popolazzjoni li ma jifhmux bil-Malti u l-integrazzjoni ta’ ċertu komunitajiet hi importanti b’mod partikolari dawk li għandhom ċittadinanza Maltija, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Ministeru biex jippromwovi l-lingwa Maltija ma’ din is-sezzjoni tal-popolazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Bi tweġiba għal din il-mistoqsija ta’ min jgħid illi bħalissa Malta mhix tesperjenza migrazzjoni sinifikanti minn nies li għandhom ċittadinanza Maltija imma minn pajjiżi li huma membri tal-UE jew pajjiżi terzi.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa impenjat primarjament f’diversi modi bl-inklużjoni ta’ studenti ta’ età ta’ edukazzjoni obligatorja li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni. Il-programmi u servizzi li jingħataw lil dawn l-istudenti huma:
a) Għal studenti li la jifhmu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, il-Migrant Learners’ Unit (MLU) fi ħdan il-Ministeru toffri programm ta’ induzzjoni li jħejji lit-tfal biex jikkomunikaw bl-Ingliz u l-Malti waqt li xorta jsir tagħlim tas-suġġetti li normalment isiru fl-iskejjel bħal Matematika, Studji Soċjali u Xjenza. Bħalissa l-MLU qegħda tuża s-servizz ta’ 40 għalliem f’25 skola u f’dawn il-klassijiet hemm 576 student.
b) Wara li dawn it-tfal jiġu meqjusa li jistgħu ikampaw fil-klassijiet ikkunsidrati
mainstream,
jidħlu mal-bqija tal-popolazzjoni skolastika. Fejn dan seta’ jsir, l-MLU ipprovdiet għalliema li jagħtu
post induction support.
c) Fl-iskejjel sekondarji ukoll qed isiru gruppi ta’ tagħlim li jiffukaw fuq il-Malti bħala Lingwa Barranija. Iżda hawnhekk qed jiġu segwiti formoli differenti skont deċizjonijiet meħuda mill-iskola. Tħejjew riżorsi diġitali għall-għalliema li jkunu qegħdin jgħallmu dan is-suġġett.
d) Importanti wieħed jifhem li għad jonqos x’isir minħabba li n-nuqqas ta’ għalliema impatta ukoll is-servizz illi jeħtieġ jingħata. Biżżejjed ngħidu li l-Unit li bdiet erba’ snin ilu bi tliet għalliema llum qed tħaddem kważi ħamsin u dan għadu mhux biżżejjed.
e) Għal dawn l-aħħar sentejn konsekuttivi ġew organizzati klassijiet ta’ tagħlim intensiv matul is-sajf kemm fil-Malti kif ukoll fl-Ingliż għal dawk l-istudenti li jkunu jew waslu tard fis-sena skolastika jew ma jkunux meqjusa li qegħdin ilaħħqu biżżejjed mal-livell meħtieġ.
Matul is-sajf tal-2016 ħadu dan is-servizz 23 student filwaqt li matul is-sajf li għadda n-numru tela’ għal 224. It-tagħlim tħallas minn fondi tal-Ministeru u s-sena li għaddiet ġibed ukoll fondi mill-UE.
f) Sabiex dawn l-istudenti li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni jkunu jistgħu jiġu ċertifikati u jibqgħu mixjin bl-edukazzjoni tagħhom, bħalissa qiegħed jiġi żviluppat l-eżami tal-ħames sena sekondarja (SEC) fil-Malti bħala Lingwa Barranija.
g) Il-
Migrant Learners’ Unit
ġiet allokata finanzjament mill-fond AMIF tal-UE. Parti minn dan il-finanzjament se jintuża sabiex tinħoloq għodda onlajn li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jitgħallem il-Malti. Huwa maħsub illi dan il-materjal ikun jista’ jintuża kemm fi klassijiet konvenzjonali kif ukoll f’mod awtonomu.
h) L-istess fondi ewropej se jservu sabiex il-Migrant Learners’ Unit tniedi sensiela ta’ inizjattivi illi permezz tagħhom tfal li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni ikunu jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw ma’ tfal Maltin fi “klabbs” organizzati wara l-ħin tal-iskola.
Ta’ min isemmi li “Malti għal Barranin” qed jiġi mgħallem ukoll f’livell post-sekondarju fl-MCAST. Sadanittant, id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja joffri regolarment korsijiet ta’ tagħlim tal-Malti għall-adulti.
Ta’ min jirreferi wkoll għall-Istrateġija tal-Integrazzjoni tal-Migranti li ġiet imnedija mill-Unit tal-Integrazzjoni tal-MEAE. Il-MEDE qiegħed jikkollabora ma’ dan il-Unit sabiex jiġi żgurat il-proviżjon tal-klassijiet tal-lingwa Maltija lill-adulti fil-qafas tal-politika tal-integrazzjoni.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda konsulenti impjegati mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi inkluż dawk taħt is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji - konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 1077.
Jobsplus – ħaddiema reġistrati ma’ kumpanija mill-2014
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema mal-Korporazzjoni Jobsplus il-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.
Jobsplus – ħaddiema reġistrati ma’ kumpanija mill-2015
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kellha u għandha reġistrati ħaddiema mal-Korporazzjoni Jobsplus il-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament sena b'sena, mis-sena 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Peress li l-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant hija kumpanija privata, qed ngħaddi l-informazzjoni li ngħatajt lill-Onor. Interpellant separatament u b'mod kunfidenzjali.