Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Luqa — Dipartiment tas-Sigurtà Socjali - ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet ibbżata d-deċiżjoni li d-District Office tad-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali f'Ħal Luqa jibda jagħlaq mas-13.30 pm? Jista' jgħid jekk ħax in konsiderazzjoni li n-nies ta' Ħal Luqa, jridu joħorġu barra minn Ħal Luqa għal ħdejn il-mitjar l-antik biex jieħdu t-trasport pubbliku, sabiex ikunu jistgħu jmorru fl-Uffiċċju Distrettwali fiż-Żurrieq u dan b'ħafna skariġġ għal maġġoranza tal-Ħal Luqin, l-istess għan-nies ta' Ħal Farruġ u r-residenti f'Dar Santa Marija u fir-Residenza San Vinċenz de Paule, li lkoll din id-deċiżjoni se toħloq ħafna aktar skariġġ milli diġà għandhom? Jaf li dan l-Uffiċċju Distrettwali jaħdmu fih żewġ skrivani u district manager biss u jridu jlaħħqu ma' dan kollu flimkien mal-lokal tal-Imqabba u l-Gudja? Għalhekk għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni li se toħloq tant skariġġ żejjed għan-nies ikkonċernati?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-lum il-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċju distrettwali ta’ Ħal-Luqa għadhom l-istess bħal ma kienu għal dawn l-aħħar snin, jiġifieri mit-8.00am sal-12.00pm u mis-1.30pm sal-4.30pm. Jekk tittieħed deċiżjoni li dawn jinbidlu, ikunu ikkunsidrati ċ-ċirkostanzi tal-lokalita’ rispettiva b’mod ħolistiku.

Furjana — Binja ġdida ta' Balzunetta - appartamenti mhux allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal appartamenti mhux allokati fil-binja l-ġdida tal-gvern f'Balzunetta l-Furjana?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-appartmenti kollha fit-Triq l-Iljun/Triq l-Argotti Furjana li huma ghall-housing socjali gew allokati kollha.

Cheque ta' sussidju maħruġ fuq the tenant

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagġrif dwar il-mod ta' kif persuna li rċeviet iċ-cheque tas-sussidju (dak li jintitola żewġ persuni għall-€80 tal-elettriku) li iżda minflokk fuq l-isem tal-persuna kien indirizzat bħala the tenant u meta mar biex isarraf jew jiddepożita l-flus, il-bank qalulu li ma jistax la jsarraf u lanqas jiddepożita l-istess flus għaliex ma kienx fuq ismu, ikun jista' jingħata dak li fl-aħħar mill-aħħar hu tiegħu bħal ta' kull persuna oħra?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li d-Dipartiment għamel il-verifiki neċessarji fir-rigward tal-ilment imsemmi iżda ma jirriżultax li ħarġu xi cheques indirizzati bħala the tenant. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli nterpellant sabiex jagħti aktar informazzjoni dwar il-benefiċċjarju.

Sussidju tal-enerġija — one time payment - talbiet pendenti

Question

Jista' l-Minista jgħid x'se jiġri minn talbiet li saru lid-dipartiment konċernat dwar ħlasijiet li kienu imwegħda mill-gvern bħala sussidju għall-enerġija li tali sussidju kien mgħarruf bħala one time payment? Jista' jgħid kemm hemm talbiet pendenti għand id-dipartiment konċernat għal dan is-sussidju?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li numru ta’ talbiet għas-sussudju għall-enerġija li kien magħruf bħala one time payment li għad fadal pendenti hu ta’ disgħa (9). Inżid ukoll li d-Dipartiment għaddej bil-proċess neċessarju sabiex jistabbilixxi kemm mit-talbiet li fadal pendenti hemmx dritt għal dan il-pagament u hekk kif jiġi stabbilit jekk kienx hemm dritt, il-persuni kkonċernati jiġu nfurmati minnufih bid-data ta’ meta ser jirċievu l-pagament dovut.

Applikazzjoni għall-blue sticker

Question

Jista' l-Ministru jara li talba għall-blue sticker tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tiġi milqugħa bla aktar telf ta' żmien? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Appell tal-individwu kkoncernat ser jinstema' nhar is-7 ta' Dicembru, 2012 mill-Bord tal-Appell tal-Blue Badge, gewwa l-Kwartieri Generali tal-Pulizija. L-individwu jkun jista' jattendi sabiex jaghmel il-kaz tieghu quddiem il-membri tal-Bord imsemmi.

Xogħlijiet fuq bejt komuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ikunx hemm żieda fil-kera, jekk isir xi xogħol fuq bejt komuni ta' numru ta' appartamenti tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif tiġi kkalkulata din iż-żieda b'rabta max-xogħlijiet?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li zieda fil-kera tigi applikata biss meta jisru xoghlijiet fl-istruttura fir-residenza tal-kerrej.

Età tal-irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li twieldet fis-sena 1952 tistax tirtira bil-pensjoni fl-età ta' 61 sena?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat li persuna li twieldet fis-sena 1952 li tilħaq l-eta’ tal-pensjoni fl-eta’ ta’ 62 sena għandha l-għażla li tirtira bil-pensjoni fl-eta’ ta’ 61 sena jekk kemm il-darba l-persuna kkonċernata jkollha akkumulazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali ta’ mhux inqas minn 35 sena u kif ukoll jekk tieqaf mix-xogħol tagħha.

Ħal Lija — xiri ta' bini tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu skemi sabiex residenti fil-bini tal-gvern ġewwa Ħal Lija jkunu jistgħu jixtru l-fond residenzjali tagħhom?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa mahsub li fil-futur qrib, l-inkwilini ta’ din l-lokalita’ ikollhom din l-opporunita’ li jixtru.

Qorti — promozzjonijiet għall-marexxal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jiġu promossi għal grad ta' marexxal tal-Qorti l-erba' persuni li għad fadal u li għalkemm għaddew mill-eżami relattivi baqgħu ma ġewx promossi? Jidhirlux li dan messu diġà sar anke fid-dawl tal-fatt li mil-aħħar darba li kienu saru dawn il-promozzjonijiet spiċċaw madwar 15-il marexxal u s'issa ġew promossi sitta biss?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament hemm 17-il marixxall li huwa ammont meqjus biżżejjed biex jissodisfa x-xogħol li huwa meħtieġ li jsir minn din il-kategorija ta’ impjegati. Il-fatt li persuna tkun għaddiet mill-eżami ma jintitolahiex biex tieħu l-kariga li għaliha tkun resqet għall-intervista għaliex dan jiddependi min-numru ta’ vakanzi li tkun talbet l-Amministrazzjoni tal-Qorti u kemm minn dawn jiġu eventwalment approvati. L-Amministrazzjoni tal-Qorti ma timxix ma’ kemm ikun ilu ma jsir eżerċizzju ta’ promozzjonijiet iżda fuq il-ħteġijiet tal-Qorti. Fil-fatt l-Amministrazjoni tal-Qorti qed tinvesti f’impjegati li qegħdin f’kategoriji inferjuri għal dik ta’ marixxall u dan sabiex tassigura li jkun hemm struttura tajba li tassigura kontinwita’ fix-xogħol. Fil-fatt matul dawn l-aħħar tlett snin ingħataw 18-il promozzjoni fil-grad ta’ Purtier, li huwa l-grad li minnu jinħatru, meta jkun hemm il-ħtieġa, il-marixxalli.

Nassaba li tressqu l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il persuna tressqet akkużati fuq insib tul din is-sena bejn il-perjodu 1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Ottubru 2012? Kemm minn dawn il-persuni instabu ħatja?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali (seduta ALE) bejn l-1 ta’ Jannar, 2012 u l-31 ta’ Ottubru, 2012 tressqu 83 persuna b’akkużi fuq insib. Matul l-istess perjodu 67 persuna instabu ħatja. Fl-istess perjodu imma fil-Qorti t’Għawdex tressqu 25 persuna akkużati fuq insib. Minn dawn 18 instabu ħatja.

Qorti Kriminali — somma kumenssiva imressqa quddiem persuni akkużati b'insib

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma kumenssiva li ġiet imposta mill-Qorti Kriminali (seduta ALE) fuq persuni li ġew imressqa quddiemha fuq akkużi ta' insib matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar ta' Ottubru 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 t’Ottubru, 2012 il-Qorti tal-Magistratri (Malta) bhala Qorti ta’ Gudikatura Kriminali (seduta ALE) imponiet komplessivament €26,800 f’multi fuq persuni imressqa quddiem il-Qorti fuq akkuzi ta’ insib. Kull persuna misjuba ħatja ġiet immultata €400. Fl-istess Qorti imma f’Għawdex, is-somma kumplessiva ta’ multi imposti kienet ta’ €6,311.47.

Awtorità tad-djar — post bi problema fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li għandu problema fis-sistema tad-drenaġġ fil-post li jaqgħa taħt l-Awtorità tad-Djar?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba mingħand l-inkwilin msemmi għal dawn ix-xogħlijiet. L-inkwilin huwa għaldaqstant ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex jagħti iktar dettalji dwar l-ilment tiegħu.

Binjiet tal-Awtorità tad-Djar — katusa li qed tagħmel drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' kopja anzjana li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu ġewwa flat tal-gvern fejn il-katusa tad-drenaġġ ta' fuqhom qed tqattar?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba mingħand l-inkwilin msemmi għal dawn ix-xogħlijiet. L-inkwilin huwa għaldaqstant ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex jagħti iktar dettalji dwar l-ilment tiegħu.

Ħsarat fl-apramorta ta' binja tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li fil-flat tiegħu wara l-maltempata li kienet għamlet, kien hemm xi ħsarat fl-apramorta?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba mingħand l-inkwilin msemmi għal dawn ix-xogħlijiet. L-inkwilin huwa għaldaqstant ġentilment mitlub javviċina l-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar biex jagħti iktar dettalji dwar l-ilment tiegħu.

Applikazzjoni għaċ-Ċentru ta' Matul il-Jum tal-Imtarfa

Question

Peress li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilha sentejn fuq il-waiting list biex tidħol fiċ-Ċentru għall-Matul il-Jum tal-Imtarfa, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan u jara li din il-persuna tiġi ammessa wara sentejn ta' stennija?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant il-persuna msemmija ilha fuq il-waiting list tas-Servizzi ta’ Matul il-Jum mill-4 ta’ Mejju 2011. Diġà saru assessments u home vists u din il-persuna ser tissejjah ghas-servizz malli jkun imissha. L-Agenzija Sapport qieghda taghmel dak kollu li tista' sabiex iz-zmien ta’ stennijja jiqsar kemm jista` jkun

Awtorità tad-Djar — postijiet mibugħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet li biegħet l-Awtorità tad-Djar fil-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Kemm hemm garaxxijiet? X'inhu l-prezz ta' kull unit? X'inhu l-prezz ta' kull garaxx?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — kuntratti pubbliċi għall-bejgħ ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratti pubbliċi li saru bejn l-Awtorità tad-Djar u dawk li xtraw il-postijiet tal-gvern fi Triq Patri Mattew Sultana fil-Kalkara?

Response (SAID, CHRIS)

Kopja tal-informazzjoni mitluba se tigi mghoddija lill-Onorevoli Interpellant illum stess.

każ ta' housing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' housing li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni applikat għall-akkommodazzjoni alternattiva nhar it-18 t’Ottubru, 2012 u l-applikazzjoni tagħha ġiet pproċessata flimkien mal-applikazzjonijiet l-oħra. L-ispezzjoni ser issir fil-ġimgħat li ġejjin.

ftehim mal-ex ħaddiema tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li qed jaħseb li saret xi inġustizzja miegħu wara li ġie ffirmat l-agreement li sar mal-ex ħaddiema tat-Tarzna?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha

ftehim mal-ex ħaddiema tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li qed jaħseb li saret xi inġustizzja miegħu wara li ġie ffirmat l-agreement li sar mal-ex ħaddiema tat-Tarzna?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha