Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi ġodda u estensjonijiet - Liċenzji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inħarġu liċenzji għal lukandi ġodda/estensjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u li għadhom ma ġewx żviluppati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u kemm-il sodda jkopru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi liċenzja tkun tista toħroġ biss wara li lukanda tiġi żviluppata, għaldaqstant qed jiġi nterpretat li qed issir referenza għall-permessi preliminari magħrufin bħala Tourism Policy Compliance Certificates (TPCC). B’riferenza wkoll għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 24451, wieħed għandu jżomm f’moħħu li bejn dan il-proċess, il-permess tal-iżvilupp u l-iżvilupp tal-bini jgħaddi ammont ta’ żmien, u lanqas hu garantit li dan isir għax iċ-ċirkustanzi jistgħu jinbidlu. Għaldaqstant, fis-sena 2025 inħarġu 14-il TPCC għal-lukandi ġodda/estensjonijiet li jammontaw għal 586 kamra tas-sodda u 1,204 sodod u ġew liċenzjati 13-il lukanda li jkopru 1,289 il-kamra tas-sodda u 2,612 il-sodda.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Lukandi liċenzjati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm lukandi preżentement liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) maqsuma kategorija b’kategorija? Jista’ jgħid ukoll x’inhu n-numru ta’ kmamar u n-numru ta’ sodod li jikkomprendu għal kull kategorija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ lukandi preżentament liċenzjati mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għall-Malta u Għawdex sa Ottubru 2025 huwa kif muri fit-tabella: Lukandi Liċenzjati sa Ottubru 2025 Malta Kategorija Numru Numru ta’ Kmamar Numru ta’ Sodod 5 star 18 3759 8039 4 star 55 9512 19218 3 star 81 5770 11832 2 star 16 259 510 Total 170 19300 39599 Gozo Kategorija Numru Numru ta’ Kmamar Numru ta’ Sodod 5 star 2 200 400 4 star 5 391 788 3 star 8 187 366 2 star 4 46 84 Total 19 824 1638 Total: 189 20124 41237

Kemmuna - Blue Lagoon - Numru ta’ viżitaturi - Rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32193 dwar il-figura ta’ 12,000 viżitatur li żaru l-Blue Lagoon f’Kemmuna f’ħin wieħed, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ ta’ GO p.l.c., imsemmi fl-istess tweġiba?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 32041, fejn fiha poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra il-konklużjoni tar-rapport imsemmi. Ninformah ukoll li dan huwa rapport intern, u kummeċjalment sensittiv.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu - Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32108, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk fil-fatt il-Ministeru kienx benefiċjarju tal-fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea li bbenefika l-Ministeru, d-dipartimenti u l-aġenziji relattivi matul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat

Slielem tal-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta jitneħħew is-slielem tal-baħar wara x-xhur tas-sajf? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-possibilità li dawn is-slielem jitneħħew iktar tard fis-sena hekk kif numru ta’ persuni għadhom qegħdin jgħumu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.

Baġit 2026 – Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Reklamar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm nefaq flus fuq reklami l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu għall-Baġit 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiżi terzi tal-Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm ċittadini Maltin jgħixu f’pajjiżi terzi fl-Ewropa? Jista’ jelenka liema huma l-pajjiżi u kemm hemm ċittadini Maltin f’kull pajjiż?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru. 32185.

Ċittadini Maltin li jgħixu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm ċittadini Maltin jgħixu f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jelenka liema huma l-pajjiżi u kemm hemm ċittadini Maltin f’kull pajjiż?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-cittadini Maltin m’humiex obbligati legalment li jinfurmaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu li qed jgħixu barra minn Malta u għalhekk dan il-Ministeru m’għandux din l-informazzjoni.

Kemmuna - Blue Lagoon - Numru ta’ viżitaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32041, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti d-dettalji tal-kumpanija li wettqet ir-rapport imsemmi fl-istess tweġiba dwar il-figura ta’ 12,000 viżitatur li żaru l-Blue Lagoon f’Kemmuna f’ħin wieħed u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tar-rapport u jindika d-data ta’ meta din il-kumpanija ġiet inkarigata sabiex twettaq dan ir-rapport?  Jista’ jgħid ukoll: i.    jekk saritx sejħa pubblika għall-offerti għal dan ir-rapport; ii.    x’kienu t-Terms of Reference mogħtija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal dan ir-rapport; iii.    meta ġie mgħoddi dan ir-rapport lill-MTA u/jew lill-Ministeru rispettiv, u iv.    x’kien il-ħlas għal dan ir-rapport?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija li ġiet imqabbda sabiex tiġbor din id-data kienet GO plc u r-rapport ġie kkummissjonat fil-bidu ta’ Settembru 2024 bl-intenzjoni li tinġabar id-data tax-xahar ta’ Awwissu. Din il-kumpanija ntgħażlet fuq il-bażi li l-Awtorita’ kienet diġa ddiskutiet is-suġġett ta’ ‘Big Data’ mit-telefonija ċellulari u l-fatt li l-maġġoranza ta’ ‘simcards’ minn pajjiżi barranin jaqbdu man-network ta’ din il-kumpanija. It-‘terms of reference’ kienu sempliċi, fejn il-kumpanija ntalbet tiġbor data u tistabilixxi n-numru ta’ viżitaturi ġewwa Kemmuna u l-Blue Lagoon f’Awwissu; il-ħin li waslu u telqu; u nformazzjoni oħra anonima anċillari. Ir-rapport tlesta fid-19 ta’ Settembru u ġie jiswa tmint elef ewro.

Sena 2024 - Eco Contribution - Allokazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif ġiet allokata l-eco contribution miġbura fl-2024?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jamministra l-fondi allokati taħt il-Vot 7019. Madankollu, il-kontribuzzjoni tal-eco tax tinġabar mill-Malta Tax and Customs Administration. Matul l-2024, il-kumitat responsabbli għal dan il-fond, jiġifieri t-Tourism Projects Advisory Committee, li kien jaqaʼ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, alloka: 1.    €118,121.14 b’rabta mal-Pjazza ta’ Spinola; u 2.    €45,962.87 b’rabta ma’ Triq Paceville. Fiż-żewġ każi fil-lokalità ta’ San Ġiljan.

Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu - Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21939, 22501 u 24077 u jagħti rendikont ta’ kemm-il konsulent ġie maħtur mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tul is-snin 2023, 2024 u 2025 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min huma dawn il-konsulenti, fuq liema kriterji ntgħażlu u x’rata ta’ remunerazzjoni għandhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu - Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21941, 22498 u 24079 u jgħid kemm minn dawn il-konsulenti maħtura mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) nħatru wara sejħa pubblika u kemm minnhom ma ntgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Kuntratti ta’ Kera

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21944, 22497 u 24080 u jgħid kemm-il kuntratt ta’ kera għandu l-Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u jagħti n-nefqa annwali fuq kera għas-snin 2023, 2024 u 2025 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

MTA - Nefqa tal-marketing

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31834 u jagħti rendikont tan-nefqa tal-marketing tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u tal-benefiċjarji ta’ din in-nefqa, matul is-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-2025, l-MTA allokat €21 miljun għall-marketing u l-promozzjoni tad-destinazzjoni. B’dan il-baġit inżommu l-preżenza tal-MTA fis-swieq internazzjonali ewlenin permezz tal-uffiċċji u r-rappreżentanti tagħha madwar id-dinja. Ikopri wkoll firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni, inkluż l-ospitar ta’ żjarat ta’ aġenti u operaturi turistiċi, ġurnalisti u influencers, marketing konġunt ma’ sħab kummerċjali, reklamar f’pubblikazzjonijiet, kif ukoll fuq pjattaformi diġitali u midja soċjali, televiżjoni, radju u azzjonijiet ‘Out-Of-Home’, kif ukoll inizjattivi ta’ PR u parteċipazzjoni fil-fieri internazzjonali, seminars u workshops barra minn Malta.

MTA - Kuntratti għal għajnuna għal marketing/sponsorship

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31835 u jgħid kemm hemm kuntratti viġenti bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u terzi għal għajnuna ta’ marketing jew sponsorship marbut mat-turiżmu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MTA għandha għaxar kuntratti viġenti ta’ marketing jew sponsorship.

MTA - Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31836 u jagħti lista tal-konsulenti mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Ministeru tiegħu relatati mat-turiżmu matul l-2025 u r-rata li biha jitħallsu u kemm tħallsu dawn il-konsulenti matul l-2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Baġit 2026 - Statement B Vot 13 - Bidla bejn l-estimu approvat u l-estimu rivedut

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31930 u ċjoè: B’referenza għal ‘Statement B Vot 13 Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Turiżmu anness mad-Diskors tal-Baġit 2026’ fejn hemm indikat li hemm bidla ta’ €24,531,000 bejn l-Estimu Approvat u Estimu Rivedut bir-Rimarki “Spiża ogħla hija mistennija fil-kategorija tal-Personal Emoluments u fil-kategorija tal-Contribution to Government Entities (Malta Tourism Authority)”, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hi mistennija li tkun l-ispiża ogħla għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u x’wassal għal din l-ispiża ogħla minn dik approvata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma indikata f’dan l-istadju tirrapreżenta stima tal-vot rikurrenti kollu li jappartjeni lill-Ministeru ghall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu. Filwaqt li s’issa l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ġiet allokata fondi supplimentari biex tkopri route development u marketing services, l-ispiża attwali tkun magħrufa meta tagħlaq is-sena finanzjarja li ninsabu fiha.

MTA - Attivitajiet li bbenefikaw minn sponsorship jew reklamar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31931 u jagħti rendikont tal-attivitajiet li bbenefikaw minn għotja ta’ sponsorship jew reklamar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) kif ukoll l-ammont ta’ sponsorship jew għajnuna li ngħatat lilhom, matul is-snin 2024 u 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu (MTA) tassisti diversi attivitajiet, artisti, atleti, timijiet, gruppi u ndividwi f'diversi setturi. Din l-għajnuna tingħata sabiex l-attivitajiet varji jkun possibbli li jsiru u b'hekk jattiraw turiżmu lejn pajjiżna jew jelevaw l-esperjenza tat-turist f'pajjiżna kif ukoll fl-istess ħin igawdu minnhom il-Maltin u r-residenti f'pajjiżna li jkunu jistgħu jipparteċipaw jew jattendu f'attivitajiet ta' livell mondjali f'pajjiżna stess. Dan kollu qiegħed jgħolli l-profil ta' pajjiżna madwar id-dinja. L-MTA tassisti wkoll artisti, ndividwi, timijiet u atleti Maltin li b'sagrifiċċju jsiefru sabiex jikkompetu f'isem pajjiżna. Is-sapport li jingħata lil dawn ikun ta' reklam lil brand VisitMalta u lil pajjiżna. Iktar dettalji mhumiex jingħataw minħabba kunfidenzjalita’ u sensittivita’ kummerċjali.

MTA - Sponsorship jew reklamar - Sejħiet pubbliċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31932 u jgħid jekk saritx sejħa pubblika għal għotjiet ta’ sponsorship jew reklamar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) matul is-snin 2024 u 2025 u jagħti rendikont ta’ dawn is-sejħiet pubbliċi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li -Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fetħet tlett (3) support programs fis-sena 2025 fl-oqsma li ġejjin: i)       Conferences and Expos marketing support program ii)      Music Tourism marketing support program iii)      Sports Events marketing support program Wieħed jista’ jsib iktar informazzjoni fuq dawn is-support programs billi jżur is-sit tal-MTA taħt is-sezzjoni News. Matul is-sena 2024 kien hemm dawn l-iskemi hawn taħt imsemmija li kienu għadhom fis-seħħ minn żmien il-Covid: 1.    Major Tourism Events Support Scheme 2.    Inbound Tourism Events Support Scheme 3.    Value added Tourism Events Support Scheme.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.