Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fis-Servizz Pubbliku li użaw il-faċilità tal-flexi-week minn meta ġiet introdotta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li minn meta ġiet introdotta l-miżura tal-Flexi-Week fis-Servizz Pubbliku fl-2023 kien hemm 654 Uffiċjal Pubbliku li applikaw biex jagħmlu użu min din l-prattika ta’xogħol u kollha ġew approvati.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Kontinġent għall-laqgħat f’New York
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid f'kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent Malti li attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga, ir-rwol u l-ministeru jew l-entità li kull persuna kienet qed tirrappreżenta jew li ġew ingaġġati minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?
Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-miżuri li l-Gvern implimenta jew għandu l-ħsieb jimplimenta sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-indafa, l-infurzar, il-vandaliżmu, l-imġiba antisoċjali u l-preservazzjoni tal-karattru residenzjali tal-lokalità tas-Swieqi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill Ministeru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – Responsabbiltajiet tad-dekasteru
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema dipartimenti, taqsimiet jew sezzjonijiet kienu jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex fl-2012? Jista’ jgħid ukoll liema minnhom ma baqgħux taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jelenka kull dipartiment, taqsima jew sezzjoni u jgħid lejn liema ministeru, aġenzija, awtorità jew entità ġew trasferiti u f’liema sena saru tali trasferimenti? Jista' jgħid ukoll liema dipartiment, taqsimiet jew sezzjonijiet, huma responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra iċ-ċirkularijiet fejn jirrigwarda l-Ministeru ta’ Għawdex u l-portafol tiegħu li kienu maħruġa mis-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Uffiċċju u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li l-MITA għandha kuntratt wieħed relatat mal-Intelliġenza Artifiċjali, intitolat "Contract for the Provision of an AI Governance Framework and a KPI Framework".
Dan il-konsulenza kienet provduta minn Ernst & Young Ltd għal valur ta' €31,200 (eskluża l-VAT) u l-process ta’akkwist kien skont ir-regolament tal-public procurement regulations . Il-kuntratt ingħata fl-1 ta' Ottubru 2025 u baqa fis-seħħ sal-31 ta' Awwissu 2026.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li permezz tal-Implimentazzjoni ta’ LN 173/202 idaħħlu l-Equal Pay(Transparency and Reporting) Regulations 2026 il-Gvern kien attiv biex jassigura li titnaqqas jew addiritura tiġi eliminata tali differenza.
Jista’ l-Prim Ministru jindika x’inhuma l-aħħar statistiċi dwar id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur pubbliku u dak privat?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor Interpellanta għar-rapport tal-Eurostat li ħareġ fi Frar li għadha fejn jirriżulta li Malta għandha fost lanqas rata ta' diskrepanza fil-pagi skont il-ġeneru fl-Unjoni Ewropea fejn qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.Dan jinsab ukoll fid-dominju pubbliku :
https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_05_20/default/table?lang=en&category=eq.eq_labour_earn.eq_gpgr
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor minn Skala 1 sa Skala 4 li bħalissa jaħdmu fis-servizz ċivili, maqsuma skont l-iskala?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jadotta bħala bażi tal-politika ekonomika tiegħu l-projezzjoni msemmija mill-Ministru għall-Finanzi li, jekk il-mudell ekonomiku attwali jibqa' l-istess, il-popolazzjoni ta' Malta tista' tilħaq it-800,000 sal-2040? Jekk le, jista’ jgħid x'inhi l-projezzjoni uffiċjali tal-Gvern illum?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-figuri relatati mal-popolazzjoni ta’ pajjiżna huma pubbliċi u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax projezzjonijiet tal-popolazzjoni ta’ Malta. Il-Gvern qed jimplimenta miżuri effettivi bħala parti mil-Labour Migration Policy. Din hija msejsa fuq il-prinċipju ewlieni li ħaddiema minn pajjiżi terzi jidħlu biss f'pajjiżna fis-setturi fejn verament hemm il-ħtieġa, fosthom is-saħħa, il-kura tal-anzjani u s-settur turistiku. Minn mindu ddaħħlet il-Labour Migration Policy, pajjiżna rreġistra t-tieni l-anqas bilanċ nett ta’ ħaddiema barranin mill-2017.
Mill-banda l-oħra l-Gvern ma jaqbilx mal-pożizzjonijiet uffiċjali li ħadet l-Oppożizzjoni, fosthom ir-regolarizzazzjoni ta’ barranin li jinsabu f’pajjiżna llegalment u t-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema li jkunu għadhom jaslu f’pajjiżna. Dawn huma deċiżjonijiet żbaljati li jippermettu influss akbar ta’ persuni barranin lejn pajjiżna.
Maltempata Harry – Skema ta’ għajnuna għas-sajjieda Maltin
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1195 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel u jinforma lill-Kamra dwar l-iskema ta' għajnuna li kienet tħabbret għas-sajjieda Maltin b'rabta mal-ħsarat li ġarrbu fuq l-opri tal-baħar, kawża tal-Maltempata Harry?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Fid-dawl tal-ħsara fis-servizz tal-e-ID li seħħet fl-14 ta’ Lulju 2026 u li affettwat l-aċċess għal diversi servizzi elettroniċi tal-Gvern, fosthom is-sit tal-MATSEC, myHealth u s-servizzi elettroniċi tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Prim Ministru jgħid:
i. x’kienet il-kawża teknika preċiża ta’ din il-ħsara;
ii. f’liema ħin bdiet il-ħsara u f’liema ħin is-servizzi kollha ġew kompletament għan-normal;
iii. liema siti, sistemi u servizzi pubbliċi ġew affettwati u kemm kien hemm individwi li ma setgħux jaċċessawhom;
iv. jekk id-data jew is-sigurtà tal-kontijiet ta' individwi ġewx affettwati jew esposti b’xi mod;
v. jekk kienx hemm sistemi ta’ riżerva, kontinwità operattiva jew disaster recovery fis-seħħ, u jekk iva, għaliex dawn ma ppermettewx li s-servizz jibqa’ disponibbli;
vi. jekk il-Gvern jew il-MITA kinux konxji minn xi problemi jew riskji fis-sistema qabel ma seħħet il-ħsara;
vii. x’miżuri ttieħdu jew se jittieħdu sabiex ħsara simili ma terġax isseħħ;
viii. jekk hux se ssir investigazzjoni interna jew indipendenti dwar dan l-inċident u jekk ir-riżultat tagħha hux se jiġi ppubblikat; u
ix. kemm huwa stmat li kienet l-ispiża ekonomika u amministrattiva ta’ din il-ħsara?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat kif ġej:
i- L-inċident kien ikkawżat minn żieda eċċezzjonali u simultanja fid-domanda għas-servizz e-ID, li wasslet għal degradazzjoni temporanja tal-prestazzjoni tas-servizz u affettwat l-aċċess għal servizzi li jiddependu minn dan il-mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni.
ii- L-impatt beda jiġi osservat matul il-ġurnata tal-14 ta' Lulju 2026. Il-MITA intervjeniet immedjatament u s-servizzi ġew stabbilizzati progressivament u rritornaw għal operat stabbli matul il-ġurnata. Il-monitoraġġ u l-verifiki komplew ukoll wara sabiex tiġi assigurata l-istabbiltà tas-servizzi.
iii- L-impatt kien limitat għal servizzi li jużaw l-e-ID bħala mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni. Fost dawn kien hemm diversi servizzi elettroniċi tal-Gvern u entitajiet pubbliċi li jiddependu fuq l-e-ID għall-aċċess tal-utenti.
iv- Le. Dan ma kienx inċident ta' sigurtà ċibernetika iżda inċident relatat mad-disponibbiltà tas-servizz. Ma hemm l-ebda evidenza li tindika li d-data personali taċ-ċittadini, il-kontijiet tal-utenti jew kwalunkwe informazzjoni oħra ġiet aċċessata, kompromessa, esposta jew alterata bħala riżultat ta' dan l-inċident. L-integrità, il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data ma ġewx affettwati.
v- Iva. Il-MITA tħaddem miżuri ta' reżiljenza, kontinwità operattiva u pjanijiet ta' rkupru għas-servizzi kritiċi tagħha. Madankollu, dawn il-miżuri huma maħsuba primarjament biex jindirizzaw xenarji bħal ħsara f'sistemi, infrastruttura jew komponenti tekniċi. F'dan il-każ, l-inċident kien relatat ma' żieda eċċezzjonali u simultanja fid-domanda għas-servizz e-ID u mhux ma' falliment tal-infrastruttura jew telf tas-servizz. Il-proċeduri operattivi meħtieġa ġew attivati immedjatament sabiex jiġi limitat l-impatt u s-servizzi jiġu stabbilizzati mill-aktar fis possibbli.
vi- Bħal kull infrastruttura diġitali nazzjonali, il-MITA twettaq monitoraġġ kontinwu, valutazzjonijiet regolari tar-riskju u eżerċizzji ta' ppjanar tal-kapaċità sabiex tindirizza xenarji differenti ta' użu. Madankollu, il-mudell ta' domanda osservat matul dan l-inċident kien sostanzjalment differenti minn xejriet storiċi ta' użu osservati fis-snin preċedenti u għalhekk ma kienx rifless fid-data storika li normalment tintuża għall-finijiet ta' ppjanar u monitoraġġ. Għalhekk, filwaqt li l-ġestjoni tar-riskju u l-monitoraġġ kienu fis-seħħ, ma kien hemm l-ebda evidenza li kienet tindika minn qabel li kien ser iseħħ dan ix-xenarju partikolari.
vii- Wara l-inċident, il-MITA wettqet reviżjoni teknika sabiex tidentifika l-miżuri meħtieġa biex tkompli ssaħħaħ il-kapaċità, il-monitoraġġ, il-ġestjoni tat-traffiku u r-reżiljenza tas-servizz. L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri qed tiġi ppjanata u mwettqa bħala parti mill-proċess ta' titjib kontinwu.
viii- Il-MITA wettqet l-analiżi teknika meħtieġa sabiex tidentifika l-kawża tal-inċident. Qed jitkompla l-proċess intern ta' dokumentazzjoni tal-inċident, inklużi l-lezzjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib. Kwalunkwe informazzjoni li tkun tista' tiġi żvelata mingħajr ma tikkomprometti s-sigurtà tal-infrastruttura tkun ikkunsidrata skont il-proċeduri u l-obbligi applikabbli.
ix- Fil-preżent ma ġewx identifikati l-ebda spejjeż diretti relatati mal-inċident. l-inċident ġie indirizzat permezz tal-intervent operattiv u tekniku tal-MITA. Kwalunkwe investiment addizzjonali li jista' jirriżulta mill-miżuri ta' titjib li qed jiġu kkunsidrati bħala parti mill-proċess ta' titjib kontinwu jkun jista' jiġi stmat biss wara li jiġu finalizzati l-analiżijiet tekniċi u l-għażliet ta' implimentazzjoni.
Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot – Kundizzjonijiet/kriterji
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 490 u 996 u jgħid liema sezzjonijiet, dipartimenti, direttorati, aġenziji jew entitajiet fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku għandhom ħaddiema li jaħdmu b’mod remot, kemm hemm ħaddiema f’kull waħda minnhom, u x’inhuma l-kundizzjonijiet jew kriterji applikabbli biex ħaddiem ikun jista’ jaħdem b’mod remot?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 949 u jgħid kemm kien hemm ilmenti kontra x-xandara li nstemgħu mill-Awtorità tax-Xandir fis-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti kienu minħabba allegat nuqqas ta’ bilanċ jew parzjalità?
Response (ABELA, ROBERT)
In-numri totali ta’ilmenti li daħħlu fil-konfront tal-istazzjonijiet lokali ta’radju u t-televizjoni huwa kif ninsab nfurmat kif ġej:
Sena Ilmenti
2023 45
2024 33
2025 12