Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-persuni li gawdew minn rilaxx mill-ħabs qabel iż-żmien fuq bażi ta' good conduct sa mis-sena 2000 sas-sena 2010 u kif dawn kienu mqassma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll jekk matul l-istess perjodu kienx hemm persuni li ma gawdewx minn tali rilaxx? Jekk kien hemm kif dawn kienu mqassma sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:29950 - Habsin li hargu fuq good conduct.doc
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom tiġi stabbilità l-eżistenza ta' imġieba tajba, jew nuqqas tagħha waqt li persuna tkun qed tinżamm il-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interepellant li Regolament 75 (a) sa (z) tal-Legislazzjoni Sussidjarja 260.03 tar-Regolamenti Dwar il-Ħabs jelenka kriterji li bihom tiġi stabbilita imġieba ħażina meta priġunier jikser waħda jew aktar minn waħda minn dawk ir-regoli tad-dixxiplina.
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x'passi qed jittieħdu sabiex il-familjari ta' vittmi jingħataw aktar tagħrif dwar dak li jirriżulta mill-inkjesti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Artikolu 518 u 550 A Su-Artikolu (3) tal-Kodiċi Kriminali.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir u x'sar issa dwar rapport li ġie preżentat mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, dwar allegat ta' frodi minn persuna barranija fil-konfront tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar ir-rapport imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadha għaddejja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29235, jista' l-Ministru jara jekk huwx possibbli li jpoġġi d-dokument imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Id-dokument imħejji mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mgħoddi lill-Kummissarju tat-Tfal huwa “working document” illi dwaru l-Kummissarju għad trid twettaq diversi konsultazzjonijiet ma' persuni li jaħdmu fid-diversi setturi involuti fil-“welfare” tat-tfal u m’huwiex dokument finali.
Għalhekk huwa prematur illi dokument li għad irid jitkompla x-xogħol fuqu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena kemm saru bomb threat calls fiergħa relattivi għall-Qrati Maltin u jispeċifika f'liema data u ħinijiet saru peress li fuq kull bomb threat call fiergħa ssir investigazzjoni? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena kien hemm għaxar rapporti lill-Pulizija dwar telefonati relatati ma’ bomb threats/hoax li jirrigwardjaw il-Qrati Malta. Dawn kollha kienu jikkonċernaw il-Qorti fil-Belt Valletta, u saru kif gej:
Data
Hin
25/02/2011
14:02
28/03/2011
10:04
21/03/2011
09:50
18/04/2011
08:50
18/05/2011
10:45
16/05/2011
09:21
06/06/2011
12:00
27/09/2011
11:00
02/09/2011
09:30
27/10/2011
09:15
Infurmat ukoll illi minn dawn il-każijiet ġiet solvuta dik tat-18 ta’ Mejju.
Tribunal għat-Talbiet Żgħar — chairmen li spiċċatilhom il-ħatra
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kif hemm numru ta' chairmen tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar li spiċċa t-terminu tal-ħatra tagħhom u s'issa għadhom ma ġewx appuntati chairmen ġodda bil-konsegwenza li hemm numru ta' kawżi li mhux qed jinstemgħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull darba li wara li jiskadi l-perjodu ta’ ħatra ta’ Ġudikatur tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jinħatru l-ġodda . Għalhekk fil-jiem li ġejjin għandhom jibdew il-ħidma tagħhom il-ġudikaturi appuntati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irid ikun it-tul biex persuna tidħol pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għal dħul fil-kors ta' taħriġ għal kuntistabbli, ċioe dik tat-8 ta' April 2011, kienet tistipula li t-tul kellu jkun ta' mhux anqas mimm 1.7 metru meta l-persuna titkejjel ħafja.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija fl-ewwel disa' xhur ta’ din-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ngħata kuntratti lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru u d-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu.
Priġunieri li jiskontaw il-piena fit-Taqsima tal-Forensika
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29093 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u jgħid minn min qed issir l-għażla tal-priġunieri li qed ikollhom il-privileġġ li jiskontaw il-piena ta’ ħabs fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm hemm priġunieri f’din it-taqsima bħalissa u t-taqsima proprja kemm tesa' pazjenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Rigward l-ewwel parti tad-domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru W307.
Ninsab infurmat illi bħalissa t-taqsima ġiet irranġata li minn kapaċità ta' 25 resident tista' tilqa' 41.
Group of States Against Corruption — compliance u evalution reports
Question
Jista' l-Ministru jippubblika r-rapport tal-GRECO - Group of States Against Corruption - tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-compliance flimkien ma' żewġ evalution reports tal-istess grupp dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi kif ukoll dwar il-qafas legali biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni f'pajjiżna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Id-dokument li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa dokument tal-GRECO u mhux tal-Gvern Malti u għalhekk il-pubblikazzjoni ta' dawk id-dokumenti tispetta lill-GRECO.
Il-Gvern Malti dejjem awtorizza lill-GRECO biex tippubblika r-rapporti tagħha dwar Malta u bi ħsiebu wkoll jawtorizza fil-ġranet li ġejjin il-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport li sar f'Ottubru 2011. Il-GRECO ġeneralment tippubblika r-rapporti tagħha fuq il-website tagħha (http://www.coe.int/greco)
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa persuni l-Qorti matul is-sena 2011, akkuzati b'użura? Jista' jgħid ukoll jekk matul l-istess sena, inqatgħux każijiet fuq użura, u jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienu s-sentenzi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, s’issa kien hemm 4 persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq akkużi ta’ użura, filwaqt li matul l-istess perjodu ġie deċiż każ wieħed li kien fih żewġ akkużati, fejn dawn kienu liberati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' uffiċjali tal-ħabs li ġejjin minn xi raħal tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 17-il uffiċjal fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin mid-distretti msemmija mill-Onorevoli Intepellant.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — infiq f'ċelebrazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-flus li ntnefqu sena b'sena mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern f'ospitalità kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma s-segwenti:-
Informat ukoll illi ċ-ċifri tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin għadhom qed jinġabbru.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fid-Diviżjoni Qrati tal-Ġustizzja hemm lift wieħed li fih numri tas-sulari miktubin bil-brail kif ukoll il-Qorti tipprovdi interpreti lill-partijiet u xhieda li jkunu neqsin mis-smigħ jew neqsin mid-dawl. Infurmat ukoll illi fejn ikun hemm il-bżonn l-impjegati fid-dipartimenti u fl-uffiċċini fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jagħmlu dak kollu neċessarju sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom lil tali persuni bl-aktar mod sħiħ u xieraq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx vakanzi għall-persuni li jaħdmu fiċ-ċentru magħluq għall-immigranti irregolari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid xi gradi hemm?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent m'hemmx vakanzi għall-persuni li jaħdmu fiċ-Ċentru Magħluq.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni kkundanati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' persuni li ġejjin mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Minbarra dawn il-persuni, kemm hu n-numru ta' persuni li għalkemm huma kkundannati, mhux qed iservu s-sentenza tagħhom f'din il-faċilità, iżda f'xi post ieħor? Jista' jagħti dan it-tagħrif lokalità lokalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sat-3 ta' Novembru 2011, in-numru ta' persuni li ġejjin mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett kien ta' 16, 10 u 10 rispettivament. Infurmat ukoll illi sa l-istess perijodu, n-numru ta' persuni li qed iservu s-sentenza tagħhom barra l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 60. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni aktar dettaljata.
Ġurisdizzjoni tal-Ispettur — inħawi li jaqgħu taħtu
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-inħawi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ispettur li jkollu d-doveri tiegħu/tagħha assenjati fl-għassa tal-Mellieħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-ġurisdizzjoni tal-Ispettur assenjat fl-Għassa tal-Mellieħa tkopri l-inħawi tal-Mellieħa u l-madwar, ċioe Mellieħa, Manikata, Selmun, Għadira, Armier, Marfa u Ċirkewwa.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — ikel minn caterer privat
Question
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li jingħataw ikel ippreparat hemm ġew stess u kemm jingħataw ikel miġjub minn caterer privat u min hu dan il-caterer?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 441 priġunier li jingħata ikel ippreparat mill-kċina tal-Faċilità u madwar 134 priġunier li jingħata ikel ippreparat mid-ditta James Caterers Ltd.