Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule, Triq tal-Borg u Triq Ħaż-Żabbar – dawl tat-triq

Question

Tista' l-Ministru tara li titranġa s-sitwazzjoni tad-dawl tat-triq (street lighting) fi Pjazza Antoine De Paule, Triq tal-Borġ, Triq Ħaż Żabbar u toroq oħra tal-madwar f'Raħal Ġdid, fejn id-dawl issa ilu ġranet jew ma jixgħelx jew jixgħel tard ħafna billejl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa u d-dwal fi Pjazza Antoine De Paule u t-toroq tal-madwar huma mixgħula.

Proġett fil-Bajja tal-Balluta — Tixrid ta' skart

Question

Fid-dawl tat-tixrid riċenti ta' skart minn proġett fil-Balluta li niġġes il-Bajja tal-Balluta, tista' l-Ministru tispjega x'miżuri ttieħdu biex ma jkunx hemm aktar skart imxerred fil-Bajja tal-Balluta minn dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ERA immedjatament waqqfet ix-xogħlijiet, kif ukoll ordnat lill-applikant biex jieħu l-miżuri ta' mitigazzjoni meħtieġa sabiex ma jkunx hemm aktar tixrid ta' materjal fil-baħar. Dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni meħuda fuq dan il-proġett jinkludu: 1. installazzjoni ta' mesh addizzjonali sabiex l-ilqugħ fil-baħar jiżdied; 2. l-piling works komplew mingħajr l-użu ta' ilma bħala drilling fluid sabiex jitnaqqas l-ammont ta' runoff; 3. tpoġġa lqugħ fuq il-blat sabiex materjal iġġenerat mill-piling works ma jispiċċax il-baħar; 4. il-preżenza ta' Environmental Monitor sabiex jassigura li l-miżuri hawn fuq imsemmija jkunu adegwati u jitwaqqaf ix-xogħol b’mod immedjat jekk jirriżulta li l-miżuri ma jkunux effettivi. Fis-16 ta’ Mejju, l-Awtorità ħarġet ukoll notifika ta’ multa minħabba li skart ta’ materjal minn dan il-proġett spiċċa fil-baħar.

REWS – ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? Tista’ tgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-Żejtun — Triq Strejnu u Triq Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 531, tista’ l-Ministru tikkonferma li t-tieni kuntrattur twaqqaf u issa qed isiru l-preparamenti biex jinstab kuntrattur ieħor? Meta taħseb li dan se jinstab u allura jkun jista’ jitlesta dan ix-xogħol, li ilu għaddej għal numru ta’ snin b’inkonvenjent bla bżonn għar-residenti u kull min juża dawn l-akkwati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet passi biex jinbidel il-kuntrattur fuq dan il-proġett wara nuqqasijiet kuntrattwali. Bħalissa għaddej process biex ix-xogħol jitkompla minn kuntrattur ieħor skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku. Kif indikajt iżjed qabel f’PQ 531, il-maġġoranza tax-xogħol fit-toroq indikati huwa lest, għajr għal l-aħħar saff ta’ tarmac, bix-xogħol mistenni jitkompla fix-xhur li ġejjin wara li jkun lest il-proċess amministrattiv hawn fuq indikat.

Delimara/Marsaxlokk — tisbiħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 532, tista’ l-Ministru tikkonferma li dan is-sit ta’ Delimara se jkun kunsidrat ħalli jsir ix-xogħol ta’ restawr u tisbiħ meħtieġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju l-ebda sit potenzjali mhu qed jiġi eskluż u fil-fatt is-sit li qed jirreferi għalih huwa wieħed li se jiġi kkunsidrat għal xogħlijiet ta’ restawr ambjentali, ġaladarba jkun stabbilit ukoll it-titolu ta’ l-art.

Il-Fgura – Triq Hompesch u Triq is-Sur — Arblu mqaċċat

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra meta ser jinbidel arblu tad-dawl fi Triq Hompesch, kantuniera ma' Triq is-Sur fil-Fgura, li kien tqaċċat f'inċident minn karozza f'Marzu li għadda? Peress li l-Kunsill Lokali tal-Fgura ilu jirrapporta dan l-arblu għal dawn l-aħħar tliet xhur, inkluż permezz ta’ reminders, u r-risposta li jieħu mill-Enemalta hija biss li l-ilment tagħhom qed jiġi kkonsidrat, u peress li dan l-arblu li l-parti ta’ madwar metru għadha mwaħħla mal-bankina qed toffri periklu enomi lil kull min ikun qed juża din il-bankina li tinsab fit-triq prinċipali tal-Fgura, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux aċċettabbli li arblu li joffri dan il-periklu kollu jdum iktar minn tliet xhur sabiex jinbidel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-każ ingħalaq u l-arblu mqaċċat tneħħa. Tajt ukoll struzzjonijiet lill-Enemalta biex f’każijiet simili, l-azzjonijiet neċessarji jittieħdu fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Fgura – Triq il-Kitba — Xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq il-Kitba fil-Fgura mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tista’ l-Ministru: a. tispjega għaliex dawn ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin f'din it-triq għal dawn l-aħħar sitt xhur; u b. meta ser jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Apparti li f'din it-triq hemm l-entratura prinċipali tal-Iskola Primarja bl-inkonvenjenzi li din iġġib magħha għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom, ir-residenti ta’ din it-triq qed jgħaddu minn inkonvenjenti kbar ta’ trabijiet kif ukoll lanqas jistgħu jużaw il-garages tagħhom stess; u peress li din it-triq hija parti mir-rotta tal-Purċissjoni tal-festa tal-Fgura, tikkonferma li t-triq ser tkun lesta u miftuħa mill-ġdid fi żmien tajjeb sabiex tkun tista’ tintrama għall-festa u l-purċissjoni tgħaddi minnha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni miksuba, x-xogħolijiet fit-triq indikata bdew madwar tlett xhur ilu. Ix-xogħol fit-Triq il-Kitba hu mistenni li jkun komplut lejn l-aħħar ta’ Ġunju. Dan ix-xogħol jifforma parti minn proġett ikbar f’ din il-lokalitá sabiex itejjeb u jsaħħaħ l-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Delimara – xiri ta’ unit ta’ enerġija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 910, tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma l-"interessi kummerċjali" li qed tirreferi għalihom, ġaladarba l-Enemalta għandha monopolju fuq id-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika, li hu suq li għadu mhux liberalizzat, u allura m'għandhiex kompetizzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li qed jitkellem dwar monopolju fid-distribuzzjoni tal-enerġija, id-domanda tiegħu mhix dwar id-distribuzzjoni iżda dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija. F’dan il-każ m’hemmx sors wieħed minn fejn tinxtara l-enerġija. Għalhekk ma jeżistix il-monopolju li qed isemmi hu u jeżisti suq fejn l-Enemalta tħaddem proċess kontinwu ta' dispatch optimisation. Għax il-prezzijiet tal-elettriku mill-Interconnector jvarjaw minn siegħa għall-oħra u l-EneMalta tixtri minn suq miftuħ li jopera f’forma ta’ irkant, il-pubblikazzjoni tal-volumi u tal-prezzijiet dettaljati, ixekklu dan il-proċess billi jtellfu l-opportunita li l-Enemalta takkwista l-aħjar prezzijiet fis-swieq. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li din l-amministrazzjoni tibqa’ impenjata li toffri l-aħjar prezz tal-elettriku possibbli lill-konsumatur Malti. U r-riżultat hu li fl-iktar mumenti diffiċli l-konsumatur Malti baqa’ jgawdi minn prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Mini ta’ Santa Venera – proġett għat-tisqif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett għat-tisqif ta’ Triq Reġjonali, magħrufin bħala l-mini ta’ Santa Venera, sal-14 ta’ Mejju 2022? Tista’ tgħid jekk ġiex konkluż l-istudju ta’ konferma li t-triq tista’ tissaqqaf u li fuqu jista’ jsir ġnien u spazju miftuħ u parkeġġ taħt l-art? Tista’ tgħid ukoll jekk il-permess ta’ żvilupp u/jew outline development permit relattiv ġiex sottomess mal-Awtorità tal-Ippjanar, u jekk le meta? Tista’ tgħid jekk il-wegħda li jissaqfu l-mini ta’ Santa Venera f’erba’ snin, u ċjoè, sas-sena 2023 hix se tinżamm, u jekk le meta? Kemm se jiġi jiswa dan il-proġett, u jekk hemmx fondi allokati diġà?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li sad-data msemmija saru numru ta' studji relatati ma’ dan il-proġett u dawn jinkludu l-investigazzjonijiet ġeotekniċi fuq il-post, stħarriġ dettaljat u renderings 3D preliminari. B'dawn l-istudji, ġie konkluż li l-proġett kif imsemmi jista’ jiġi implimentat mil-att strutturali. Ingħata bidu għal diskussjonijiet bejn il-Wasteserv u l-Awtorita’ tal-ippjanar. Fil-preżent, il-proġett qed ikompli jiġi diskuss f’aktar dettall u d-dettajli tiegħu jitħabbru ladarba jkun se jitnieda l-proċess tal-procurement. L-ispiża tal-proġett hija stmata għal fuq minn €35 Miljun.

Santa Venera – proġett tal-Ġnien Romeo Romano

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera sal-14 ta’ Mejju 2022? Meta hu pproġettat li jkun lest?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li wara l-produzzjoni ta’ disinn dettaljat u l-approvazzjoni tal-permessi neċessarji, ingħata bidu għal ħidma fuq il-proġett. Dan ix-xogħol inkluda t-tindif tas-sit, it-trapjant b'suċċess ta' siġar tal-larinġ, l-installazzjoni ta' pajpijiet għal servizzi, xogħol relatat mal-passaggi, xogħlijiet ta' restawr fuq il-faċċata, xogħlijiet preparatorji u mogħdija ġdida fiż-żona tal-logħob u xogħlijiet relatati mas-sieqja. Dan il-ġnien Barokk huwa skedat bħala Grad 1. Għaldaqstant, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali ġiet ikkonsultata matul l-istadji kollha tal-proġett Huwa mistenni li l-proġett ikun komplut għall-aħħar kwart ta’ din is-sena.

San Pawl il-Baħar – Xemxija – Mistra Village

Question

Tista’ l-Ministru tinforma x’azzjoni ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit abbandunat fiż-żona ta’ fejn qabel kien il-Mistra Village fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan is-sit ma jibqax wieħed ta’ abbandun u ma jkunx wieħed ta’ periklu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Kennedy Grove – manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tara li ssir il-manutenzjoni, fost oħrajn fuq il-passaġġ tal-injam, żbir ta’ friegħi u siġar, ġewwa l-park ta’ Kennedy Grove, San Pawl il-Baħar sabiex dan ikun sigur speċjalment għat-tfal li jiffrekwentaw dan il-park?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill Onor. Interpellant li bħalissa Ambjent Malta qed twettaq numru ta’ interventi ta’ manutenzzjoni fil-Park Nazzjonali tas-Salina, li tinkludi wkoll il-parti ta’ Kennedy Grove. Żbir fuq is-siġar isir kif meħtieġ biex issaħħah l-istess siġar u tinżamm iż-żona sigura. Għar-rigward tal-passaġġ, għaddej il-proċess biex jinxtara l-materjal kollu neċessarju għax-xogħol rikjest. Huwa pjanat li dan ix-xogħol jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju.

San Pawl il-Baħar – Xemxija – moll tal-Veċċja

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-moll tal-Veċċja, Xemxija, San Pawl il-Baħar, li fih hemm numru ta’ arbli bil-fanali, ikun mixgħul fil-ħinijiet meħtieġa speċjalment billejl? X’inhi r-raġuni għala dan il-moll issa ilu mitfi għal numru ta’ xhur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li dan id-dawl huwa responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-Mistoqsija lil Ministru konċernat.

Ħal Qormi – Proġett fi Triq l-Għargħar u Triq il-Wied f’Ħal Qormi — konsultazzjoni

Question

Peress li kien hemm numru ta' ilmenti u bosta tħassib minn residenti Qriemadwar il-proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied f'Ħal Qormi, fejn l-istess residenti qed jisħqu li ma saritx konsultazzjoni biżżejjed u ma jafux eżattament x'se jkun qed isir, għaldaqstant tista' l-Ministru tgħid jekk saritx konsultazzjoni serja mar-residenti? Tista’ tikkonferma li l-ispjazju ta’ parkeġġ mhux se jonqos? Tista’ tikkonferma wkoll li l-proġett mhux se joħloq iktar inkonvenjent, li jista’ jipperikola ħajjet in-nies, vis-à-vis l-ilma li jkollu jgħaddi kull sena miż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ġie ppreżentat bil-proposta fil-bidu ta’ Ottubru 2021 u anke intbgħatu l-pjanti approvati. Saru wkoll diskussjonijiet mal-kunsill dwar il-manutenzjoni ta’ dan il- proġett la jkun tlesta x-xogħol sabiex nassiguraw li jibqa’ fi stat tajjeb għall-użu tar-residenti. F’Jannar bdew ix-xogħlijiet fuq is-sit u fil-bidu ta’ Frar il-Kunsill Lokali informa lil-Wasteserv li r-residenti kellhom xi tħassib dwar il-proġett u li ma kinux infurmati tajjeb dwaru. Ir-residenti ġew mgħarrfa li jistgħu jmorru il-Kunsill Lokali biex jirrevedu d-disinji approvati. Rappreżentanti tal-WasteServ iltaqgħu mar-residenti fuq il-post biex jispjegaw il-proġett u jindirizzaw kwalunkwe tħassib. Id-disinn oriġinali ma kienx se jnaqqas in-numru ta’ parkeġġ eżistenti. Wara l-laqgħa mar-residenti, id-disinn ġie aġġornat biex jiżdied il-parkeġġ u tiġi modifikata l-wisa’ tat-triq eżistenti. Il-proġett tal-ġnien f’Ħal Qormi mhux se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjoni tal-culvert tal-ilma tax-xita. Id-disinn ġie diskuss mal-Coastal & Stormwater Section tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jiġi żgurat li l-volum u l-manutenzjoni meħtieġa tal-culvert tal-ilma tax-xita ma jiġux affettwati mill-proġett ta’ tħaddir. Għaldaqstant is-servizzi u l-funzjonijiet tal-wied mhumiex se ikunu qed jintmessu.

Wage Supplement Scheme — Benefiċjarji

Question

Ladarba l-iskema tal-Wage Supplement tinsab riesqa lejn tmiemha, tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta’ kemm kienu dawk li bbenefikaw minnha u kemm il-pajjiż investa fiha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ftit aktar minn sentejn ilu, pajjiżna bħal kumplament tad-dinja intlaqat mill-akbar xokk ekonomiku fl-istorja moderna. Din id-daqqa setgħet fissret tnaqqis storiku fil-kwalità tal-ħajja u impatt mill-aktar negattiv fuq l-ekonomija Maltija. Dan il-Gvern iżda ħa d-deċiżjoni konxja li jidħol għan-negozji, l-ħaddiema u l-familji. L-iskema tal-Wage Supplement kienet l-għodda prinċipali li biha ngħatat l-assistenza biex ikun protetti l-postijiet tax-xogħol – inrexxielna nsalvaw xejn anqas minn 120,000 impjieg. Ninsab infurmata li n-numru ta’ applikazzjonijiet, kumpaniji u self-employed, jammonta għal aktar minn 18,000. L-investiment fin-negozji permezz tal-Wage Supplement Scheme ammonta għal aktar minn €735 miljun. Bis-saħħa ta’ din l-iskema, u għajnuniet oħra mogħtija, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-ekonomija ta' pajjiżna kibret b’7.6%. Din ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku kienet darba u nofs akbar minn dik osservata fiż-Żona Ewro.

Malta Enterprise – Skemi għal start ups

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kemm kien hemm start ups li bbenefikaw minn skemi li għandha l-Malta Enterprise li huma maħsuba apposta għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Għas-sena 2020 u 2021, mal-91 Start-up ibbenefikaw minn għajnuna li tammonta għal aktar minn €17-il miljun. Jeżistu diversi miżuri ta’ appoġġ għall-iStart-ups, bħall-B Start, Startup Finance, Startup Advance, Business Start. Dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem biex jagħmel minn pajjiżna hub għall-iStart-ups. Grazzi għal ħidma tal-Malta Enterprise, qed tinħoloq eko-sistema għall-iStart-ups li hija ferm attraenti. F’dinja ekonomika post-Covid, irridu ninċentivaw lil min għandu ideat innovattivi, f’oqsma bħalma huma l-Fintech, Medtech, Cyber security, biometrics, AI, drones u digital gaming, fost oħrajn.

Manikata, Miżieb, l-Imbordin u l-Pwales — ilma għat-tisqija tal-ħxejjex

Question

Tista’ l-Ministru tindika meta ser ikun qed isir l-investiment adegwat fiż-żoni tal-Manikata, il-Miżieb, l-Imbordin u l-Pwales sabiex il-bdiewa ta’ dawn iż-żoni jkollhom ilma biżżejjed sabiex isaqqu l-ħxejjex tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żoni indikati għaddej diġà proġett b’investiment ta’ kważi sitt miljun ewro biex inkabbru u nsaħħu n-network tan-New Water fl-inħawi indikati. Dan in-network ġdid mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla.

Magħtab – inċineratur – materjal skavat

Question

B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 516, tista' l-Ministru, abbażi tal-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra telenka t-tip u l-valur kummerċjali, f'każ ta' materjali ri-użabli jew riċiklabbli, tal-materjali li ser jitneħħa u/jew ser jiġi skavat mis-sit fejn ser jinbena l-inċeneratur fil-Magħtab u l-istruttura anċillari, inkluż iż-żoni ta' ħażna? Tista' tispjega wkoll fejn ser jintremew l-425 metru kubu ta' materjal li ser joħorġu mit-trinka li ser tinqata' lejn il-baħar u fil-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-valur tal-materjal li qed jirreferi għalih ivarja skont il-kwalità tiegħu u l-effetti tas-suq b’mod ġenerali. Sabiex il-WasteServ tiżgura li tikseb l-aħjar valur għal dan il-materjal hija tipprovdi informazzjoni dwar il-ġeoloġija tal-post u b’hekk il-kuntratturi interessati jkunu jistgħu jikkunsidraw il-potenzjal tal-introjtu u jissottomettu l-aktar offerta vantaġġjuża. Kif muri fit-tabella li ġiet ippreżentata bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 516, qrib sittin fil-mija tal-materjal skavat se jiġi utilizzat fil-kostruzzjoni tal-impjant il-ġdid. Sakemm jerġa’ jintuża, dan huwa pprogrammat li jinħażen fis-siti li jiffurmaw parti mill-pjan Ecohive. Il-bqija tal-materjal jrid jittieħed f'faċilità li jkollha l-permessi meħtieġa sabiex taċċettah. Fir-rigward tal-materjal li se jiġi ġġenerat mit-tħaffir tat-trinka, d-dettall għal dan il-proċess jiġi ddeterminat skont ir-regolamenti applikabbli u kif approvat mir-regolatur.

Birżebbuġa – sistema tad-drenaġġ — upgrade

Question

Tista' l-Ministru telenka x'tip ta' upgrade hemm ippjanat fis-sistema tad-dranaġġ ġewwa Birżebbuġa biex tiġi eliminata l-ħtieġa li kull ftit ġranet jintbagħat bowser sabiex jiftaħ u/jew inaddaf is-sistema minn tappieri fi Triq iż-Żibra, Triq il-Bajja s-Sabiħa u minn bnadi oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinsab fil-fażi finali tal-preparazzjoni biex jinħareġ tender għal xogħlijiet biex tissaħħaħ is-sistema tad-drenaġġ fl-area indikata. Dan huwa parti min pjan sħiħ biex il-Korporazzjoni tipproteġi l-infrastruttura tagħha minn infiltrazzjoni ta’ ilma baħar fis-sistema tad-drenaġġ kif ukoll tilqa għal żieda fid-domanda fl-inħawi.