Tibdil fir-regoli tal-UN dwar it-trobbija tat-tiġieġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta' Malta fil-konfront ta' regoli tal-Unjoni Ewropea li hemm il-ħsieb li ddaħħal, fir-rigward tat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd u jgħid jekk:
(a) il-liġi hux ser taqleb għat-trobbija bis-sistema tal-barn minflok fil-gaġġeġ;
(b) jekk fl-affermattiv, meta tali liġi ser tidħol fis-seħħ; u
(ċ) jekk Malta hux ser tapplika xi deroga biex pajjiżna jiġi eżentat minn din ir-regola?
Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk sarx studju dwar il-possibbiltà li jekk it-tiġieġ tal-bajd jiġi barn jispiċċaw jieklu d-demel tagħhom stess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta hija normalment waħda mill-pajjiżi li taqbel ma’ regoli ġodda fuq il-benesseri tal-annimali, speċjalment meta hemm evidenza xjentifika ta’ ameljorament fil-benesseri tagħhom, b’mod ġenerali. Iżda rigward il-ħsieb tal-Unjoni Ewropea dwar it-tibdil fir-regoli fit-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd, l-pożizzjoni ta’ Malta hija kontra t-tibdil, peress li din tista’ taffettwa x-xogħol tar-raħħala lokali b’mod drastiku.
(a) dwar jekk il-liġi hux ser taqleb għat-trobbija bis-sistema tal-barn minflok fil-gaġġeġ, bħalissa m’hemmx abbozz ta’ liġi, iżda ħsieb biss. Illum il-Gvern ma jistax jgħid jekk, jew kif, ser tkun din il-liġi u għal din ir-raġuni il-Gvern ma jistax jirrispondi għal domandi daqshekk speċifiċi, teknikament, jekk ebda dokument għadu ma ġie mfassal.
(b) peress li m’hemmx abbozz ta’ liġi, iżda ħsieb biss, il-Gvern lanqas huwa ċert jekk din il-liġi ser toħroġ jew le u għalhekk m’hemm ebda data mfassla.
(ċ) fir-rigward ta’ jekk Malta hux ser tapplika xi deroga biex pajjiżna jiġi eżentat minn din ir-regola, ladarba jibdew taħdidiet fuq abbozz ta’ liġi bejn il-Membri Stati, wieħed ikun jaf liema ser ikunu l-kriterji preċiżi ta’ dik il-liġi u hemm ikun jista’ jiddetermina jekk Malta jkollhiex bżonn titlob għal deroga jew le.
Bħalissa l-Gvern Malti qabbad konsulent barrani biex jagħmel studju fuq is-sitwazzjoni lokali partikolari f’Malta biex juri bil-fatti li t-trobbija tat-tiġieġ fil-gaġġeġ arrikkiti hija l-unika sistema ta’ trobbija tat-tiġieġ tal-bajd f’Malta li hija sostenibbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8981 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8534 dwar il-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, jista' l-Ministru jispeċifika n-numru sostanzjali ta' rġejjen li qabdu n-naħħala, maqsuma lokalità lokalità?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru permezz ta’ skema maħruġa fis-6 ta’ Frar 2023, ta’ għajnuna finanzarja ta’ €70,000 lin-naħħala sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw nases biex jinqabdu l-irġejjen tal-bagħal taż-żunżan.
Ngħarraf ukoll li l-Ministeru mhuwiex f’pożizzjoni li jispeċifika n-numru ta’ rġejjen li ġew maqbuda peress li din l-informazzjoni ma tinġabarx.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8901 u jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija dwar il-Governanza tal-Bijoriżorsi Agrikoli twaqqfet fl-2017 u li bħalissa qed topera minn Regent Buildings fil-Marsa, liema bini huwa kondiviż mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. L-ewwel kuntratt sar fl-2016 għal tliet snin b’rata fis-sena ta’ €22,500 VAT eskluża.
Il-kirja tal-binja ġiet estiża fl-2019 għal tliet snin oħra bir-rata ta’ €23,625 fis-sena VAT eskluż. F’April 2023 ta’ din is-sena ġie ffirmat kuntratt ġdid għal 33 xahar ieħor b’rata fis-sena ta’ €27,600 VAT eskluż.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Segretarjat Parlamentari — entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda entità li taqa’ taħt il-mandat tas-Segretarjat Parlamentari.
Animal Welfare – annimali li ttieħdu mingħand sidhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' klieb, qtates u annimali oħrajn (f'dak il-każ jispeċifika x'annimali kienu) li ttieħdu mingħand sidhom mill-Animal Welfare minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn l-annimali ngħataw lura lil sidhom u x'kienet ir-raġuni li ngħataw lura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi kontroll partikolari biex jiġi assigurat li jkun hemm kontroll fuq in-naħal li jinġieb Malta minn pajjiżi oħrajn? Kif jiġi ċċertifikat in-naħal li jinġieb Malta minn pajjiżi oħrajn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jwettaq spezzjonijiet u kontrolli fuq il-kunsinni kollha li jkun mgħarraf bihom ta’ annimali li jipproduċu l-ikel li jidħlu f’Malta. In-naħal li jinġieb Malta jrid ikun akkumpanjat minn ċertifikati sanitarji maħruġa mill-awtoritajiet veterinarji tal-pajjiż tal-oriġini, kemm f’każ li l-moviment ikun minn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll f’każ ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li mid-dekasteru tiegħi ma saru l-ebda tip ta’ donazzjonijiet lill-Fondazzjoni inkwistjoni.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8534 dwar il-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-iskema ta' għajnuna msemmija fl-istess tweġiba lin-naħħala sabiex jingħataw kumpens għat-telf ta' produzzjoni marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, kif ukoll biex isservi ta’ stimulu sabiex in-naħħala jinvestu f’nases fil-perjodu tar-rebbiegħa, biex b’hekk jinqabdu l-irġejjen? Attwalment fiex wasal dan il-proċess ta' għajnuna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, fl-1 ta’ Frar ta’ din is-sena, nieda skema ta’ għajnuna għan-naħħala li kienu reġistrati mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja sal-aħħar tas-sena 2022.
L-allokazzjoni totali taħt din l-iskema hija ta’ €60,240 u l-ammont t’għajnuna mogħtija ġie kkalkulat fuq madwar 6,000 kolonja li kienu reġistrati mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja sal-aħħar tas-sena 2022, b’kumpens ta’ €10 għal kull kolonja. Il-pagamenti dovuti se jiġu mħallsa matul Ġunju lil total ta’ 165 naħħal eliġibbli.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8534 dwar il-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, jista' l-Ministru jispeċifika n-numru sostanzjali ta' rġejjen li qabdu n-naħħala, maqsuma lokalità lokalità?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – kuntratti ma’ influencers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fi ħdan il-Ministeru tiegħi u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma hemm l-ebda kuntratti ma’ influencers.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn fish farms liċenzjati? Kemm hemm operaturi u minn liema bajjiet joperaw?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li s-settur tal-akkwakultura f’Malta huwa magħmul minn 7 fish farms liċenzjati u 7 operaturi li joperaw minn 7 siti differenti. L-ebda wieħed mill-operaturi ma jopera minn bajjiet.
Buġibba – shelter bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, u jieħu l-passi neċessarji biex ix-shelter maħsub bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel qrib il-Pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat u miżbugħ qabel ma ssirlu iktar ħsara?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Segretarju Parlamentari – spiża fuq servizzi ta’ fotografija
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid jekk ingaġġatx persuni full-time jew part-time, u kemm persuni ingaġġat, biex joffru servizzi ta' fotografija matul l-2022? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li s-Segretarjat Parlamentari kkonċernat nefaq fuq servizzi ta' fotografija matul l-2022?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari ma ingaġġa l-ebda persuna bħala fotografu, la full-time u lanqas part-time.
Minn żmien għal żmien is-Segretarjat Parlamentari jagħmel użu minn numru ta’ servizzi medjatiċi relatati ma’ attivitajiet li jiġu organizzati biex jippromwovu l-ħidma li ssir u diversi servizzi li minnhom igawdi l-poplu u parti żgħira minn dawn jinkludu l-fotografija.
Għal dawn it-tip ta’ servizzi kollha, mhux fotografija biss, l-ispiża totali għas-sena 2022 kienet ta’ €6,140.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu preżentement għal dak li jikkonċerna l-kontroll tal-bagħal taż-żunżan (hornet)? Jista' jgħid jekk hemmx indikazzjoni ta’ kemm żdiedet jew ċkienet il-problema tal-bagħal taż-żunżan din is-sena meta mqabbel mas-sena li għaddiet? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed issir koordinazzjoni ma' Ministeri jew awtoritajiet oħrajn biex din il-problema tiġi indirizzata fl-inħawi urbani wkoll?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għall-Agrikoltura, lejn l-aħħar tal-2022, organizza numru ta’ korsijiet lin-naħħal dwar il-bagħal taż-żunżan fejn ingħata għarfien dwar iċ-ċiklu bijoloġiku ta’ dan l-insett kif ukoll fuq il-mezzi li hemm bżonn sabiex dan l-insett jiġi kkontrollat. Għal dan il-għan, ħejjejna wkoll dimostrazzjonijiet ta’ kif wieħed għandu jibni nases apposta sabiex jinqabdu l-irġejjen tal-bagħal taż-żunżan fir-rebbiegħa. Dan għaliex minn studji xjentifiċi joħroġ ċar li l-aktar mod effiċjenti ta’ kontroll ta’ dan l-insett huwa jekk jinqabdu l-irġejjen qabel ma jbejtu.
Għaldaqstant, il-Ministeru matul ix-xhur li għaddew kompla jinforma s-settur tal-apikoltura bil-bżonn li jitqiegħdu nases għall-irġejjen fil-perjodu tal-ħarifa. Ta’ min isemmi li fi Frar ta’ din is-sena, il-Ministeru ħejja skema ta’ għajnuna lin-naħħala sabiex jingħataw kumpens għat-telf ta’ produzzjoni marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, kif ukoll biex isservi ta’ stimulu sabiex in-naħħala jinvestu f’nases fil-perjodu tar-rebbiegħa biex b’hekk jinqabdu l-irġejjen.
Għalkemm għadu kmieni biex wieħed jevalwa l-impatt ta’ dan ix-xogħol, diġà jidher ċar li n-naħħala qed jaqbdu numru sostanzjali ta’ rġejjen. Dan huwa importanti għaliex kull reġina li tinqabad f’dan il-perjodu tirriżulta fi tnaqqis tal-bagħal taż-żunzan fil-jiem sajfin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Jannar 2022 sal-lum kienx identifikat xi mard ġdid għal dak li jikkonċerna s-siġar tal-frott f’Malta u f'Għawdex? Jekk iva, liema kien dan il-mard identifikat, fuq liema tipi ta’ siġar, u x'miżuri qed jittieħdu biex il-mard jiġi kkontrollat u ma jitħalliex jinfirex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2022 sal-lum, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti ma identifika l-ebda organiżmi ta’ ħsara ġodda fuq is-siġar tal-frott.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — impjegati ġodda
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8350, nispeċifika li l-informazzjoni li qed tintalab hija tabella turi l-15-il ħaddiem ingaġġati u indikati fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6789, u ċjoè kemm minnhom ġejjin minn kull lokalità msemmija (eż. 2 mis-Siġġiewi, 1 minn San Lawrenz eċċ.)?
Response (REFALO, ANTON)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn entitajiet f’Malta u Għawdex li jistgħu jagħmlu ttestjar fuq annimali? X'tip ta' ttestjar qed isir u fuq liema annimali? Liema hi l-Awtorità li toħroġ dawn il-permessi u fuq liema bażi ħarġu dawn l-approvazzjonijiet jew le?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u f’Għawdex bħalissa hawn sit wieħed li qiegħed juża l-annimali għal skopijiet xjentifiċi.
L-aħħar riċerka li saret kienet saret bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza fil-produzzjoni tal-ispeċi ta’ ħut fl-akkwakultura. Dan il-proġett ġie mfassal biex jiġi studjat kif ser jitnaqqas l-impatt tal-mard f’numru ta’speċi ta’ ħut differenti billi: jiżdiedu addittivi fil-ġwież biex jitjieb it-tkabbir tal-ħut kif wkoll jitjieb l-użu tal-ġwież fi speċi differenti; l-użu tat-tilqim; l-użu ta’ ġwież bi prodotti stimulanti bħalma huma stimulanti tas-sistema mmunitarja, probijotiċi, prebijotiċi, eċċ.
L-Awtorità responsabbli għar-regolazzjoni tal-liġi fuq il-Protezzjoni ta’ Annimali għal-iskopijiet xjentifiċi u li joħroġ il-permessi relevanti u jagħti l-approvazzjonijiet relevanti hija d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja, fi ħdan id-Dipartiment għas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Il-permessi kollha li nħarġu, inkluż l-aħħar permess, huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet li hemm fil-liġi sussidjarja 439.20, ‘Protezzjoni ta’ Annimali li jintużaw għal Skopijiet Xjentifiċi’, li hija l-liġi trasposta mid-Direttiva tal-Komunita’ Ewropea 2010/63/EC.