Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — ċitazzjonijiet ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu ċitazzjonijiet nhar il-Ħadd 13 ta' Mejju 2012, kemm mill-wardens, kif ukoll mill-pulizija, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, għal dawk li huma kontravenzjonijiet tat-traffiku?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarrġu il-Ħadd 13 ta' Mejju 2012 kien ta' 58, 35 mill-Wardens u 23 mill-Pulizija.

Applikazzjoni għall-Korp tal-Pulizija — persuna li jkollha tattoo

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li jkollha tattoo tistax tapplika biex tidħol membru fil-Korp tal-Pulizija? Għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34717.

Persuna li komettew omiċidju volontarju li ma tressqux il-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il persuna li kkommettiet omiċidju volontarju ma tressqitx il-Qorti peress li mill-investigazzjoni rriżulta li kienet qed taġixxi in legittima difesa? Jista' jgħid min kienu dawn il-persuni u d-dati meta seħħ il-każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, ċioe' mis-sena 2002 'l hawn kien hemm żewġ każi fejn persuna inqatlet u ma nbdewx proċeduri kriminali. Dawn iż-żewġ każijiet kienu jinvolvu membri tal-Korp tal-Pulizija. Każ minnhom seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2002 ġewwa Hal Luqa fejn il-Pulizija sparaw fuq persuna li kienet qed iżomm persuna oħra bħala ostaġġ taħt theddida imminenti tal-mewt. Il-każ l-ieħor kien seħħ nhar l-4 ta’ Mejju 2007 f’Ħal Qormi, fejn il-Pulizija sparaw sabiex jiddefendu lilhom infushom fuq persuna li attakathom b’mus. Fiż-żewġ każijiet kien ġie konkluż mill-Maġistrat inkwirenti illi ma kienx hemm lok li jittieħdu proċeduri kriminali fil-konfront tal-membri tal-Korp u li dawn kienu aġixxew in leggittima difesa tagħhom jew ta’ ħaddieħor.

Korp tal-Pulizija — investiment fil-Faċilitajiet u tagħmir forensiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin, sena b'sena x'kien l-ammont ta' investiment fil-faċilitajiet u tagħmir forensiku tal-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat ill matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Korp tal-Pulizja investa f’diversi apparat sabiex jimmodernizza t-tagħmir u jtejjeb il-faċilitajiet fit-Taqsima tal-Forensika, anke’ permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Fost dawn, ta’ min isemmi laboratorju diġitali ġdid sabiex isir żviluppar ta’ ritratti li kien jammonta għal €187,282 li inxtara fl-2008, flimkien mas-somma ta’ € 63,748 f’materjali li jiġi kkunsmat b’konnessjoni max-xogħol ta’ din it-Taqsima. Matul l-2009, sar investiment ta’ € 320,798. Dan kien jinkludi xiri ta’ apparat sabiex jiġu eżaminati dokumenti tal-ivjaġġar, flus u dokumenti oħra suspettati li jkunu foloz. Inxtara wkoll apparat li jiżviluppa impronti diġitali minn fuq diversi materji kif ukoll inxtraw numru ta’ kameras tar-ritratti diġitali. Ma’ dawn kien hemm ukoll € 47,610 f’ consumables. Fl-2010, il-Korp tal-Pulizija investa €38,583 f’apparat diġitali sabiex jiġu analizzati filmati in konnessjoni ma’ investigazzjonijiet. Inxtrat ukoll videocamera digitali professjonali li swiet €18,000, filwaqt li intefqet is-somma ta’ € 65,852 f’materjal li jintuża fix-xogħol ta’ kuljum ta’ din it-Taqsima. Matul is-sena l-oħra mhux anqas minn €172,778 ġew investiti fis-sistema ta’ database tad-DNA, li qedgħa għall-użu fit-tpartit ta’ informazzjoni ma' pajjiżi Ewropej oħra. Ma' dawn wieħed irid isemmi wkoll in-nefqa ta’ €45,106 f’materjal li kien ikkunsmat għal finijiet ta’ sigurta’ u preservazzjoni ta’ oġġetti elevati minn fuq ix-xena tar-reat, kif ukoll ilbies protettiv għall-uffiċjali li jaħdmu fil-Laboratorju Forensiku. Din-is-sena, Il-Korp investa €1,592,856 f’apparat ġdid li jaħżen u jikkompara l-impronti diġitali u tal-marki tal-pali tal-idejn. Dan l-apparat huwa intenzjonat li jintuża kemm għal komparazzjoni tal-impronti diġitali elevati minn fuq ix-xena tar-reat kif ukoll fil-bdil ta’ informazzjoni ma' pajjiżi oħra Ewropej. Ġew investiti wkoll €11,702 f’apparat imsejjaħ hand held retroviewers sabiex ikompli jittejjeb l-apparat li jiċċekkja d-dokumenti u flus foloz, kif ukoll €46,852 f’appart xjentifiku ieħor li jintuża sabiex jitkejjel l-alkoħol fin-nifs. Ġew investiti wkoll madwar €9,000 f’apparat ġdid ieħor li jipproduċi imaġini ta’ l-uċuħ waqt intervisti li jsiru mal-vittmi jew xiehda. Sa issa intefqu ukoll €29,543 f’materjal ieħor li jiġi ikkunsmat sabiex tiġi priservata l-evidenza. Dan ifisser li matul dawn l-aħħar erba’ snin ġew investiti aktar minn żewġ miljuni u nofs Ewro (€2,649,610) fil-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija. Dan barra xogħol ieħor ta’ manutenzzjoni, modernizzar u tisbieħ fl-ambjent in ġenerali f’uffiċċini ġodda fil-kumpless tat-Taqsima Fornesika.

Pulizija li telqu l-Korp wara 25 sena servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin kemm uffiċjali tal-pulizija telqu mill-Korp kif appena għalqu l-25 sena servizz? Jista' jgħid kemm fil-preżent kemm-il membru tal-korp għalqu l-25 sena servizz u għadhom fil-korp u f'liema gradi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar 4 snin, ċioe' mill-2009 'l hawn, kien hemm 56 membru tal-Korp li rtira mis-servizz appena għalqu l-25 sena servizz. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 195 membru tal-Korp li għalqu il-25 sena servizz u li għadhom iservu fil-Korp. Dawn huma, Kummissarju, Deputat Kummissarju, 5 Assistenti Kummissarji, 6 Supretendenti, 4 Spetturi, 23 Surġent Maġġur, 17-il Surġent u 138 Kuntistabbli.

Qawra — rapporti dwar storbju

Question

Billi fil-media elettrronika ġie allegat li nhar il-Ħadd 13 ta' Mejju saru diversi rapporti fl-għassa tal-Qawra minħabba storbju, iżda minn naħa tal-pulizija min irraporta ġie nfurmat li l-pulizija kienu 'mħabbtin x'imkien ieħor', jista' l-Ministru jaghti taghrif dwar kemm kien hemm rapporti, jekk kien hemm, dwar dan is-suggett, fl-għassa tal-Qawra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Ħadd 13 ta’ Mejju 2012 l-Pulizija tal-Qawra kellha żewġ rapporti permezz ta’ telfonati anonimi dwar allegat storbju minn żewġ stabbilimenti fil-lokal u l-Pulizija aċċediet fl-inħawi indikati, iżda ma kien osservat ebda storbju. Infurmat ukoll illi l-unika telefonata li kien hemm, fejn min ċempel kien infurmat li l-Pulizija kienu fuq xogħol ieħor, kienet dwar parkeġġ. Pero’ anke dwar dan ir-rapport il-Pulizija ħadet azzjoni immedjata hekk kif lestiet mix-xogħol li kienet fuqu fil-ħin tat-telefonata. Infurmat ukoll illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda f’din il-lokalita' minħabba storbju ġġenerat minn stabbilimenti kummerċjali.

San Pawl il-Baħar — arresti minħabba storbju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm arresti minħabba storbju, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha), matul l-ewwel xhur ta' din is-sena, sal-15 ta' Mejju?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi normalment, il-Pulizija ma taċċedix għall-arrest ta’ persuna fuq storjbu, sakemm l-istorbju ma jkunx relatat ma’ xi reat aktar serju jew il-persuna tonqos li tobdi l-ordni leġittima tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi matul din is-sena ma kienx hemm okkażjonijiet li taw lok għal arrest ta’ xi persuna jew persuni minħabba storbju fl-inhawi ta’ San Pawl il-Bahar.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — searches għas-sustanzi illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena, xahar b'xahar kemm saru searches għas-sustanzi illegali fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2011 saru 294 it-tfixxijiet għal dak kollu li huwa illegali u/jew projbit.

għoti ta' direct orders mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kontroll iwettaq id-dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali għal dak li jikkonċerna l-għoti ta' direct orders mill-kunsilli lokali differenti? Kull kemm hu mistennni li l-kunsilli lokali jagħtu rendikont tad-direct orders li fil-fatt jagħtu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi limitu ta' kemm jistgħu jingħataw direct orders, bħala perċentwali mill-budget totali tal-kunsill, matul xi żmien partikulari?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waħda mill-funzjonijiet li għandha s-sezzjoni tal-moniteraġġ fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hija l-iskrutinju tal-minuti tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali li jinkludu l-iskedi tal-pagamenti fejn il-Kunsill japprova l-infieq. Liema minuti ikunu għad-dispożizzjoni tal-Dipartiment għall-Gvern Lokali wara kull laqgħa li ssir. Kull meta jinstab xi nuqqas li jmur kontra r-Regolamenti Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali (Avviż Legali 155 tal-1993), id-Dipartiment jinforma mill-ewwel lill-Kunsill ikkonċernat biex jagħti spjegazzjoni u jirregolarizza ruħu. Ikun hemm każijiet fejn il-Kunsill jiġi ippenalizzat għan-nuqqas tiegħu billi jitnaqqsulu fondi mill-allokazzjoni. Skont ir-Regolamenti “... ordnijiet, kuntratti, kull ftehim jew offerti li ma jkunux jeċċedu elf u mija u erbgħa u sittin euro u disgħa u sittin ċenteżmu (€1,164.69) għandhom ikunu awtorizzati mill-Kunsill….....kemm-il darba ma jinxtrawx oġġetti tal-istess xorta f’perijodu ta’ erba’ xhur konsekuttivi…” (Reg 24 (4)

Assoċjazzjoni tal-Pulizja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hu rċeviex korrispondenza minn assoċjazzjonijeit tal-Pulizija fl-Ewropa li kkritikaw il-proposti tiegħu għat-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm diversi korrispondenza minn Assoċjazzjonijiet tal-Pulizija fl-Ewropa, li qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha vetturi għad-dispożizzjoni tagħha t-Taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija għandha għad-dispożizzjoni tagħha 37 mutur u 2 karozzi. Infurmat ukoll illi fil-preżent qed isiru l-preparamenti sabiex joħroġ tender pubbliku għax xiri ta’10 muturi oħra.

Korp tal-Pulizija — membri sospiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru fil-Korp tal-Pulizija ġie sospiż fl-aħħar ħames snin? Kull wieħed kemm dam hekk sospiż u għal-liema raġuni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, cioè mill-2008 sallum, kien hemm 17-il membru tal-Korp tal-Pulizija li ġew sospiżi għax kienu għaddejjin proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom. Minn dawn, 14 għadhom sospizi għax il-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-Qorti, tnejn damu 29 xahar sospiżi kull wieħed sakemm il-każ tagħhom ġie deċiż u ieħor dam 3 xhur sospiż sakemm irtira mis-servizz.

Korp tal-Pulizija — membri ħatja ta; reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm membri tal-Korp tal-Pulizija nstabu ħatja ta' reati kriminali u x'kienu l-pieni li ngħataw? Jista' jgħid jekk dawn għandhomx fil-Korp?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, cioè mill-2008 sallum, kien hemm 17 il-membru tal-Korp tal-Pulizija li nstabu ħatja ta’ reat kriminali. Il-pieni mgħotija kienu jinkludu multa, probation u sentenza sospiża. Minn dawn hemm 7 li wara li kellhom il-każ tagħhom maqtugħ quddiem il-Qorti u għaddew il-proċeduri skont ir-Regolamenti tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kien ġie deċiż li dawn għandhom jibqgħu jservu fil-Korp.

Korp tal-Pulizija — membri akkużati b'reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm tressqu l-Qorti membri tal-Korp tal-Pulizija akkuażti b'reati kriminali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, cioè mill-2008 sallum, kien hemm 71 membru tal-Korp li tressqu l-Qorti b’reati kriminali.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — korsijiet tal-priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin qed isegwu korsijiet fl-Università u liema huma dawn il-korsijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm priġunier li qed jattendi kors li jwassal għall-Baċellerat fl-Antropoloġija.

Kirja tal-Ġnien ta' Hastings

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34380 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti d-dettalji tal-kirja li teżisti fir-rigward tal-Ġnien ta' Hastings? Jista' jgħid kif intgħażlu l-kumpaniji li għandhom id-dritt esklużiv li jagħmlu t-tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni li għandu ma jidhirx li hemm kirja formali fir-rigward tal-Ġnien ta’ Hastings. Il-Kunsill Lokali tal-Belt jamministra dan il-ġnien u jagħti permessi biex isiru attivitajiet bħal tiġijiet fuq ‘first come first served basis’. F’dan ir-rigward il-Kunsill qed jintalab biex jirregolarizza ruħu u jitlob biex jagħmel ftehim formali mad-Dipartiment tal-Artijiet, għall-użu ta’ dan il-ġnien billi jitlob id-devoluzzjoni tiegħu.

persuni li għandhom skorta tal-pulizija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33084, filwaqt li l-prassi tista' tinbidel speċjalment fejn hemm persuni pubbliċi li kulħadd jaf li għandhom xi forma ta' skorta jew għassa, jista' l-Ministru għallinqas jagħti dettalji mingħajr ma jissemmew il-persuni u l-ispejjeż jew in-nefqa marbuta ma' dawn kif mitlub fil-mistoqsija oriġinali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 10 persuni li għandhom sorveljanza tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Mejju 2012 fis-segwenti gradi: a) assistenti kummissarji; b) supredententi; ċ) spetturi; d) maġġuri u e) surġenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'1 ta’ Mejju ta’ din is-sena il-membri fil-Korp tal-Pulizija fil-gradi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu kif ġej: Grad Membri Assistant Kummissarju 8 Supretendent 25 Spettur 102 Surġent Maġġur 49 Surġent 325

reati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm saru reati fis-snin 2012 u 2011, lokalità b'lokalità u x'tip ta' reati kienu dawn? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-reati kienu solvuti mill-Korp tal-Pulizija kategorija b'kategorija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

strateġija fil-Qasam tal-Intern

Question

Fid-dawl tal-istqarrija pubblika li għamel il-Ministru riċentament fis-sens illi, "l-istrateġija fil-Qasam tal-Intern qed tirnexxi...", jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din l-istrateġija? Jista' jgħid kif saret din l-istrateġija? Min kien involut fit-tfassil tagħha u min kienu l-konsulenti involuti? X'inhi t-timeframe ta' din l-istrateġija u fejn hu mistenni li din twassalna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-istrateġija li saret referenza għaliha hija riflessa fil-politika tal-gvern f’dan il-qasam u fid-diversi miżuri li ttieħdu f'dawn l-aħħar snin permezz ta’ leġiżlazzjoni, inizjattivi u attivatijiet varji biex iġibu 'l quddiem dan is-settur.