ARMS – Dħul mill-installazzjoni ta’ arloġġi tal-ilma f’binjiet mhux residenzjali
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-installazzjoni ta' arloġġi tal-ilma li m’humiex f'binjiet residenzjali matul is-sena 2024? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew installati arloġġi f'dan l-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid x’sar minnu l-ġnien vertikali li kien twaħħal mal-ħajt tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Tista’ tgħid ukoll kemm kien ġie jiswa dan il-ġnien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Karozzi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid:
(a) jekk għandiex it-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tagħha;
(b) x’tip ta' karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew jaħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f'każ ta' fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(c) Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom?
(d) Jekk għandha t-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta l-Ministru tkun qed tuża l-karozza uffiċjali tagħha?
(e) Jekk kull karozza hiex tal-kiri jew inxtratx mill-Gvern u jekk f'każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza?
(f) Jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garage? Jekk fl-affermattiv, kemm titħallas kera fix-xahar għal tali garage u min hu l-benefiċjarju ta' tali kera?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix it-tieni karozza u qed titħaddem il-proċedura stabbilita.
Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti saru minn Project Green jew hemm ippjanat li jsiru, f'Ħ'Attard?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21102, fejn tajt informazzjoni dettaljata dwar il-proġett li se twettaq Project Green biex jiġu kkonservati l-Ġonna ta’ San Anton f’Ħ’Attard, ninfurmah li Ambjent Malta għadha kemm wettqet xogħlijiet tal-ewwel fażi tal-proġett biex Wied Inċita jitgawda mill-pubbliku bħala spazju aħdar miftuħ. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fil-livellar tas-sit, it-tneħħija tal-Opuntia (xewk), ir-restawr tal-ħitan tul il-passaġġ prinċipali, l-installazzjoni tal-ilqugħ u t-tneħħija ulterjuri ta' ħaxix u żbir biex jiġi żgurat li dan jiġi nstallat b’mod sigur, it-tindif tal-ġibjun li jinsab ħdejn id-daħla tan-naħa tat-tramuntana, it-tneħħija tal-pajpijiet tal-ħadid mhux użati, ir-restawr tal-kamra tal-pompa u l-għodda, kif ukoll il-bini tal-passaġġ prinċipali. Ġiet installata wkoll għamara ta’ barra, bħal picnic benches u gazebo. Ambjent Malta bdiet taħdem fuq it-tieni fażi ta’ dan il-proġett, fejn hemm pjanat aktar xogħol formali għal dan l-ispazju.
Ambjent Malta bħalissa għaddejja wkoll b’xogħlijiet fi Ġnien Palma f’Ħ’Attard. Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ ta’ dan il-ġnien jinkludu żieda fl-aċċess għar-roti, tneħħija ta’ siġar u arbuxelli invażivi biex flokhom jitħawlu siġar u arbuxelli indiġeni, xogħlijiet ta’ pavimentar b’madum li se jkun manifatturat minn materjal riċiklabbli, sistema ta’ dawl LED, għamara urbana li se tissostitwixxi dik eżistenti u tagħmir għal-logħob mit-tfal li wkoll se jsiru minn materjal riċiklabbli.
Pjan ta’ azzjoni għat-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22166 u tipprovdi tagħrif dwar il-pjan ta’ azzjoni għat-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni ta’ din il-leġiżlatura? Tista’ tgħid kemm ġew imħawla siġar u x’kienet in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24184 u għad-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22168 u tgħid x’passi ttieħdu biex lokalitajiet urbani jiġu trasformati permezz tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa, pocket parks, green walls, roof gardens u żoni pedonali permanenti, inkluż parkeġġi pubbliċi taħt l-art? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, fejn ġew implementati u n-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024 tal-proġetti nfushom kif ukoll in-nefqa fuq PR u marketing, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirrerferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 22217, ninfurmaha li sal-aħħar tal-2024 tlestew ħames proġetti oħra li huma Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa, il-Hospice Landscape Garden f’Santa Venera, Ġnien Spencer fil-Marsa, Wied Inċita f’Ħ’Attard u r-riġenerazzjoni tal-Ġonna ta’ Villa Portelli fil-Kalkara. Għaldaqstant, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Project Green, Ambjent Malta, Greenserv, GHRC u l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) – mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sa tmiem is-sena li għaddiet wettqu bejniethom 35 proġett fi 23 lokalitá, li flimkien iġibu medda art ta’150,000 metru kwadru.
Long-Term Waste Management Plan – Implimentazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22176 u tipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-Long-Term Waste Management Plan bil-għan li jonqos l-iskart iġġenerat, jiġu introdotti sistemi avvanzati ta' pproċessar tal-iskart u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju fis-settur? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-istat ta' dan il-pjan u tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22179 u tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-miri konkreti tal-Long-Term Renovation Strategy, il-Low Carbon Development Strategy u l-Pjan Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija biex nilħqu l-miri ta' tnaqqis drastiku fl-emmissjonijiet sal-2030 sabiex nilħqu n-newtralità fil-karbonju sal-2050? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa relata fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-progress u l-aġġornament tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet imsemmijin ġew integrati fil-Pian Nazzjonali tal-Energija u l-Klima, liema pjan ġie aġġornat u sottomess lill-Kumissjoni Ewropea. Il-pjan iwassal għal tnaqqis totali proġettat ta’ 41% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq livell nazzjonali meta mqabbel mal-livelli tal-2005 sal-2030. Dan il-progress qed iseħħ minkejja ż-żieda sinifikanti fl-attività ekonomika meta mqabbel mal-2005 u l-projezzjonijiet ta’ aktar tkabbir ekonomiku fil-futur. Il-Gvern qed jibqa’ mpenjat biex jindirizza t-tibdil fil-klima, filwaqt li jippromwovi tkabbir ekonomiku sostenibbli u jassigura li ċ-ċittadini ma jiġux mgħobbijin b’piżijiet eċċessivi biex jintlaħqu l-miri stabbiliti.
Distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22182 u tipprovdi tagħrif dwar il-progress fil-kostruzzjoni ta' distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta, bil-għan li jissaħħaħ in-network primarju tad-distribuzzjoni? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol b’rabta ma’ dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €6 miljun, diġà beda fejn bħalissa qed jinbnew il-culverts f’partijiet mir-rotta. Din il-link ġdida ta’ 132kV bejn it-terminal fil-Magħtab u ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta, li parti kbira minnha se tgħaddi minn mini taħt l-art, qed issir bi preparazzjoni għat-tieni interconnector.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22183 u tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet u l-investiment fin-network tad-distribuzzjoni elettrika biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku u jkun hemm titjib fl-affordabbiltà tas-servizz? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-investiment mill-Enemalta matul l-aħħar tliet snin kien kontinwu biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Bħalissa Enemalta tinsab fit-tielet sena mill-pjan ta’ sitt snin għar-rinfurzar fis-sistema fejn ġew allokati €90 miljun biex dan it-tisħiħ ikun jista’ jiġi implimentat. Matul is-snin 2022 u 2023 Enemalta kompliet taħdem fuq diversi livelli fl-infrastruttura tagħha. F’dawk is-sentejn ikkummisjonat 91 substation ġdida, permezz ta’ tkabbir ta’ transformers saħħet 22 substation u biddlet switchgear f’44 substation oħra. Dawn ix-xogħlijiet komplew isaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni għad-djar u n-negozji tagħna. Ma’ dan ix-xogħol f’substations ġodda kien hemm it-tqegħid ta’ madwar 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju kif ukoll 145 feeders ġodda fuq livell ta’ vultaġġ baxx. Sar ukoll xogħol fuq estensjonijiet ta’ tliet ċentri ta’ distribuzzjoni. Dawn iċ-ċentri rdupjatilhom il-kapaċità biex ikomplu jfornu lill-konsumaturi. Iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li ġew imsaħħa fl-2022 u 2023 kienu ta’ Marsaskala, l-Imrieħel u ta’ Ħal Tarxien.
Fl-2024 Enemalta skattat pjan aċċellerat ta’ tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni fejn b’investiment ta’ €55 miljun, f’sitt xhur tpoġġew 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju. Dawn ix-xogħlijiet saru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta. Lejn l-aħħar tas-sena inbdew xogħlijiet biex jitpoġġew 60 kilometru ta’ cables ġodda oħra madwar Malta u Għawdex fejn dan it-tisħiħ se jkompli jżid ir-reżiljenza fl-infrastruttura elettirka tagħna. Fuq livell ta’ vultaġġ baxx b’kollox inxtegħlu 166 low voltage feeders ġodda li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand l-konsumaturi kif ukoll inbidlu madwar 47 kilometru ta’ linji tal-elettriku fit-toroq.
Dan il-pjan aċċellerat ma kienx biss jinvolvi t-tqiegħid ta’ cables ġodda. Enemalta kkumissjonat 54 substation ġdida f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex f’diversi lokalitajiet. In-network tas-substations qiegħed jiġi msaħħaħ ukoll permezz ta’ modernizzar tat-tagħmir f’substations ezistenti. Enemalta għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ transformers f’47 substation eżistenti u biddet 29 switchgear fejn ġie installat apparat iktar modern, li f’każ ta’ diffikultajiet ikun jista’ jiġi operat mill-kamra tal-kontroll fil-Marsa u tnaqqas il-ħin biex tingħata lura l-provvista.
Fl-2024 Enemalta ħadmet ukoll fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda kif ukoll oħrajn li tkabbret il-kapaċità tagħhom. Sar tkabbir taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Bugibba fejn żdied transformer ta’ 30MVA u tkabbar l-iswitchgear biex issaħħet id-distribuzzjoni fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Inbeda wkoll xogħol preparatorju biex tiġi rduppjata l-kapaċità taċ-ċentru ta distribuzzjoni f’St. Andrews u l-Imsida, kif ukoll biex jiżdiedu żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni oħra, wieħed fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi. Inbeda wkoll ix-xogħol b’rabta mal-link ġdid ta’ 132 kilovolt li se jsir bejn it-Terminal fil-Magħtab u ċ-ċnetru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta bi preparazzjoni għat-tieni interconnector ippjanat jiġi kkummissjonat fl-2026.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24202 u ċjoè: Fid-dawl li l-Artiklu 29, (2)(g) tal-Liġi Sussidjarja 441.07 jgħid "huwa projbit l-użu u l-provvediment ta’ utilitajiet pubbliċi lil bejjiegħa fit-triq li jbiegħu minn imkien fiss (street-hawkers)”, tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Enemalta ppermettiet u installat għexieren ta' metres temporanji madwar Malta u Għawdex, kollha lil diversi bejjiegħa ta' dan it-tip?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-prassi tal-Enemalta, tal-inqas sa mill-1990, kienet li tippermetti installazzjonijiet temporanji għall-provvista tal-elettriku għall-kiosks. Il-liġi li fil-preżent tirregola l-installazzjonijiet temporanji, jiġifieri r-Regolamenti dwar il-Konnessjoni u l-Provvista tal-Elettriku (L.S. 545.41) tippermetti installazzjonijiet temporanji għal “unitajiet mobbli fuq barra” u d-drittijiet li jitħallsu għal installazzjonijiet temporanji huma maqsumin fi tliet kategoriji: boathouses, siti ta’ kostruzzjoni u oħrajn. Il-ħsieb tal-Enemalta wara l-provvista tal-elettriku b’installazzjoni temporanja hu li jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti li jgħixu fil-viċinanzi.
ARMS – Dħul mill-installazzjoni ta’ meters tad-dawl f’binjiet residenzjali
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-installazzjoni ta' meters tad-dawl li huma f'binjiet residenzjali matul is-sena 2024? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew installati meters f'dan l-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
ARMS – Dħul mill-installazzjoni ta’ meters tad-dawl f’binjiet mhux residenzjali
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-installazzjoni ta' meters tad-dawl li m’humiex f'binjiet residenzjali matul is-sena 2024? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew installati meters f'dan l-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Konsulenti Maltin u barranin
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Tista' tgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 12496.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22164 u tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-ħolqien ta’ “green networks” qrib ir-residenzi, li jikkonsistu f'ħolqa li tieħu lin-nies barra miż-żoni urbani lejn il-kampanja, inkluż in-network bejn il-Mellieħa u x-Xgħajra u l-kunċett fil-kosta u l-widien ta’ Għawdex? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett ġiex implimentat u tipprovdi dettalji dwar in-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta wettqet interventi tul ir-rotta tal-Victoria Lines, li kienet maqsuma f’10 trails li jġibu16-il kilometru. Dawn l-interventi inkludew it-tindif tal-passaġġi mill-iskart u l-veġetazzjoni eċċessiva, żbir esetnsiv kif ukoll l-installazzjoni ta’ sinjali li jindikaw il-bidu u d-direzzjoni tat-trails. Barra minn hekk, diġà għamlet diversi proġetti ta’ tħaddir urban u tisbiħ ta’ toroq flimkien ma’ interventi ambjentali oħra mifruxa madwar Malta u Għawdex bħalma huma dawk ta’ Wied Inċita, il-Ġnien Kostali ta’ Wied iż-Żurrieq, il-proġett ta’ Qasam Ħal Tmin fiż-Żejtun, Ġnien Sembjożi f’Santa Luċija, Mosta Eco-Garden - Ġnien Carmelo Dimech u Ġnien Kenn is-Salvatur fl-Għasri.
Ambjent Malta għaddejja bi proċess ta’ konsultazzjoni, stħarriġ u valutazzjoni fejn qed jiġu kunsidrati kwistjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà, is-sjieda tal-art u s-saħħa u s-sigurtà f’ċerti żoni. F’dan l-ambitu, qed jitwettaq studju komprensiv fejn bl-użu ta’ għodda diġitali (GIS - Geographic Information Sytstems), qegħdin jiġu investigati u immappjati mogħdijiet rurali matul il-kosta madwar Malta u Kemmuna għat-twaqqif ta’ network nazzjonali ta’ Nature Trails.
Twettaq studju komprensiv tal-fattibbiltà biex jiġu identifikati opportunitajiet għal konnettività msaħħa bejn mogħdijiet tal-mixi eżistenti, żvilupp ta’ mogħdijiet fin-natura ġodda u twaqqif ta’ netwerk nazzjonali ta’ mogħdijiet għall-mixi fin-natura u passaġġi kostali. Dan l-eżerċizzju jinkludi ġbir ta’ informazzjoni fuq dawn il-mogħdijiet, inkluż punti ta’ informazzjoni, postijiet fejn hemm bżonn tindif minħabba skart mormi, vandaliżmu u problemi ta’ aċċess.
Madwar 61 kilometru ta' mogħdijiet rurali u 102 kilometri ta' mogħdijiet urbani/pavimentati ġew investigati u immappjati fuq il-post. Ġew identifikati:
- 189 żona fejn hemm bżonn xi tip ta’ intervent, bħal tindif;
- 314 post ta’ importanza naturali u/jew kulturali u/jew storika li potenzjalment itejbju l-esperjenza tan-“Nature Trail”.
Qegħdin jiġu konsultati wkoll numru ta’ stakeholders, fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Artijiet, Friends of the Victoria Lines Trail u Birdlife Malta, fost l-oħrajn. Dawn il-konsultazzjonijiet qegħdin jipprovdu informazzjoni importanti dwar il-valutazzjoni tal-mogħdijiet magħżulin.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22165 u tgħid fiex waslet il-ħidma fuq il-ħolqien ta’ park naturali mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, inkluż it-tħawwil ta’ aktar siġar u l-ħolqien ta’ walking trails aċċessibbli għall-viżitaturi u l-għawwiema? Tista' tgħid jekk dan il-proġett ġiex implimentat u tipprovdi dettalji dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġew identifikati żewġ siti. Fil-każ ta' sit minnhom, inħass li dan għandu potenzjal biex fl-inħawi jiġi żviluppat park b’aktar afforestazzjoni u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni biex jitgawda iżjed mill-pubbliku. Dan il-proġett se jsir minn Project Green u se jkun mifrux fuq medda ta’ 5,600 metru kwadru b’investiment stmat ta’ madwar €1.6 miljun. Dan il-proġett se jkun qed jerġa’ jagħti l-ħajja lil żona bejn it-triq ta’ mal-kosta u żona residenzjali biex tattira lill-familji u viżitaturi oħrajn permezz ta’ spazju għall-pikniks, żona bil-logħob għat-tfal u mogħdijiet għall-mixi fost attrazzjonijiet oħrajn.
Ambjent Malta identifikat sit ieħor mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, dak tal-Għadira s-Safra, fejn il-proġett tagħha se jinkludi t-tħawwil ta’ aktar siġar u l-ħolqien ta’ walking trails aċċessibbli għall-viżitaturi u l-għawwiema. Ambjent Malta qed tħejji l-abbozz għas-sejħa tal-offerti biex tkun tista’ timplimenta dan il-proġett. Fuq is-sit l-ieħor fl-inħawi tal-Madliena, diġà neħħiet diversi speċi aljeni invażivi biex hemmhekk jitħawlu siġar u arbuxelli indiġeni.