Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — childcare centre jew facilities

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fl-MCAST hemmx childcare centre jew facilities? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid min jista’ jagħmel użu minn dawn il-faċilitajiet u jekk hemmx ħlas marbut ma’ dan l-użu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iċ-Child Care Centre se jinfetaħ fit-28 ta’ April, 2009. Dan huwa proġett ta’ l-ERDF (European Regional Development Fund), u li ser ikun miftuħ għat-tfal ta’l-istudenti li jattendu l-MCAST, għat-tfal ta’ l-istaff ta’ l-MCAST u għall-pubbliku inġenerali jekk ikun hemm postijiet. Din il-faċilita’ hemm ħlas marbut magħha, b’sussijdu konsiderevoli biex ikun jista’ jintlaħaq mill-but ta’ kulħadd, inkluż l-istudenti.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — entitajiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kull entità governattiva li taqa' taħt id-dekasteri tal-: a) kultura u b) patrimonju, bil-membri ta' kull bord/entità? Tista' tispjega ukoll il-ħidma tal-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività mit-8 ta' Marzu 2008 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

HIV/AIDS u STI Pandemic — programmi edukattivi u informattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi programmi edukattivi u informattivi qed ikunu immexxija fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva dwar l-HIV/AIDS u STI Pandemic?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Guidance and Counselling Services jipprovdi għajnuna fuq bażi personali ma’ l-istudenti u fejn hemm bżonn mal-familja tagħhom, skond il-każ. Jitfasslu wkoll programmi skond il-ħtieġa ta’ kull skola partikolari. Dawn il-programmi jindirizzaw kemm il-bżonn ta’ informazzjoni korretta kif ukoll l-importanza tal-formazzjoni tal-karattru. Il-Guidance and Counselling Unit ħafna drabi jaħdem id f‘id mal-għalliema tal-PSD u suġġetti oħra relatati bħal reliġjon u xjenza. Unit għożża joffri programm li huwa bbażat fuq sessjonijiet ta’ żvilupp personali, sessjonijiet edukattivi u suġġetti informattivi li jittrattaw fost suġġetti diversi, il-mard trasmess mis-sess. Dan isir kemm mal-grupp tat-tfajliet, kif ukoll mal-grupp ta’ sapport għall-omm u t-tarbija. Għal dan il-għan jiġu mistiedna wkoll kelliema esperti f’dan il-qasam, biex jindirizzaw dan is-suġġett maż-żewġ gruppi msemmija hawn fuq. Issir referenza għal dan is-suġġett, waqt is-seminars dwar is-suġġetti sesswali li huma parti mill-programm ta’ prevenzjoni intitolat ‘Nifmhu ‘l Uliedna fil-Bidliet’ li jingħata lill-ġenituri ta’ studenti li jattendu l-ħames, is-sitt u s-seba’ sena tal-iskola primarja. L-Education Medical Service ukoll jagħti talks dwar dawn is-suġġetti lill-istudenti ommijiet jew tqal fi ħdan il-Unit Għożża. STIs huwa topic li jingħata importanza speċifika fil-Form 4 taħt it-titlu ‘s-Saħħa u s-Sesswalita’. Skont is-sillabu tal-Personal and Social Development (PSD) għall-iskejjel Sekondarji maħruġ mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni (2005) dawn huma l-għanijiet u x’inhu mistenni li jitgħallmu l-istudenti. STIs · Biex l-istudenti jsiru konxji mill-STIs u kif jiġu trasmessi · Biex l-istudenti jesploraw l-emozzjonijiet personali tagħhom marbutin ma’ dawn l-STIs Kif tevita l-STIs · Biex l-istudenti jirrevedu dak li diġa jafu dwar il-kontraċettivi · Biex l-istudenti jidentifikaw liema kontraċettivi jistgħu jintużaw bħala protezzjoni kontra t-trasmissjoni ta’ l-STIs. Huwa d-dmir ta’ l-għalliema tal-PSD li jgħallmu l-ħiliet indikati hawn fuq lill-istudenti tas-sena ndikata. Matul is-sena ġewwa l-MCAST isiru bosta attivitajiet li jkopru dan is-suġġett tas-sesswalita’. Dawn jiġu organizzati mill-Counsellors, miċ-Chaplain tal-Kulleġġ u minn gruppi ta’ studenti kemm fuq livell ta’ Istitut kif ukoll dak ta’ Kulleġġ. Is-sena l-oħra, waħda minn dawn l-attivitajiet li ġiet organizzata mill-Counsellors b’kollaborazzjoni mal-Kunsill ta’ l-Istudenti u bl-għajnuna tal- Health Promotion and Diseases Prevention Department kienet ġimgħa ta’ attivitajiet bejn it-2 u s-7 ta’ Diċembru 2008. Waqt din il-ġimgħa saru taħdidiet ma’ l-istudenti dwar mard u infezzjonijiet trasmessi sesswalment, fertilita’ u tqala. Intwerew slides u tqassam ukoll xi materjal stampat filwaqt li numru ta’ youth workers kemm Maltin kif ukoll barranin fil-breaks tħalltu ma’ l-istudenti u tkellmu magħhom dwar drittijiet u rispett lejn il-ġisem uman kif ukoll dwar servizzi eżistenti marbuta ma’ dan is-suġġett. Minn din is-sena akkademika l-istudenti kollha li qed isegwu kors ta’ tagħlim fl-ewwel livell qed jingħataw lezzjonijiet fuq l-iżvilupp personali (PSD) fejn fost temi oħra hemm dik tas-sesswalita’ u l-mard trasmess sesswalment. Alcohol Abuse, Drug Abuse, Sexually Transmitted Diseases u Work-Placed Violence huma suggetti inkluzi fil-kurrikulum ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistici. Barra minn dan jsiru wkoll laqghat informattivi ghall-istudenti mill-Agenzija Sedqa li jittrattaw l- HIV/AIDS u STI. L-Università m’għandhiex programmi edukattivi speċifikament dwar l-HIV/AIDS u STI Pandemic. Però dawn is-suġġetti jiġu diskussi f’diversi study-units li joffru fakultajiet differenti.

gender sensitive sexuality and relationship — programmi informattivi u edukattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi programmi informattivi u edukattivi qed jiġu mmexxija fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, fir-rigward ta' gender sensitive sexuality and relationship bil-għan li tipprevedi t-tqaliet mhux ippjanati, tqaliet f'etajiet zgħar u tqaliet mhux f'relazzjonijiet stabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Guidance and Counselling Services jipprovdi għajnuna fuq bażi personali ma’ l-istudenti u fejn hemm bżonn mal-familja tagħhom, skond il-każ. Jitfasslu wkoll programmi skond il-ħtieġa ta’ kull skola partikolari. Dawn il-programmi jindirizzaw kemm il-bżonn ta’ informazzjoni korretta kif ukoll l-importanza tal-formazzjoni tal-karattru. Il- Guidance and Counselling Unit ħafna drabi jaħdem id f’id mal-għalliema tal-PSD u suġġetti oħra relatati bħal reliġjon u xjenza. Unit Għożża teduka tfajliet li ser isiru ommijiet u oħrajn li diġa’ saru. Għal dan il-għan, ġie mfassal programm ta’ prevenzjoni li jittratta suġġetti dwar: 1. kif it-tfajla għandha tgħix is-sesswalita’ tagħha; 2. tifhem ir-responsabbilta’ ta’ ħajja sesswalment attiva u l-konsegwenzi; 3. il-kontraċezzjoni; 4. sessjonijiet ta’ PSD li jittrattaw diversi suġġetti fosthom relazzjonijiet, imħabba u sess, komunikazzjoni, deċiżjonijiet u valuri; 5. il-programm ‘Nifhmu ‘l Uliedna fil-Bidliet’ li jingħata lill-ġenituri ta’ studenti li jattendu l-ħames, is-sitt u s-seba’ sena tal-iskola primarja. Dan il-programm għall-ġenituri, jikkonsisti f’seminars dwar suġġetti sesswali u kif il-ġenituri jistgħu japplikaw dan it-tagħlim fi ħdan il-familja. Fis-settur primarju mir-raba’ sena ’l fuq waħda mit-temi rikorrenti li nsibu fis-sillabu tal- Personal and Social Development (PSD) hu t-tema “‘Saħħa u Sigurta’”. Fir-raba’ sena l-istudenti jsiru konxji tal-iżvilupp fiżiku, sesswali u emozzjonali tagħhom. Huma jsiru konxji wkoll tal-emozzjonijiet imqanqla meta jkun kemm l-esperjenza ta’ twelid. Fl-ħames sena jingħataw tagħrif dwar it-tibdiliet li jseħħu fil-ġisem uman u jiġu megħjuna jifhmu dawn it-tibdiliet. Huma jsiru konxji tal-influwenza tal-familja, il-ħbieb u l-media fuq kif huma mistennija jġibu ruħhom skont is-sess tagħhom u kif is-soċjeta’ tista’ tittratahom differenti minħabba s-sess tagħhom. Huma jkunu megħjuna jifhmu l-ideat sterjotipiċi li huma mdawra bihom. Fil-ħames sena jiġu trattati wkoll it-temi ta’ xi tfisser mħabba u riproduzzjoni. Fis-sitt sena dawn it-temi kollha jiġu trattati f’iżjed dettal. Fis-settur sekondarju diversi temi differenti skont l-eta’ u l-maturita’ tal-istudent jiġu trattati matul il-ħames snin. Fost dawn nistgħu nsemmu, l-iġene personali, l-iżvilupp fiżiku, sesswali u emozzonajali, l-effett tal- media u tas-soċjeta’ u kif wieħed iħares lejn is-sesswalita’ tiegħu. Tingħata importanza lill-valur tal-ħajja, it-tqala qabel iż-żwieg u l-konsegwenzi li ġġib magħha. Fis-suġġett tal-PSD jiġu diskussi ukoll temi bħal l-iżvilupp tas-sess oppost, l-imaġni individwali, il-kontraċettivi, il-mard assoċjat mal-abbuż sesswali, stupru, internet chatting , fastidju sesswali, pedofilija, l-esebizzjoniżmu u l- pornografija . Jiġu ttratti ukoll temi assoċjati mar-relazzjonijiet differenti u orjentazzjonijiet differenti. Wieħed mill-għanjiet prinċipali tal-MCAST hu li t-tagħlim isir b’mod ħolistiku għall-iżvilupp u l-formazzjoni ta’ l-istudenti. L-edukazzjoni pastorali hija integrata mat-tagħlim formali li jsir mill-għalliema b’impatt fuq l-iżvilupp sħiħ ta’ l-istudenti inkluż dak sesswali. Bħal fis-snin ta’ qabel, il-Kulleġġ jorganizza numru ta’ laqgħat taħt diversi forom ma’ l-istudenti dwar is-suggett tas-sesswalita’ u l-imġieba sesswali. Dawn ivarjaw minn taħditiet informali fil-klassi, video forums , laqgħat fejn jiġu mistiedna kelliema professjonalli biex ikellmu lill-istudenti u bosta attivitajiet oħra. Barra minn hekk, minn din is-sena akkademika, l-istudenti kollha li qed isegwu kors ta’ tagħlim fl-ewwel livell qed jingħataw lezzjonijiet fuq l-iżvilupp personali (PSD) fejn fost temi oħra hemm dawk ta’ gender sensitive sexuality u relazzjonijiet. Sexually transmitted diseases u sugetti relatati bhal relationships u gender equality huma trattatti fil-programmi ta’ studju ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistici. Fuq livell Universitarju, il-Fakultajiet ma jipprovdux programmi fir-rigward ta’ gender sensitive sexuality and relationships bl-għan li jipprevedu t-tqaliet f’etajiet żgħar u tqaliet mhux f’relazzjonijiet stabbli. Il- Gender Issues Committee fi ħdan l-Università tħeġġeġ lid-Dekani tal-Fakultajiet regolarment biex joħolqu iżjed għarfien fuq vjolenza fiżika u gender issues in ġenerali.

tniġġis ta' l-ambjent — programmi dwar prevenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi programmi dwar prevenzjoni qegħdin jsiru biex jiġu imħarrġa u edukati n-nies rigward riskji għal saħħithom ippreżentati mit-tniġġis ta' l-ambjent?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sistema edukattiva, suġġetti li għandhom x’jaqsmu mat-tniġġis ta’ l-ambjent u l-ħsara li dan jista’ jagħmel lis-saħħa, huma inklużi fil-lezzjonijiet ta’ l-iStudji Soċjali u tal-Personal and Social Development. Proġetti bħal Ekoskola jitrattaw wkoll dawn is-suġġetti.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Ħaddiema tal-IPSL

Question

B'referenza għar-risposta parlamentari 3376 tista' l-Ministru tagħti breakdown dettaljat ta' kif waslet għal figura li tat bħala valur totali tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tal-IPSL attachedmad-Direttorati tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-breakdown tal-valur totali li ngħata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3376 tax-xogħol imwettaq mill-ħadddiema tal-IPSL fl-iskejjel kien ibbażat fuq il-pagi ta’ kull individwu li jifforma parti minn dan il-grupp ta’ ħaddiema.

Channel 22

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-isponsors tat-18-il programm u oħrajn kollha sponsorjati għal Channel 22 li aċċennat għalihom fir-risposta tagħha għall-mistoqsija parlamentari 2989? Kemm minn dawn l-isponsorjar kien in kind u kemm f'termini finanzjarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għall-iskeda Ottubru-Diċembru 2008 kienu qed jixxandru il-programmi kif jidher hawn taħt. Kif jidher, numru ta’programmi kienu mogħtija b’xejn biex jixxandru jew kienu sponsorjati. · Diversi ripetizzjonijiet tal-programmi tal-jum ta’ qabel kif ukoll tal-programmi/kors Lura fil-Klassi · Xandir tar-Radju Campus FM b’arrangament bla ħlas ma’ Campus FM · Ripetizzjonijiet ta’ programmi mxandra mill-PBS u minn Channel 12 bi ftehim bla ħlas mal-PBS · Programmi Kulturali mogħtija b’xejn mill-Ambaxxati tal-Istati Uniti, tal-Indja u taċ-Ċina. · Programmi mxandra mill-Arkivji ta’ Education 22 · 3 Pointer , sponsorjat mill-Malta Basketball Association · Perspettiva, sponsorjat minn Marsovin (Euro 40), WasteServe (Euro 130) u mill-MFSA (Euro 50) – kull programm · Collage , programm imtella’ mill-istaff ta’ Education 22 · Kwarta fl-Ewropa, imtella’ mill-istaff ta’ Education 22 · MIA Olympic Sport, sponsorjat mill-Malta Olympic Committee (Euro465 kull programm) · GFA Reviews, sponsorjat mill-GFA billi jagħtu programm lest biex jixxandar · Pot Pourri , mtella’ mill-istaff ta’ Education 22 · Nurseries 22, sponsorjat minn Mario Pisani billi jagħti programm lest biex jixxandar. · Inħarsu/Ajkidio , imtella’ mill-istaff ta’ Education 22 · Skrin/Box Office, sponsorjat mill-KRS (Euro 430 kull programm) · E-updates , imtella’ mill-istaff ta’ Education 22 · EU Passport , sponsorjat mill-EUPA billi jagħtu programm lest biex jixxandar. · KMS Sportslink , sponsorjat mill-KMS (Euro 280 kull programm) · Kontrattakk , sponsorjat mill-Events Services billi jagħtu programm lest biex jixxndar. Il-firxa ta’ programmi msemmija tolqot il-gosti u l-interess ta’udjenzi varji, kemm b’aspett edukattiv, kulturali, sportiv, ċinematografiku u ta’ interess ġenerali. Hemm programmi oħra ta’ aħbarijiet u anke għal udjenzi iżgħar.

Dipartiment tal-Kultura — Staff

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Kultura? Kemm hemm staff f'kull entità? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel? X'inhuma l-gradi ta' kull wieħed u waħda minnhom? Kemm ilhom kull wieħed u waħda minnhom mal-entità li qegħdin magħha fil-preżent? Min minnhom huwa gradwat? X'nuqqasijiet ta' staff hemm f'kull entità? X'inhu r-rwol u l-funzjoni ta' kull entità li taqa' taħt id-Dipartiment tal-Kultura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm konsulenti mad-Direttorati tal-Edukazzjoni wieħed b'wieħed? Tista' tgħid meta jagħlaq il-kuntratt ta' kull konsulent? Tista' tgħid wkoll min huma li kellhom il-kuntratt tagħhom imġedded? Għal kemm żmien u meta jagħlqu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa m’hemm l-ebda konsulent fid-Direttorati tal-Edukazzjoni.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Sezzjoni tal-gardening - transfers

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi transfers ingħataw bejn Novembru u Diċembru 2008 minn mas-sezzjoni tal-gardening tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? X'kienet ir-raġuni li ngħataw dawn it-transfers? Fejn ġew mibgħuta dawk li ngħataw dawn it-transfers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bejn Novembru u Diċembru 2008 ma’ ngħatawx transfers minn mas-Sezzjoni tal-Gardening tad-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — għajnuna liż-żgħażagħ li jridu jistudjaw barra

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jagħtix xi forma ta' għajnuna liż-żgħażagħ li jridu jistudjaw barra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni għandu fi ħdanu l-iskema MGSS (Malta Government Scholarship Scheme). Din l-iskema toffri għajnuna lill-persuni li jridu jistudjaw barra minn Malta , kemm f’livell ta’ Degrees (Undergraduate) u kemm f’livell iktar avvanzat (Postgraduate), dak ta’ Masters u Dottorat. Hemm ukoll skema ta’ boroż ta’ studju bl-isem ta’ Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS) li tilqa’ applikazzjonijiet ta’ boroż ta’ studju fi gradi ta’ Masters u ta’ Ph.D. Taħt din l-iskema, dawk li japplikaw jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom, kemm fl-Universita’ ta’ Malta, kif ukoll f’Universitajiet barra minn xtutna. Għadha kemm għalqet sejħa għall-applikazzjonijiet nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu, 2009. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi offra wkoll 42 borża ta’ studju oħra bl-isem ta’ Career Guidance Capacity Building għal persuni li jixtiequ jistudjaw fuq bażi part-time jew distance learning fil-qasam tal-karrieri. Din is-sejħa għalqet il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 2009.

Kindergarten Assistants 2

Question

Tista' l-Ministru tispjega: a) X'inhi r-raġuni għaliex ħarġu riżultati għad-dħul tal-kindergarten assisants 2u dawk tal-kindergarten assistants 1 ma ħarġux? b) X'inhi r-raġuni li ċerti applikanti li kellhom pre school certificate ġew aċċettati fis-sejħa tal-kindergarten 2 u oħrajn bl-istess ċertifikat irrifjutawlhom l-applikazzjoni? ċ) Għandhiex toħroġ applikazzjoni ġdida mill-aktar fis għal kindergarten assistants 2 sabiex dawk li ma tħallewx japplikaw ikunu jistgħu jagħmlu hekk?

Response (CRISTINA, DOLORES)

a. Ir-riżultati tal-Kindergarten Assistants 2 ħarġu għax l-intervisti ta’ l-applikanti kienu saru u seta’ jiġi ppreparat ir-rapport bir-riżultat mill-Bord ta’ l-Għażla, liema rapport ġie approvat mill-PSC u għalhekk seta’ jiġi ppublikat. Is-sejħa għal Kindergarten Assistants 1 hija sejħa separata. L-intervisti għal din is-sejħa għadhom ma sarux kollha. Kif jitlestew l-intervisti, jitħejja r-rapport bir-riżultat li jinbgħat lill-PSC. b. Iċ-ċertifikat tal- Pre-School gie kkunsidrat komparabbli mill-MQRIC u għalhekk dawk kollha li kellhom dan iċ-ċertifikat u applikaw għal Kindergarten Assitants 2 ġew imsejħa għal intervista. c. Applikazzjoni oħra għall- Kindergarten Assittants 2 toħroġ meta jkun hemm il-ħtieġa. Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Press Release li ħarġet mill-Ministeru u mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi li xxandret il-ġimgħa li għaddiet.

Tined stallati fuq Ħaġar Qim u Mnajdra

Question

Tista' l-Ministru tgħid huwiex minnu li t-tined li ġew stallati fuq Ħaġar Qim u l-Imnajdra se jitneħħew minħabba l-fatt li r-riħ qed ikissrihom kull darba? X'se jsir minflokhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kuntrarju għall-informazzjoni li jista’ għandu l-Onorevoli Interpellant, mhux talli qatt ma kien hemm xi ħsieb li t-tined protettivi jitneħħew fil-futur qrib, iżda bil-maqlub, ix-xogħol fuq l-installazzjoni tat-tinda protettiva fuq l-Imnajdra miexi il-quddiem b’ritmu tajjeb, u sal-lum 11 mit-18-il pannel li flimkien jiffurmaw it-tinda tal-Imnajdra huma installati fil-post. Tajjeb li wieħed jerġa’ jtenni, kif diġa ġie spjegat lill-publiku aktar minn darba fil-medja, li l-ebda parti tat-tined li hija kompletament installata ma sostniet xi ħsara. Żewġ pannelli tat-tined iċċarrtu bir-riħ meta dan kien qed jonfoħ b'forza ta' riefnu ‘l fuq min-normal u ‘l fuq minn dak li kien mistenni fir-rapporti tat-temp, meta dawn iż-żewġ pannelli ma kienux għadhom stirati sewwa. F'dan l-istadju, li jieħu madwar għaxar t’ijiem, il-materjal tal-pannelli jkun l-iżjed vulnerabbli.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Konsulenti li qabżu d-data tal-irtirar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm konsulenti jew nies li qabżu d-data tal-irtirar mad-Direttorati tal-Edukazzjoni tul dawn l-aħħar ħames snin,sena b'sena? Min kienu dawn il-konsulenti wieħed b'wieħed? X'inhu l-qasam li fih kienu jew qed iservu ta' konsulenti? Kemm damu kull wieħed f'dan il-qasam wieħed b'wieħed? Kemm minnhom ser jispiċċaw minn din il-kariga din is-sena u min huma wieħed b'wieħed? Min minn dawn il-konsulenti mhux qed jiġġeddidlu l-kuntratt u għaliex? Min minn dawn il-konsulenti ser jiġġeddidlu l-kuntratt u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ konsulenti li qabżu d-data ta’ l-irtirar fid-Direttorati tal-Edukazzjoni tul dawn l-aħħar ħames snin huwa hekk: Sena Numru ta’ Konsulenti Qasam ta’ Konsulenza 2004 - 2005 - 2006 - 2007 2 1) Konsulenza fuq teknoloġija tal-informatika 2) Perit 2008 2 1) Konsulenza fuq teknoloġija tal-informatika 2) Perit L-ismijiet tal-konsulenti mhux qiegħed jingħataw minħabba raġunijiet ta’ Data Protection . Il-kuntratt tal-konsulent fuq ICT beda fid-19 ta’ Diċembru 2006 u spiċċa fil-31 ta’ Ottubru 2008, meta ma ġiex imġedded. Il- contract for service tal-perit ma giex imġedded wara id-9 ta’ Frar, 2009

Dipartiment tal-Quality Assurance — Taħriġ fuq l-awditjar

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'taħriġ sar mid-Dipartiment tal-Quality Assurance fuq l-awditjar? Kemm nies kienu msejħa għal dan it-training? Minn min sar it-taħriġ? Fejn u meta sar it-taħriġ? Kemm intnefqu flus fuq dan it-taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li t-training fi ħdan id-dipartiment tal-Quality Assurance għadu kemm ġie mfassal. Dan ser iħares lejn żewġ aspetti – kemm l-evalwazzjoni interna kif ukoll l-awditjar estern. Dan biex nirrispettaw il-liġi kif ukoll biex nirrispondu għall-evalwazzjoni li saret fuq l-awditjar estern li diġa’ kienu saru bejn l-2005 u l-2007.Dan it-taħriġ hu mistenni li jibda f’Marzu li ġej.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Pubblikazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'pubblikazzjonijiet ħarġu wieħed b'wieħed id-Direttorati tal-Edukazzjoni matul dawn l-aħħar ħames snin? X'ammonti ġew stampati minn kull pubblikazzjoni? Fejn tqassmu dawn il-pubblikazzjonijiet waħda b'waħda? Kemm swiet kull pubblikazzjoni? Fejn kienet stampata kull pubblikazzjoni? Kemm ġiet tiswa kull pubblikazzjoni? Min ħoloq l-art work ta' kull pubblikazzjoni,waħda waħda u kemm ġie jiswa l-art work ta' kull pubblikazzjoni? Min ifformattja kull pubblikazzjoni waħda b'waħda u kemm ġie jiswa l-formatting ta' kull pubblikazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Technical Services Branch — Ilbies protettiv għal ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus fuq ilbies protettiv għal ħaddiema tat-Technical Services Branch, bejn l-2004 u l-2008 sena b'sena? X'tip ta' lbies protettiv inxtara? Kemm ġie jiswa? Min kienu l-aġenti? Kemm intefqu flus fuq is-sunblock għal ħaddiema li jaħdmu fuq barra bejn l-2004 u l-2008, xahar b'xahar? Liema sezzjonijiet tat-Technical Services Branch u tal-gardening section ingħataw din il-protezzjoni kontra x-xemx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Precinct Officers

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2969, tista' l-Ministru tgħid min huma n-nies li qed jagħmluha ta' precinct officers mal-Kulleġġi wieħed b'wieħed? Min awtorizzahom? Minn fejn qed jitħallsu l-allowance tagħhom? Ta' kemm hi l-allowance f'kull każ? X'funzjoni għandhom dawn l-acting precinct officers? Għaliex dawn l-individwi ġew avviċinati direttament biex jagħmluha ta' precinct officers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sakemm toħrog is-sejħa għall-Precinct Officers, id-Direttorat avviċina lil tliet impjegati tat-Technical Services Branch sabiex ikunu jistgħu jassistu lill-Prinċipali tal-Kulleġġi fuq bażi ta’ prova. Dawn l-impjegati tat-Technical Service Branch qedin f’dawn il-Kulleġġi u jieġdu dawn l-allowances: Charge Hand li jieħu ħsieb il-Kulleġġi ta’ San Benedettu u ta’ Santa Margerita li għandu allowance ta’ €3843 fis-sena; Tehcnical Officer li jieħu ħsieb il-Kulleġġi ta’ Santa Klara u ta’ Maria Regina li għandu allowance ta’ €2795 fis-sena; U Assistant Technical Officer li jieħu ħsieb il-Kulleġġ ta’ San Gorg Preca li m’ghandu ebda allowance . L- allowances qed jitħallsu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.

Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Riżenja ta' impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati rriżenjaw matul dawn l-aħħar ħames snin mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, entità b'entità u sena b'sena? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu irġiel? X'kienet il-pożizzjoni ta' kull wieħed jew waħda minnhom u kemm kienu ilhom mal-gvern? Kemm minnhom irriżenjaw fuq raġunijiet ta' saħħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eden Foundation — użu tas-surplus

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Eden Foundation kellhiex surplus fl-2008? Għaliex din is-sena ma jintużax biex il-ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu l-Eden Foundation tinħelsilhom jew tittaffhielhom il-miżata li jħallsu flok ma tmur biex tiffinanzja fondazzjoni oħra li kellha telf kbir qabel ma din ħadet over l-Eden Foundation?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li skond il-ftehim milħuq mal-Fondazzjoni Eden, il-flus jingħataw għall-programmi speċifiċi, l-Fondazzjoni hija obbligata biss li tibgħat rendikont tal-ispejjeż kollha marbutin ma’ dawn il-programmi. Għalhekk id-Direttorat ma hux f’pożizzjoni li jgħid il-Fondazzjoni ikolliex surplus jew le.