Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema fis-settur tal-produzzjoni u settur tas-servizz tass-suq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru totali ta’ nies jaħdmu (i) fis-settur ta’ produzzjoni diretta u (ii) fis-settur fis-servizzi tas-suq f’Malta u f’ Għawdex separatament, fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ħaddiema li għamdom xogħol part-time bħala xogħol primarju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru totali ta’ nies, rġiel għalihom u nisa għalihom li kellhom xogħol part-time bħala x-xogħol primarju tagħhom f’Malta u f’Għawdex separatament, fl-aħħar ta’ kull sena mill-2009 sal-2010 u fl-aħħar ta’ Lulju – Awissu 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — nefqa globali fuq stationeries

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għal stationeries għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Social Workers fi ħdan il-Kunsilli Lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan serju li jkunu allokati social workers/administrators fi ħdan il-kunsilli lokali biex ikunu qrib ir-residenti ħalli jiġu indirizzati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv il-problemi soċjali tal-familji Maltin u Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa hemm żewġ Kunsilli Lokali, dak tal-Belt u ta’ San Pawl il-Baħar, li daħlu fi ftehim mal-Aġenzija Appoġġ biex tipprovdi servizz ta’ community worker biex jaħdem viċin ir-residenti fuq bżonnijiet li jeżistu ġewwa dik il-komunità partikolari. Il-ministeru, permezz tal-Aġenzija Appoġġ, jkun lest jidħol f’iktar arranġamenti ma’ dawk il-kunsilli lokali li juru interess f’dan is-servizz. Bħalissa, l-Aġenzija Appoġġ, bis-sapport tal-Ministeru, qed tipprovdi servizz ta’ social workers u ta’ community workers f’erba’ lokalitajiet – il-Kottonera, il-Belt u l-Furjana, Birkirkara u l-Qawra (San Pawl il-Baħar, Xemxija, Buġibba, Qawra u Burmarrad).

ITS — studenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' studenti li qed jattendu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi preżentement u li ġejjin lokal b'lokal mis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità fil-grounds ta' dixxiplini sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabiltà f'kull ground ta' kull dixxiplina sportiva, padiljun tal-isports jew kwalunkwe post li jintuża għall-attivitajiet sportivi kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

stallazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-istudji sabiex jiġi stallat lift fl-appartament, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din il-Mistoqsija Parlamentari titratta l-istess każ ta’ Mistoqsija Parlamentari numru 23543, fejn ir-residenti kollha ta’ Nru. 71, Triq il-Miratur, Furjana kienu ġew mgħarrfa b’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2002 li l-installazzjoni tal-lift ma kinitx teknikament possibbli minħabba wisa’ ristretta tat-tromba tat-taraġ. Il-bitħa wkoll ma setgħetx takkomoda l-lift għax kienu ser jiġu ristretti d-dawl u l-arja għat-twieqi kif ukoll l-ispazju meħtieġ għall-manutenzjoni tas-servizzi ta’ katusi u pajpijiet li jkopru l-ħitan. Fl-istudju li għamlet l-Awtorità tad-Djar u li jsaqsi dwaru l-Onor. Interpellant jirriżulta li l-wisa’ ta’ lift, anki jekk dan jakkomoda 2 persuni biss, xorta jħalli wisa’ ta’ taraġ taħt il-qies regolamentari li magħha timxi l-awtorità.

tiswija ta' ħsarat fil-parti komuni ta' appartamenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex għadhom ma ttieħdux passi min-naħa tal-Awtorità tad-Djar biex jiġu msewwija l-ħsarat li rriżultaw fil-partijiet komuni taż-żewġ blokki ta’ appartamenti li d-dettalji tagħhom qegħdin jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għal din is-sena ma ġewx magħżula mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ il-Blokki fi Triq Sciortino. In-nies ta’ din il-blokka, jekk huma interessati li jidħlu f’din l-iskema, irridu jinfurmaw il-Kunsill sabiex jidħlu f’2012 jew 2013.

Qtugħ tal-benefiċċju tal-enerġija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29587, tista' l-Ministru tara li ssir xi ħaġa għax minkejja r-risposta, ħadd għadu ma kellem lil din il-familja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li intbagħtet ittra lil persuna kkonċernata nhar il-31 ta’ Ottubru 2011 dwar il-każ tagħha. Din l-ittra inbagħtet fl-indirizz li tagħna l-Onorevoli interpellant.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — nefqa globali fuq hospitality

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtha għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar childcare centers

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' childcare centres li għandna joperaw f'pajjiżna llum? Kemm minn dawn huma tal-gvern u kemm tal-privat? Fejn jinsabu dawn iċ-childcare centres? Hemm xi applikazzjoni pendenti biex jinfetħu childcare centres ġodda? Jekk iva, fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mad-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali hemm tlieta u ħamsin (53) Childcare Facilities fejn erbatax (14) minnhom huma tal-Gvern. Hemm ukoll għaxar (10) Childcare Facilities li huma reġistrati temporanjament mal-istess Dipartiment. Listi ta’ dawn iċ-childcare facilities qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħalissa hemm applikazzjoni tal-ERDF 136 Grant Scheme ‘The Regeneration of Childcare Facilities in Malta’ li fetħet fis-16 ta’ Ottubru u għalqet fl-14 ta’ Novembru 2011. F’dan l-istadju qiegħed isir il-proċess tal-Għażla u għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni.

Birżebbuġa — ground tal-futbol u pitch tal-waterpolo

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien l-investiment li sar matul din is-sena biex isiru ground tal-futbol u pitch tal-waterpolo ġewwa Birżebbuġa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29496

Pensjonanti residenti barra minn Malta li jirċievu pensjoni tal-irtirar

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar kemm huma dawk il-pensjonanti residenti barra minn Malta li jirċievu pensjoni tal-irtirar, jiġifieri dik kontributorja? Tista' tara li jiġu skedati bl-età rispettiva u l-pajjiż li fih qed jirresjedu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

benefiċċju tal-qgħad għal min kien iħallas il-bolla

Question

Tista' l-Ministru tgħid, meta persuna self employed tkun ħallset il-bolla u tkun għalqet in-negozju tagħha, din tkun tista' tieħu l-benefiċċju tal-qgħad? Jekk iva, sa kemm żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta persuna self-employed li tkun ħallset il-bolla dovuta, tagħlaq in-negozju u tibda tirreġistra għax-xogħol, ma tkunx intitolata għall-benefiċċju għall-qgħad. Minkejja dan, jekk tali persuna tkun qiegħda tifforma familja għal rasha u tissodisfa t- test tal-kapital u tal-mezzi, tista’ tkun intitolata għall-Għajnuna Soċjali bħala persuna li ma taħdimx u li qiegħda tirreġistra għax-xogħol.

PBS — spejjeż ta' ġurnalisti barra min Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża totali mħallsa mill-Public Broadcasting Services b’rabta ma’ rapporti li xxandru fuq numru ta’ jiem minn żewġ ġurnalisti tiegħu minn Spanja u mill-Greċja? Tista' tagħti l-ispejjeż b’mod separat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ispiża tal-Greċja kienet ta’ €1270 għat-titjira u l-akkomodazzjoni tal-ġurnalista u l-cameraman. L-ispiża ta’ Spanja kienet ta’ €940 għat-titjira u l-akkomodazzjoni tal-ġurnalista u l-cameraman. Ingħatat ukoll €100 per diem lil kull persuna. Is-servizzi li saru mill-ġurnalisti ma ntużawx biss fl-aħbarijiet imma wkoll fi progammi oħra ta’ attwalità.

Università ta' Malta — Dipartiment tal-Psikoloġija - studenti għall-Victim Support Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università ta' Malta hux qed jinnegozja ma' Victim Support Malta biex dan jibgħat studenti tiegħu biex jagħmluha ta' counsellors tal-klijenti ta' din l-organizzazzjoni għaliex bħalissa Victim Support Malta m'għandhiex is-servizzi ta' counsellor? Jekk iva, x'sigurtà se jkollhom l-istudenti li se jintbagħtu jagħmlu l-praticum tagħhom mal-Victim Support Malta minħabba li bosta mill-każijiet li jkunu għand il-Victim Support Malta huma ta' riskju u periklu għal min jitrattahom? X'sigurtà joffri l-post li bħalissa qiegħda topera minnu l-Victim Support Malta għal dak li għandu x'jaqsam ma' superviżjoni, protezzjoni u għanjuna ad hoc lill-istudenti li jistgħu jintbagħtu jagħmlu l-praticum tagħhom hemmhekk? Tikkonferma li fil-post minn fejn topera l-Victim Support Malta lanqas bibien tat-toilets m'hemm u hemm biss żewġt ikmamar minn fejn kull privatezza hija nieqsa? Taf li meta bdiet topera l-Victim Support Malta kellha post fi Triq il-Fran, il-Belt Valletta li kien adegwat u mhux fl-imwarrab u mhux 'il bogħod minn kull għajnuna u issa qegħda f'post imwarrab, u specjalment filgħaxijiet mhuwiex rakkmandabbli biex studenti jitħallew waħedhom jipprovaw isolvu każijiet li bosta drabi jkunu imdaħħlin fihom nies ta' natura vjolenti? Tikkonferma li l-Victim Support Malta qegħda tipprova tikseb is-servizzi ta' counsellors mid-Dipartiment tal-Psikoloġija tal-Università ta' Malta għaliex sfat mingħajr l-istess servizzi ta' impjegati professjonali ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment tal-Psikologija jorganizza żewġ korsijiet fil-livell ta’ Masters fil-Counselling fl-Università. L-ewwel kors huwa l-Masters in Counselling, kors ta’ erba’ snin part-time immirat l-aktar lejn student Maltin li jkunu diġà qed jaħdmu.. It-tieni huwa kors maħsub għal studenti Maltin u internazzjonali u hu full-time fi ħdan l-International Masters Programme tal-Università ta’ Malta. Dan il-kors jieħu l-forma ta’ Dual degree u hu offrut flimkien mad-Dipartiment tal-Counselling tal-Università ta’ Maryland (College Park). Id-dipartiment tal-Counselling tal-Università ta’ Maryland ilu għal dawn l-aħħar tnax-il sena jiġi l-ewwel fil-league lists Amerikani fil-livell ta’ korsijiet fil-Counselling fl-Istati Uniti. Għalhekk id-Dipartiment tal-Psikologija tal-Università tagħna huwa kburi li rnexxielu jasal għal dan il-ftehim ma' Università prestiġjuża u li permezz tiegħu jista’ joffri korsijiet tal-ogħla kwalità fil-counselling. F’dan il-kors partikolari, minbarra studenti Maltin hemm studenti mill-Istati Uniti, miċ-Ċina, mill-Ġermanja u mill-Finlandja. L-iskop ewlieni long term tad-Dipartiment huwa li jagħmel l-Università ta’ Malta ċentru ta’ eċċellenza fil-counselling, li hi professjoni li qiegħda tikber b’rata mgħaġġla ħafna. Billi ż-żewġ korsijiet jirrikjedu prattika qawwija ta’ sitt mitt siegħa, id-sdipartiment għandu persuna li tikkordina il-practicum taż-żewġ korsijiet. Xogħol din il-persuna huwa li tiltaqa’ mad-diretturi tal-postijiet fejn tista’ ssir il-prattika, tagħmel skrutinju li l-post hu idoneu biex isir il- counselling fih, li hemm l-istandards neċessarji kemm fil-bini kif ukoll fl-istruttura tar-riżorsi umani biex kemm it-trainees kif ukoll il-klijenti ikunu mħarsa u li jkun hemm supervizjoni adegwata minn professjonisti kwalifikati. Id-dipartiment jixtieq jagħmilha ċara li fuq dan il-punt ma jagħmel l-ebda kompromessi. Fil-25 ta’ Ottubru 2011, fuq talba tad-direttriċi ta’ Victim Support Malta, il-koordinatrici tal-practicum u l-Kap tad-Dipartiment tal-Psikologija iltaqgħu mad-direttriċi ta’ Victim Support Malta fejn saret talba mill-istess direttiċi biex id-dipartiment jikkonsidra l-Victim Support Malta bħala post fejn jista’ jsir il-practicum ta’ xi studenti. Fil-laqgħa ġie ribadit min-naħa tad-Dipartiment illi dan jista’ jsir biss wara li jsir l-iskrutinju rigward standards u safety. Din kienet l-unika laqgħa li saret s’issa bejn ż-żewġ partijiet. S’issa l-iskrutinju għadu ma sarx u l-ebda trainees mid-dipartiment ma ntbagħtu jagħmlu xogħol ma Victim Support Malta. Id-Dipartiment tal-Psikologija qiegħed jiddikjara li qabel ma jsir l-iskrutinju mhu se jibgħat lill-ebda student f’dan il-post u jekk fl-iskrutinju jinstab li m’hemmx l-idonjetà u l-i standards neċessarji ta’ ħarsien għall-istudenti u għall-klijenti u jinstab li mhux se jkun hemm supervizjoni adekwata min-nies kwalifikati dan il- placement ma jsirx.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Dipartiment tal-Frodi - flus iffrankati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf id-Dipartiment tal-Frodi fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Kemm huwa stmat li ġew iffrankati flus sena b'sena minn mindu beda jaħdem dan id-dipartiment? Kemm hemm persuni jaħdmu f'dan id-Dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment għall-Frodi u Investigazzjoni ta’ Benefiċċji li huwa Dipartiment differenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, beda jopera f’Jannar 2006. L-ammont ta’ flus li hu stmat li ġew iffrankati matul is-snin huma kif jidher hawn taħt: 2006 €3,507,111 2007 €3,482,411 2008 €3,491,500 2009 €3,789,178 2010 €3,716,295 2011 (sa Ottubru) €3,473,140 F’dan id-Dipartiment għall-Frodi u Investigazzjoni dwar Benefiċċji bħalissa hemm jaħdmu ħdax-il persuna.

ITS — tibdil fid-data tal-gradwazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għala d-data tal-gradwazzjoni tal-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġiet mibdula minn dik imħabbra propriju ftit jiem qabel il-gradwazzjon,i bil-konsegwenza li nħoloq inkonvenjent kbir u anke telf ta' flus għal diversi studenti li jinsabu jaħdmu barra minn Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-data tal-gradwazzjoni qatt ma ġiet mibdula. Din id-data kienet ikkonfermata l-ġimgħa l-oħra u l-ebda student ma kien irċieva komunikazzjoni uffiċjali mill-Istitut qabel din il-konferma.

Atleti li huma f'periklu ta' korriment

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30478, tista' l-Ministru twieġeb il-parti li tirrigwarda l-benefiċċju għal injury on duty u ċioe: Peress li atleti li jipparteċipaw f'sport organizzat fi klabb ta' assoċjazzjonijiet nazzjonali huma f'riskju ta' korriment li jista' jirrikjedi kura kirurġika ta' natura urġenti u li fis-settur privat jirrikjedi spejjeż kbar, tista' tgħid jekk jistax isir reġistru ta' dawk l-atleti li bih ikunu intitolati għal benefiċċju bħal injury on duty?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-liġi tas-Sigurtà Soċjali sabiex persuna tikkwalifika għal benefiċċju tal-korriment din trid tkun f’impjieg assigurabbli. Għalhekk atleti li jweġġgħu mhux waqt il-ħin tax-xogħol ma jikkwalifikawx għal dan il-benefiċċju. Fil-każ li huma meqjusa li weġġgħu fuq ix-xogħol, id-dettalji tagħhom huma diġà miżmuma f’idejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Raħal Ġdid — pjanijiet ta' skola

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanijiet ta' skola fuq il-Ground tax-Schreiber, Raħal Ġdid? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ħadmet u issottomettiet l-applikazzjoni l-MEPA għall-iskola l-ġdida tal-Bniet f’Ħal Kirkop, issa qed tkompli taħdem fuq il-pjanti tal-iskola ta’ Raħal il-Ġdid. Dawn għadhom iridu jkunu ffinalizzati.