Ix-Xemxija — Rapporti fuq is-sit fejn kien hemm Mistra Village
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12378 dwar rapporti fuq is-sit tal-eks Mistra Village, Xemxija, jista' l-Ministru jgħid dwar xiex kienu r-rapporti li waslu għand l-Awtorità tal-Ippjanar u kif dawn ir-rapporti ġew ikkomunikati lill-istess Awtorità (email, ittra, telefon eċċ.)? Jista’ jgħid ukoll x'passi ttieħdu fuq kull wieħed minn dawn l-ilmenti?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12530 u 12646 u jgħid min huma l-konsulenti tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u kemm-il direct order ingħata lil dawn il-konsulenti mill-bidu tat-twaqqif tal-Awtorità, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista u kopja ta’ dawn id-direct orders kif ukoll tax-xogħol li jridu jwettqu għall-ħlas li qed jingħataw? Jista’ jgħid ukoll x’kienu x-xogħlijiet imwettqa minn dawn l-konsulenti u jekk dan kienx jinkludi wkoll li jagħmlu reviżjoni tal-‘Method Statements’?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12648, jista' l-Ministru jikkonferma li ġie nfurmat mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) li kien fix-xahar t’April 2022 li din il-persuna li tokkupa kariga ta' Chief Officer ingħatat żieda annwali ta' €10,000?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Awtorità li, l-allowance li għalijha ssir riferenza fil-mistoqsija parlamentari 12648 ġiet awtorizzata mill-Kap Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien, li serva fl-Awtorità sa’ l-aħħar ta’ Mejju, 2022.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12648, jista' l-Ministru jikkonferma li matul l-aħħar ġimgħa tal-impjieg tal-eks CEO tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), preċiżament fl-aħħar ta' Mejju 2022, il-Kap tat-Taqsima tar-Riżorsi Umani tat istruzzjonijiet sabiex b'effett immedjat dan l-istess individwu jsirlu aġġustament fis-salarju annwali tiegħu, b'żieda ta' €10,000, kif ukoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-korrispondenza?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12984.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12648, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba uffiċjali li saret minn din il-persuna u l-ġustifikazzjoni li ressqet biex tkun tista' tikkwalifika u tibbenefika minn żieda ta' €10,000 fis-sena, kif ukoll l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa, jiġifieri dawk tal-eks Kap Eżekuttiv, il-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, is-Segretarju Permanenti u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-OPM?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12984.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12648, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont xahar b'xahar ta' kif dan l-aġġustament pożittiv tqassam fil-paga annwali tal-persuna msemmija, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12648, jista’ l-Ministru jgħid jekk din iż-żieda annwali hijiex konformi ma' dak li hemm maqbul fil-Management Pay Structure adottata mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), wara li din ġiet maqbula bejn is-Segretarju Permanenti ta' dak iż-żmien u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-OPM, kif ukoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-Management Pay Structure li qed issir referenza għaliha?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12984.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni kull sena mill-2012 sal-2022?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika uffiċjali miġbura f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea tirreferi għal korrimenti u mwiet u mhux għal inċidenti. Għaldaqstant waqt li l-OHSA tiġbor statistika dwar imwiet fuq il-post tax-xogħol, statistika dwar korrimenti tista’ tinkiseb mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-okkorenzi joħorġu mit-talbiet għal ħlas ta’ benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni minn Jannar sa Awwissu tal-2023?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika uffiċjali miġbura f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea tirreferi għal korrimenti u mwiet u mhux għal inċidenti. Għaldaqstant waqt li l-OHSA tiġbor statistika dwar imwiet fuq il-post tax-xogħol, statistika dwar korrimenti tista’ tinkiseb mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-okkorenzi joħorġu mit-talbiet għal ħlas ta’ benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni — Stop Work Notice
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’dettalji tipprovdi l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) meta twaqqaf xogħlijiet ta’ kostruzzjoni permezz ta’ Stop Work Notice?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tikkjarifika għal liema dettalji qed tirreferi.
Fid-dawl li l-pubbliku inġenerali huwa projbit milli jara xi dokumenti dwar permessi fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar (EApps), jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li abbażi tagħhom ikun deċiż x’dokumenti jintwerew lill-pubbliku?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema dokumenti qed tirreferi.
Ix-Xemxija u San Pawl il-Baħar — Triq Katerina Vitale, Triq il-Fuħħar, Triq Piscopo Macedonia u Triq Raddet ir-Roti - Applikazzjoni għal PC
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hux qed tikkunsidra applikazzjonijiet għal PC fl-inħawi ta' Triq Katerina Vitale, Triq il-Fuħħar, Triq Piscopo Macedonia u Triq Raddet ir-Roti, fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar u jekk hemm tali applikazzjoni, meta daħlet għand l-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjonijiet għal Planning Control fl-inħawi ta' Triq Katerina Vitale, Triq il-Fuħħar, Triq Piscopo Macedonia u Triq Raddet ir-Roti, fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar.
Raħal Ġdid — Żbir ta’ siġra li qiegħda tagħmel il-ħsara lill-proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jara li s-siġra li hemm fuq wara tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiġi miżbura billi qiegħda tagħmel il-ħsara lill-proprjetà?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11865 dwar rapporti minn residenti ġewwa l-Iklin, il-Għargħur, San Ġiljan u San Ġwann lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant li jinsab fil-viċinanzi, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess impjant indikat huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-permessi maħruġa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema impjant qed jirreferi.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Għall-perjodu 2022 sal-lum, jien infurmat illi l-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċievew 89 talba. Minn dawn, 30 intlaqgħu, 51 ma ntlaqgħux waqt li 8 talbiet għadhom qed ikunu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma eżenti mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu skill cards mill-Building Industry Consultative Council (BICC), mill-ġurnata li bdew jinħarġu dawn il-cards sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsumin sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll għal liema skills inħarġu dawn il-cards, u kemm inħarġu skill cards separatament għal kull kategorija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCCC) effettivament jibda jopera? Dan ser ikun qed ifisser li l-Building Industry Consultative Council (BICC) ma jibqax jopera? Jista’ jgħid ukoll minn fejn ser ikun qed jopera l-BCCC u jagħti tagħrif dwar min qed/ser ikun qed imexxih?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Avviż Legali li jwaqqaf dan il-Kunsill ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2023 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 30 t’Ottubru 2023. Fi żmien qarib se tkun ippubblikata l-lista tal-membri tal-BCCC. Il-BCCC se jkun qed jissostitwixxi l-BICC.