Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kemm ilu located fil-Continental Business Centre, Cutrico Buildings, ġewwa Triq Old Railway Tracks f'Santa Venera? Dan il-post inxtara jew qiegħed jintuża b'kera? Jekk il-post huwa mikri kemm titla' l-kera?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ilu allokat fl-indirizz indikat fil-Mistoqsija, mit-13 t’ Awwissu 2012. Il post qiegħed jintuża’ b’kera bir-rata ta’ €126,474.00 fis-sena.

Ċimiterju tal-Addolorata — xiri ta' oqbra tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-lum, kemm inxtraw oqbra tal-gvern ġewwa ċ-Ċimiterju tal-Addolorata sena b'sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul il-perjodu, sena 2008 sal-lum, ma kien hemm l-ebda bejgħ ta’ oqbra tal-Gvern fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

talba għad-Dar ta' Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet fil-Gżira Home u peress li issa l-pazjenti kollha qed inneħħuhom biex jitfgħuhom f 'home oħra, hi tixtieq li tmur id-dar ta' Bormla biex tkun qrib il-qraba tagħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjani f’din il-home mill-bidu nett intalbu jagħżlu fejn iridu jmorru. Id-Dipartiment qed jagħmel kull sforz biex l-anzjani konċernati jiġu trasferiti skont ix-xewqa tagħhom.

Sptar Mater Dei — ġenerazzjoni tal-enerġija biex tissupplixi d-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' generazzjoni tal-enerġija teżisti fl-Isptar Mater Dei, sabiex tissupplixxi d-dawl meħtieġ fl-Isptar Mater Dei, f'emerġenza meta jinqata d-dawl kif għamel xi ftit żmien ilu? X'tip ta' generators hemm? X'coverage għandhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-isptar Mater Dei, is-sistema ta’ l-elettriku hi maqsuma fi tlett tipi: 1. Tip Kritiku - Id-dawl meħtieġ f’dawk il-postijiet meqjusa kritiċi u jintuża għall-proċeduri kritiċi (eżempju: Is-Swali ta’ l-Operazzjonijiet u l-Emerġenza) 2. Tip Essenzjali - Id-dawl meħtieġ f’diversi postijiet biex issiru proċeduri ikunsidrati essenzjali, li izda ma humiex kritiċi. (eżempju: Is-Swali ġenerali tal-pazjenti u l-uffiċini) 3. Tip Mhux Essenzjali - Id-dawl meħtieġ f’diversi postijiet biex isiru proċeduri ikkunsidrati mhux essenzjali u li jistgħu jistennew. F'emerġenza meta jinqata d-dawl kif għamel xi ftit żmien ilu fl-Isptar Mater Dei, hemm numru ta’ Uninterrupted Power Supplies (UPS) li huma mgħammra bil-batteriji sabiex jissupplixxu d-dawl kollhu tat-tip Kritiku. Meta jinqata d-dawl, il-UPS jissuplixxu d-dawl f’dawn il-postijiet sakemm jerġa jinxtgħel lura d-dawl. Barra minn dan fl-isptar kollhu hemm tlett (3) generators li jaħdmu bid- diesel li jintużaw meta jkun hemm qtugħ fil-provvista ta’ l-elettriku. Dawn il- generators għandhom kapaċita ta’ 2.5MW (2.5 MegaWatt ) il-wieħed għal total ta’ 7.5MW. F'emerġenza meta jinqata’ d-dawl, bil- generators jaħdmu, iċ-ċirkwiti tad-dawl tat-Tip Kritiku u Essenzjali fil-postijiet kollha ta’ l-isptar ikunu mixgħulin. Dawk iċ-ċirkwiti tad-dawl tat-Tip Mhux Essenzjali jibqgħu mingħajr dawl sakemm jerġa lura d-dawl minn naħa ta’ l-Enemalta. Hemm ukoll numru ta’ lampi installati madwar l-isptar li huma mgħammra bil-batteriji li jinxtgħelu mmedjatament meta jinqata’ d-dawl biex jiġi evitat li jkun hemm kullimkien dlam ċappa sakemm jerġa jiġi lura d-dawl.

Qtar tal-Għajnejn Betoptic out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jkun in stock il-qtar tal-għajnejn Betoptic (active ingredient betaxolol hydrochloride)? Jista' jintuża qtar alternattiv fil-frattemp?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-qtar tal-għajnejn Betoptic (active ingredient betaxolol hydrochloride) huwa mistenni li jkun in stock għall-ewwel ġimgħa ta' Diċembru, jew qabel.

Dipartiment tal-Emerġenza — alcohol poisoning

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu każijiet ta' alcohol poisoning fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, u kemm minn dawn kienu bejn il-ħdax u s-sbatax-il sena, tfajliet u ġuvintur, sena b'sena mill-2008 sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dental Specialisation Commission

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġunijiet li wasslu biex ordna li jitwaqqaf Bord tal-Inkjesta dwar id-Dental Specialisation Commission? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' inkjesta? Jista' jgħid għaliex dan ir-rapport ma sarx pubbliku qabel? Jista' jgħid x'passi ttieħdu wara din l-inkjesta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li f’Jannar il-Ministeru irċieva ilment mir-rapreżentanti tal-Universita’ fuq il-Kumitat għall-Akkreditazzjoni tal-Ispeċjalisti fid-Dentistrija li applikant li kien ġie akkreditat seta’ma kellux il-kwalifiki kollha meħtieġa kif ukoll li seta’ kien hemm xi membri fuq il-kumitat li seta’ kellhom kunflitt ta’ interess kien inħatar Bord ta’ Inkjeta skont L-Att dwar l-Inkjesti biex jisħarreġ l-allegazzjonijiet. Il-Bord issottometta ir-rapport tiegħu fl-24 ta’ Mejju ta’din is-sena liema rapport jindika li seta’ kien hemm xi membri b’kunflitt ta’ interess u għalhekk il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-kwalifiki seta’ kien ivvizzjat. Il-Bord evelwa ukoll il-kriterji użati biex saret l-akkreditazzjoni u wera il-fehema li dawn ma kienux kriterji tajba għal tali evalwazzjoni. Ir- rapport intbagħat lill-Kumitat għall-Akkreditazzjoni tal-Ispeċjalisti fid-Dentistrija għar-rejazzjonijiet tagħhom u il-Kumitat intalab jinforma lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika x’passi kien bi ħsiebu jieħu. Kopja tar-rapport intbagħtet ukoll lill-Kunisll Mediku. M’hix il-prassi li r-rapporti kollha ta’ inkjesti li jsiru fid-Dipartiment li jsiru pubbliċi jew li jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Minħabba n-natura sensittiva tal-każ in kwistjoni kif ukoll minħabba il-fatt li il-process għadu ma intemmx, ma jinħassx li dan ir- rapport għandu jsir pubbliku iżda inkun lest li nagħti kopja tar-rapport b’mod kunfidenzjali lill-Onor. Interpellant.

Mediċina Valsartran out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Valsartran, ikunu ta' spiss out of stock? Jista' l-Minisru jgħid instabx xi tip ta' rimedju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ordni tal-pilloli Valsartan hija ikkonfermata u dalwaqt se jkunu disponibbli. Ir-raġuni ta’ dan in-nuqqas ta’ stock huwa relatat ma’ żieda fil-konsum li qabeż il-ħamsin fil-mija matul l-aħħar sena.

Mediċina Carvedilol out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Carvedilol qed ikunu ta' spiss out of stock? Jista' jgħid instabx xi rimedju sabiex dawn ikunu supplied regolarment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ordni tal-pilloli Carvedilol huma ikkonfermati u dalwaqt se jkunu disponibbli. Ir-raġuni ta’ dan in-nuqqas ta’ stock huwa relatat ma’ sitwazjoni loġistika u qed jsiru ukoll arranġamenti biex tinġab b’courier. Ta’ min wieħed issemmi li hemm mediċina oħra f’din il-kategorija li tista tintuża minflok il-Carvedilol.

Diabete — labar tal-insulina

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il labra tal-insulina huma intitolati kull xahar dawk li jbatu bid-diabete?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dawk il-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete, u li wara r-Riforma tal-Immaniġġjar tad-Dijabete mnehdija mill-Gvern f'Marzu li għadda ddeċidew li jkollhom kartuna safra, minflok kartuna roża, huma intitolati għal żieda u għalhekk issa għandhom tletin (30) siringa fix-xahar.

labar għall-persuni li huma dipendenti fuq id-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il labra huma intitolati kull xahar dawk il-persuni dipendenti fuq id-droga?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuni li huma dipendenti mid-droga huma intitolati għal siringi skont il-ħtieġa.

Meals on Wheels — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għal Meals on Wheels fil-lokalità tal-Furjana li għadhom ma ġewx mogħtija dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm sebgħa (7) persuni li joqogħdu l-Furjana li qegħdin fuq il-waiting list biex jirċievu s-servizz tal-Meals-On-Wheels. Ta’ min jgħid li kemm ilu jsir l-ikel ġewwa San Vinċenz de Paul, id-domanda kompliet tikber. Is-sena l-oħra lħaqna record ta’ madwar 90,000 ikla. Dawn l-aħħar ġimgħat żdied van ieħor biex jinqdew aktar nies. Sa dan it-tant, qed jittieħdu passi biex ikunu jistgħu inqdew aktar nies.

nurses li se jindew jippreskrivu l-mediċini

Question

Filwaqt li napprezza li din setgħet kienet talba tal-MUMN u ma għandi ebda interess li nidħol fi kwestjonijiet ta' natura ta' relazzjonijiet industrijali, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm konsultazzjoni man-nurses kollha minn qabel, billi uħud minnhom kuntrarju għal dak li qed jingħad ma riedux li jiġu mgħobbijja bir-responsabilità li jippreskrivu mediċini ġaladarba la huma tobba, dentisti u fil-każ tal-annimali – veterinjarji? X’preparamenti qed isiru biex dawn jippreskrivu mediċini flok tobba bħala nurses fil-qasam tal-ambulanzi? A bażi ta’ liema liġi se ssir din il-bidla peress li huwa reat kriminali li wieħed jippreskrivi mediċini jekk ma jkunx kwalifikat biex jagħmel dan? X’tahrig se jingħataw dawn l-infermiera biex jibda jsir xogħol simili minnhom? Huwa minnu jew le li kien hemm uħud minnhom li saħansitra ġew mhedda mill-avukat tal-Isptar Mater Dei? X’inhi l-urġenza ta’ din il-bidla peress li hu fl-interess pubbliku li l-Kamra tiġi aġġornata dwar policy simili dwar Nurses fl-Accident And Emergency Department?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm konsultazzjoni sħiħa u twila mal-infermiera kollha sakemm dawn kollha qablu li din il-proċedura tista’ sseħħ. Il-preparamenti saru billi ingħata t-taħriġ neċessarju lill-infermiera biex fl-ambulanza jamministraw ċertu mediċini partikulari. L-avukat tal-Isptar ma hedditx lill-infermiera, iżda spjegat lill-infermiera kollha nvoluti u affermat li dak li qed isir teknikament m’huwiex preskrizzjoni ta’ mediċini. L-Infermiera se jkunu qed jagħtu l-mediċina taħt direzzjoni medika, u għalhekk ma jirrikjedi l-ebda bdil fil-leġiżlazzjoni. Dan il-proċess ta’ taħriġ kien ilu li beda u għalhekk l-infermiera kollha issa kisbu dan it-taħriġ. L-infermiera kollha qablu li jsir u jieħdu dan it-taħriġ.

Persuni li jbatu minn Alzeihmer Diseases — mediċina b'xejn

Question

Billi xi xhur ilu kien approvat f'din il-Kamra li persuni li jbatu minn Alzeihmer Diseases huma intitolati għall-mediċina b'xejn taħt l-iskema V tas-Servizzi Soċjali, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li: a) il-gvern jixtri din il-mediċina; b) kemm-il kartuna tax-Schedule V (kartuna safra) ħarġet li tintitola pazjenti għal kura b'xejn għall-Alzeihmer Diseases; ċ) meta se toħroġ it-tender biex tinxtara l-mediċina għall-Alzeihmer Diseases; u d) meta mistenni li l-ewwel pazjenti se jibdew jirċievu l-mediċina b'xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għaddej il-proċess biex tinxtara din il-mediċina. Minn mindu d-demenzja ġiet introdotta uffiċjalment fl-Iskeda V, fis-27 ta’ Marzu 2012, kif ġie stabbilit fl-avviż legali 81 tal-2012, inħarġu 41 kartuna safra għad-demenzja, li jkopru numru ta’ mediċini li huma utli fil-kura tad-demenzja. B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37606, jekk il-proċess ta’ xiri jimxi kif mistenni, l-ewwel pazjenti huma mistennija li jibbenifikaw minn din il-mediċina fi żmien qasir.

Sptar Mater Dei — dewmien fl-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu 'l fuq minn 12-il siegħa fl-emergenza tal-Isptar Mater Dei sakemm issejħu sabiex jarahom tabib matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-A&E module tal-Patient Administration System, huwa possibbli li wieħed jiddetermina l-ħin li jkun għadda minn meta persuna tirreġistra fir-reception tad-Dipartiment tal-Emerġenza, sakemm l-istess persuna tkun illiċenzjata mill-istess dipartiment, jew tiddaħħal l-isptar jekk ikun hemm bżonn. Madanakollu, mill-istatistika li tiġi miġbura m’huwiex possibbli li wieħed jikkalkula iż-żmien ta’ stennijja minn meta persuna tirreġistra fir-reception tad-Dipartiment tal-Emerġenza sakemm l-istess persuna tiġi msejjħa biex j/taraha t-tabib/a.

Sptar Mater Dei — persuni jistennew fuq strecher

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu fuq strecher l-emergenza għal iktar minn 24 siegħa fl-Isptar Mater Dei sakemm issejħu sabiex jingħataw sodda matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

regulation ta' liquid nitrogen fix-xorb

Question

Fid-dawl ta' dak li qed jagħmlu pajjiżi oħrajn fejn tidħol regulation ta' liquid nitrogen fix-xorb, jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment tas-Saħħa jidħol aktar fil-fond ta’ din il-problema, billi kuntrarju għal dak li ngħad f'sezzjoni tal-istampa li d-direttorat ma kienx konxju li prattika simili fit-taħlit tax-xorb ma kenitx qed issir Malta, skont ġurnal lokali kien hemm stabbiliment/i li fil-fatt kienu qed iħalltu xorb f'mod simili u dan aktar u aktar għaliex għalkemm skont il-Food Safety Act, hija ir-responsabilità tal-Food Business Regulators biex jiżguraw li dak li jservu huwa xieraq għall-konsum uman peress li huwa mifhum li r-regulation fil-qasam Malti tax-xorb huwa inadegwat, tant li għadna kif qrajna rapporti fil-media lokali li ħafna mill-każijiet li jiġu ttrattati fl-emergenza tal-Isptar M Dei huma relatata mal-kwalità aktar milli sempliċiment mal-konsum eċċessiv tal-alkohol? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konvint li d-dipartiment huwa konxju ta' dak li ġara f’pajjiż ieħor fejn minħabba liquid nitrogen cocktail kien hemm tfajla fejn saħansitra kellhom ineħħulha l-istonku tagħha minħabba l-konsegwenzi tat-taħlita ta' xorb bil-liquid nitrogen li hija xorbot?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika hija konxja hafna ta dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra iżza nisab infurmat li s’issa l-informazzjoni li għandha hija biss mill-midja għax la l-awtoritajiet Ingliżi u lanqas dawk tal-Unjoni Ewropeja għadhom ma ħarġu xejn ufficjali f’dan ir-rigward. Minkejja dan l-Ispettorat tas-Saħħa qed ikun viġilanti hafna fuq din il-kwestjoni u qed jirrapurtaw immedjatament tali prattiċi jekk jiltaqgħu magħhom. Wieħed irid iżda jaġpprezza li l-ispettorat m jistax jissorvelja kollox., kullimkien u f’kull ħin u l-operaturi ma għandhom l-ebda obbligi fil-liġi li jinfurmaw lill-awtoritajiet dwar ikel u xorb li huma jippreparaw fl-istabbilimenti tagħhom. Huwa għalhekk li il-liġi titfa ir-responsabbilta tal- ikel u xorb servut fuq l-operatur. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjevtali jinvestiga kull ilment u rapport li jasallu u jieħu ilpassi kollha li huma kontemplati fil-liġi. Ir-regolamenti ta’ Malta illum huma bħal ma’ jeżistu fl-Unjoni Ewropeja u allura ekwivalenti għal dawk li hemm f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. F’Malta illum għandna sorveljar kontinwu permezz ta spezzjonijiet u awditjar tal-operaturi tal-ikel, programmi ta’ kampjuni tal-ikel, sorveljar ta’ x’inhu jiġi mpurtat, u kif ukoll sistema ta’ amministrazzjoni tal-ilmenti li jaslu fid-direttorat.. Il-kwalita’ tal-alkohol li jiġi mibjugħ tvarja minn stabbiliment għall-ieħor għax mhux l-istabbilimenti kollha jużaw xorb tal-istess manifattur. Xorb manifatturat minn ditta inqas rinomata minn oħra ma jfissirx li talki xorb huwa ta’ dannu għas Saħħa. Għalkemm jistya’ ikun hemm xi taħlit ieħor, id-Directtorat Id-Direttorat jinvestiga biss dawk il-każijiet fejn ikollu rapporti li b’qerq seta kien hem xi taħlit ieħor. Infakkar lill-Onorevoli interpellant li dan il-Ministeru għal snin twal dejjem saħaq fuq il-bżonn li jitrażżan x-xorb eċċessiv għax jemmen li dak huwa l-kawża primarja ta dak li ġie rapurtat u li l-imġieba tal-individwi tista’ titranġa biss bl-edukazzjoni.