Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Agribusiness Institute - Open Weekend

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37577, tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu kontra d-Direttur/Istitut Agribusiness dwar flus neqsin u li suppost daħlu minn attivitajiet organizzati mill-Istitut f'aħħar erba'snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Prinċipal tal-MCAST nieda investigazzjoni interna mill-ewwel hekk kif sar jaf dwar il-fatt li flus li daħlu minn attivita’ organizzata mill-Istitut msemmi fis-sena 2012 ingħataw tard lill-amministrazzjoni ċentrali tal-MCAST. Ir-rapport ta’ din l-investigazzjoni tlesta u se jiġi diskuss mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST fil-laqgħa li jmiss. Bħalissa, d-Direttur tal-imsemmi Istitut tinsab fuq ‘leave’.

ITS — ristorant użat għat-tagħlim tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet l-ispiża totali biex ir-ristorant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi jiġi rranġat? Dan kif se jintuża fit-tgħallim? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-menu/menus li qed jaħdmu fuqu l-istudenti u lecturers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — impjegati li għalqu l-61 sena u għadhom fl-impjieg

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fl-Istitut għal-Istudji Turistiċi li għalqu l-61 sena u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts? Meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Saret sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-ITS hemm tlett persuni li għalqu l-61 sena. Tnejn minn dawn huma impjegati fuq bażi part-time fil-pożizzjoni ta’ lecturer u l-ieħor fil-pożizzjoni ta’ ‘Industry Liaison Officer and Leonardo Funds Officer’. Filwaqt li persuna oħra qiegħda b’service contract fil-grad ta’ ‘Assistant Secretary’. Kien hemm sejħa pubblika għal pożizzjoni ta’ part time lecturer filwaqt li t-tnejn l-oħra huma ‘position of trust’.

ITS — servizzi ta' konsulenza

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema persuni qed jagħtu s-servizz ta' konsulenza jew servizzi oħra mhux akkademiċi fuq bażi part-time, kuntratt definit jew konsulenza lill-Istitut għal-Istudji Turistiċi? Tista' tgħid għall kull każ, jekk inħarġitx sejħa pubbliku? X'inhuma l-kwalifiki u esperjenzi ta' kull persuna? X'inhu l-ħlas tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma hemm l-ebda persuni ġewwa l-ITS li qed jagħtu servizzi ta’ konsulenza. Fl-ITS hemm żewġ persuni li joffru servizzi mhux akkademiċi. Wieħed huwa impjegat part-time fuq grad ta’ ‘Industry Liaison Officer and Leonardo Funds Officer’ filwaqt li waħda minnhom qegħda fuq bażi ta’ service contract fil-grad ta’ ‘Assistant Secretary’. Ma kienx hemm sejħa pubblika għax dawn huma ‘position of trust’. Il-persuna li qed jokkupa l-pożizzjoni fuq bażi part-time ta’ industry liasion officer and Leonardo funds officer jifforma parti mill-Hotel and Catering International Management Association (HCIMA). Għal dawn l-aħħar sitt xhur kien jokkupa l-kariga ta’ CEO fl-MHRA. Hu għandu 35 sena esperjenza f’pożizzjonijiet maniġeriali fl-industrija tat-turiżmu. Jitħallas bir-rata ta’ €10.11 is-siegħa. Il-persuna li qed tokkupa l-posizzjoni fuq bażi ta’ service contract fil-grad ta’ assistant secretary għandha 43 esperjenza fl-istess qasam. Hi titħallas bir-rata ta’ €7.61 is-siegħa.

ITS — applikazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet u kemm ġew aċċettati studenti fil-kors għall-persuni b'diżabilità fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi li kellu jiftaħ mal-bidu tas-sena akkademika 2012/2013? Kemm hemm learning support assistants magħhom? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programme of studies u d-description tal-modules differenti tal-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Tista' tindika l-attività x'kienet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dawn l-aħħar sitt xhur ma ntużawx is-servizzi ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xoghol jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu peress li ma kienx hemm ħtieġa għal dan is-servizz.

warrant ta' ġerantologist

Question

Tista' l-Minstru tgħid għaliex jekk aħna sejrin fi żmien msejjaħ the age of the ageing, l-istudenti li qed jigradwa f'diploma level, Masters jew PHD fil-ġerantologija għandhomx huma ukoll jingħataw il-warrant ta' ġerantologist ħalli jkunu jistgħu jaħdmu u jipprattikaw dak li jkunu studjaw f'dan il-qasam?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MCAST Corradino — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fl-MCAST ta' Corradino Hill; b) x'persentaġġ ta' xogħol sar s'issa; u ċ) kemm sewa x-xogħol li sar s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ewwel fażi tal-Kampus il-Ġdid tal-MCAST huwa skedat li jkun lest minn kollox is-sena d-dieħla. S’issa tlestew 65% tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett. Għal dan ix-xogħol s’issa ġew ċertifikati b’kemm jammontaw €3,580,181 f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, €85,349 f’xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi (M&E), kif ukoll €59,677 f’xogħlijiet oħra relatati ma’ dawn il-binjiet (‘finishes’).
Leg 11 PQ #37290 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ministeru tal-Edukazzjonu u x-Xogħol — membri ingaġġati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tagħha u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtha u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Tista' tagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista’ jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. 1) Fis-Segretarjat tiegħi, fl-aħħar 6 xhur kien hemm persuna li ġa kienet impjegata tal-Gvern u li laħqet Assistent Direttur fid-Dipartiment tal-Finanzi fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. 2) Persuna li ġa kienet impjegata tal-Gvern u li spiċċat mis-Segretarjat għaliex ġiet ingaġġata bħala Direttur fid-Direttorat tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. 3) Persuna li ma kienetx impjegata mal-Gvern jew entita’ pubblika u issa wara sejħa pubblika ġiet ingaġġata bħala impjegata ta’ entita’ pubblika.

ingaġġ ta' youth workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn meta dawk li huma gradwati fil-youth work se jibdew jaħdmu bħala l-youth workers u se jingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Diġa’ hemm numru ta’ youth workers li jaħdmu mal-gvern bħala youth workers. Il-warrant jibda jingħatalhom meta l-Att tal-Professjoni tal-Youth Workers jiġi approvat minn din il-Kamra.

warrant ta' youth worker

Question

Peress li hemm gradi differenti ta' studju minn ċertifikat - diploma, degree u masters, tista' l-Ministru tgħid liema livell ta' studju se jkun biżżejjed biex dawk li għandhom background ta' dan l-istudju jkunu jistgħu jieħdu l-warrant ta' youth worker?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-livell minimu ta’ studju rekwiżit għall-warrant ta’ youth worker se jkun ta’ livell ta’ Baċellerat. L-abbozz tal-liġi qiegħed quddiem il-Parlament.

degree għal min m'għandux warrant

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema degrees li jinħarġu mill-Università ta' Malta ma għandhomx warrant? Għaliex dawn ma jingħatawx warrant u għaliex dawk li jingħataw il-warrent isir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — boroż ta' studju

Question

Tista' l-Ministru tispjega jekk hemmx fakultajiet oħrajn u boroż ta' studju oħrajn fil-Università ta' Malta li se jsiru t-tibdil neċessrji biex min jilħaq il-livell neċessarju ta' studju jkun jista' jingħata l-warrent fis-suġġett ħalli jkun jista' jaħdem b'dak is-suġġett li jkun studja għalih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università ta’ Malta ma toffrix boroż ta’ studju imma l-istudenti full time li jirreġistraw għall-korsijiet undergraduate kollha jingħataw l-istipendju u s-Smart Card. Dawk il-korsijiet full time postgraduate li jwasslu biex tingħata warrant jingħataw ukoll l-istipendju.
Leg 11 PQ #37792 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Studenti infermiera li ma jgħaddux mis-sena akkademika

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37245 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u tispjega għaliex l-istudenti infermiera li ma jkunux għaddew mis-sena akkademika u għalhekk ikollhom jirrepetu s-sena jispiċċaw jagħmlu xogħol fl-Isptar fil-vaganzi tas-sajf bla paga meta l-istudenti l-oħrajn li jkunu għaddew jitħallsu? Tista' tgħid għandux student li jkun se jirrepeti għallanqas jagħżel li ma jaħdimx f'dak is-sajf ta' bejn is-sentejn ripetuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti fil-korsijiet tal-infermiera huma meħtieġa jagħmlu placement kliniku matul is-sajf bħala parti integrali mill-kors tagħhom. Barra minn hekk huma jistgħu wkoll japplikaw biex jagħmlu xogħol matul is-sajf taħt l-iskema li joħroġ il-Gvern u huma jitħallsu għal din il-parti tax-xogħol li jagħmlu. Studenti li jeħlu fit-taqsimiet studju teoretiċi li r-riżultati tagħhom joħorġu meta jkunu diġa’ bdew il- placement kliniku tagħhom l-isptar jistgħu jieqfu mill- placement jekk jaraw li se jkollhom jirrepetu sena. Izda, hemm minnhom li jippreferu jkomplu l- placement biex jitħallsu taħt l-iskema tax-xogħol matul is-sajf. Meta l-istudenti jirrepetu sena (fil-korsijiet kollha tal-Universita’) ma jieħdux stipendju. Lanqas ma jkunu intitolati li japplikaw taħt l-iskema ta’ xogħol matul is-sajf għax din hija miftuħa għal min huwa intitolat biex jieħu stipendju. Iżda, naturalment, l-istudenti għandhom numru ta’ sigħat li huma obbligati jaħdmu bħala parti mit-taħriġ akkademiku tagħhom biex jikkwalifikaw għall-grad jew għad-diploma.
Leg 11 PQ #37823 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Primarja Ta' Sannat — tifel li qed jistenna biex jissejjaħ quddiem l-Istatementing Board

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex it-tifel li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jattendi skola primarja ta' Sannat, Għawdex għadu sal-lum ma ssejjaħx quddiem l-istatementing board u l-ġenituri tiegħu ilhom żmien li applikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni ta’ dan it-tifel daħlet għand l-Istatementing Moderating Panel f’Lulju 2012, u qiegħda tiġi pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra li daħlu f’dawn l-aħħar xhur. Il-proċess isir skont il-prioritajiet tal-każi.

Marsa — Skola F X Attard - pjanijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-ex iskola sekondarja tas-subien tal-Marsa, F.X. Attard, tinsab magħluqa u x’inhu maħsub li jseħħ mill-użu tal-proprjetà msemmija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola F.X. Attard fil-Marsa, li għalqet is-sena skolastika li għaddiet, hija fil-pjan tad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi dwar it-twaqqif tal-Kulleġġi u għall-iskejjel t’għada. Bħalissa hemm numru ta’ proġetti edukattivi li qed jiġu kkunsidrati iżda mhux eskluż li l-bini jingħata lura lill-Gvern Ċentrali biex jiddisponi minnu fl-aħjar mod possibli.

MCAST — eżamijiet tal-hairdressing

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru l-eżamijiet tal-hairdressing fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-eżami bil-miktub tal-kors tal-hairdressing tal-MCAST isir darbtejn f’sena. Iż-żewġ dati ta’ dan l-eżami li jmiss huma l-15 ta’ Novembru 2012 u s-6 ta’ Ġunju 2013.

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tagħha f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — kwestjoni dwar sponsorship

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jiġri miż-żgħażagħ li applikaw u ġew aċċettati u bdew l-ewwel sena fil-kors MCAST Diploma in Masonry Heritage Skills Mastru Level 4, ġewwa l-MCAST tan-Naxxar fejn il-kors huwa tliet ijiem skola u jumejn apprentistat u dawn iż-żgħażagħ għadhom bla sponsor? Kif se titħaddem is-sistema tal-apprentistat tagħhom wara li ntbagħtu jsibu sponsor u ilhom xahar ifittxu għalxejn għax hawn nuqqas ta' xogħol fil-qasam u l-kuntratturi mhux iħaddmu jew idaħħlu apprentisti magħhom? Meta fis-snin ta' qabel kienu joffrulhom apprentistat bħala sponsor il-Heritage Malta jew it-Taqsima Tar-Restawr tal-Gvern għaliex mhux qed jiġri l-istess din is-sena? X'tip ta' kors se jkollhom dawn l-istudenti u x'taħriġ prattiku u esperjenza tax-xogħol se jingħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST joffri żewġ programmi ta’ taħriġ fuq restawr tal-ġebla, mfassla fuq sistema ta’ apprentistat. Dawn iż-żewġ programmi ta’ taħriġ jiġu offruti fuq żewġ livelli: Diploma in Masonry Heritage Skills (Sewwej) Level 3 u Diploma in Masonry Heritage Skills (Mastru) Level 4. Biex wieħed jidħol fl-apprentistat, l-ewwel irid ikun ġie aċċettat bħala student mill-MCAST imbagħad wara japplika mal- Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) għall-apprentistat. B’kollox din is-sena applikaw 24 apprentist. 11 minn dawn l-apprentisti diġa’ qiegħdin impjegati ma’ Heritage Malta u t-Taqsima tar-Restawr tal-Gvern li bejniethom jimpjegaw total ta` 26 apprentist fil-qasam tar-restawr tal-ġebla. L-ETC qiegħda f`kuntatt kontinwu mal-Heritage Malta, it-Taqsima tar-Restawr tal-Gvern kif ukoll ma’ kuntratturi privati sabiex tassisti lil min għad m`għandux sponsor. Sadanittant, sakemm jinstab ‘sponsor’, l-istudenti involuti se jkunu qed jingħataw taħriġ prattiku żejjed mill-Istitut tal-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni tal-MCAST stess.