Legislature:
Category:
Reset
Active:

A.L. 265 tal-2021 — Konflitt bejn il-verżjoni Maltija u Ingliża

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn fil-każ tal-A.L. 265 tal-2021, f'każ ta' konflitt bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-avviż legali 265 tal-2021 jimplimenta id-dispożizzjonjiet dwar l-assistenza reċiproka bejn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra u jikkonċerna talbiet ta’ Stati Membri oħra biex jiġu notifikati dokumenti/atti proċedurali u biex jiġu infurzati deċiżjonijiet u multi meħudin minnhom, huwa importanti li f’każ ta’ kunflitt jew inkompatibbilità, tipprevali l-lingwa Inġliża biex jiġi eliminat kwalunkue dubju ta’ interpretazzjoni.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2017 s’issa intefqu €510,000 għall-reklami televiżivi li maġġoranza tagħhom kieku jikkonsistu f’reklamar informattiv għat-telespettaturi. Kważi 80% tar-reklamar sar fuq l-istazzjon nazzjonali.

Ix-Xemxija – Promenade — bankijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-bankijiet li qed jitpoġġew fuq il-promenade tax-Xemxija ma jkunux qed jostakolaw l-aċċessibilità fuq il-bankina għall-persuni b’diżabilità, nies b’pushchairs jew/u oħra li jkunu jridu jippassiġġaw fuq l-istess bankina? Il-mod kif tpoġġew sa issa dawn il-bankijiet qed jikkawżaw nuqqas ta’ aċċessibilità. (ritratt anness)

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet jinsabu fil-fażijiet finali tagħhom. Bħala parti minn dan il-proġett il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi ħadmet biex ittejjeb l-aċċessibilità minn kif kienet qabel.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2396. Ninfurmah ukoll li minn mindu twaqqaf il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur intefqu €15,692 fl-2020 u €2,629 sa issa fl-2021 rispettivament fuq konsulenza dwar public relations u komunikazzjoni.

Direttiva UE 2019/1 — ħidma

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19099 fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2021, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-interval biex in-normi fid-Direttiva (UE) 2019/1 ikunu debitament ilkoll riflessi fil-Liġi Maltija – b’mod partikolari x’kienu l-miżuri leġiżlattivi u/jew amministrattivi li saru jew jekk ma sarux meta ser isiru?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel qari tal-abozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Kompetizzjoni u l-Att dwar l-Awotorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur li jitrasponi d-Direttiva UE 2019/1 ġie mressaq. Id-dispożizzjonjiet fid-Direttiva li jirrigwardaw il-programm ta’ klemenza għall-kartelli sigrieti ġew trasposti fil-liġi Maltija permezz tal-avviż legali 264 tal-2021 li introduċa r-regolamenti taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni intitolati “Regolamenti dwar l-Immunità mill-Penali u t-Tnaqqis ta’ Penali f’Investigazzjonijiet dwar Kartelli”. Dwar id-dispożizzjonjiet fid-Direttiva li jirrigwardaw l-assistenza reċiproka bejn l-istati Membri, dawn ġew trasposti fil-liġi Maltija permezz tal-avviż legali 265 tal-2021 li introduċa r-regolamenti taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni intitolati Regolamenti dwar l-Assistenza Reċiproka bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni.

Ix-Xemxija – Żona tal-Fekruna — slielem

Question

Jista’ l-Ministru jara li ż-żewġ slielem li s-soltu jkun hemm fix-Xemxija, viċin jetty (kif jidher fir-ritratt anness) fl-akkwati taż-żona magħrufa bħala l-Fekruna jerġgħu jitpoġġew peress li n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ slielem qed joħloq periklu u inkonvenjent għal min jagħżel li jmur jgħum f’din iż-żona popolari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-slielem ġew mwaħħlin fil-post imsemmi.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta — public convenience

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jsir public convenience għal min imur f'dan il-ġnien?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – ordnijiet ta’ tħaris

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta’ Mejju 2019 kemm kienu inħarġu ordnijiet ta’ tħaris mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tat-Taqsima XI tal-Kap. 378? Jekk inħarġu, f’kull każ x’kien l-eżitu? Jista’ jgħid sena b’sena mill-1 ta’ Ġunju 2019 s’issa, kemm-il garanzija ġew mogħtija a tenur tal-artikolu 12A tal-Kap. 378? F’kull każ, jekk ġew mogħtija xi garanziji, jista’ jgħid għal liema settur kienu jirrelataw? Jista’ jgħid sena b’sena mill-1 ta’ Ġunju 2019 s’issa, kemm-il rikors sar mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) lill-Qorti għal ħrug ta’ ordni ta’ tħaris a tenur tal-Kap. 378? F’kull każ, jekk saru xi rikorsi, jista’ jgħid għal liema settur kienu jirrelataw?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-31 ta’ Mejju 2019 id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma ħariġx ordnijiet ta’ tħaris skont it-Taqsima XI tal-Kap. 378. Mill-1 ta Ġunju 2019 s’issa, ma ngħatat l-ebda garanzija skont l-artikolu 12A (Kap. 378) u ma kien hemm l-ebda rikors tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) lill-Qorti għal ħrug ta’ ordni ta’ tħaris a tenur tal-istess Att.

Crane Currency – ksur ta’ regoli ta’ State Aid – investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea — eżitu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq jekk kienx hemm ksur ta’ regoli ta’ State Aid fil-każ ta’ Crane Currency?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

BOV tal-Imqabba, Żurrieq u Siġġiewi – pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabbli għall-Gvern li f’dawn l-aħħar jumejn il-klijenti tal-BOV fl-Imqabba, Żurrieq u Siġġiewi, speċjalment dawk pensjonanti u anzjani, iltaqgħu ma’ diffikultajiet serji meta ġew biex isarrfu l-pensjoni jew jirtiraw flus mill-kontijiet tagħhom f’dawn il-fergħat peress li ġew infurmati li ma setgħux jagħtuhom flus kontanti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan ir-rigward, l-ebda ilment ma ġie rreġistrat mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Intant nitlob lill-Onorevoli Intepellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — ħlas lil ditta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, mill-2013 sal-lum, x’entità fi ħdanu ħallset lid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew ġietx mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mill-istess ditta? Jekk iva, jistax jagħti d-dettalji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sar l-ebda ħlas lid-ditta msemmija u lanqas intalab xi ħlas mid-ditta msemmija.

Ministeru għat-Turiżmu u k-Protezzjoni tal-Konsumatur — Position of Trust - salarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji għal persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 20984.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 20984.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18742 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-operat tiegħu, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, qed jaħdmu fuq numru ta’ proġetti kapitali f’diversi lokalitajiet: · Promenade fi triq San Patrizju (magħruf aħjar bħala Wied il-Buni) f’Birżebbuġa, · Park għall-Familja ġewwa Bengħajsa f’Birżebbuġa, · Parkeġġ ġdid f’Birżebbuġa, · Proġett ta’ tisbiħ u titjib tal-faċilitajiet u servizzi fiż-żona magħrufa bħala “Tal-Magħluq” f’Marsaxlokk, · Il-bini mill-ġdid ta’ Waterpolo Club ta’ Marsaxlokk, · Restawr tat-Torri San Tumas, · Restawr u tisbiħ tal-Pjazza ta-Birgu, · Restawr tal-Belveder ta’ Ħal-Lija, · Proġett ta’ refurbishment tal-Promenade tax-Xemxija, · Ħames proġetti fil-qalba ta’ San Pawl il-Baħar li jinkudu Belveder, Triq San Publiju, Gallarija, Salini tal-Melħ, landscaping Triq il-Knisja u Triq il-Luzzu, · Ir-riġenerazzjoni ta’ partijiet mill-Bajja tal-Għadira, · Triq Paceville u Ġnien Spinola, · Riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa, · Il-promenade tal-Għadira, · Xogħol ta’ restawr f’Dar il-Mediterran għal Konferenzi fosthom is-Slaves Hall, ix-Xelters, uħud mit-travi tal-injam u t-taraġ tas-Sala Temi Żammit, · L-implimentazzjoni tal-Masterplan tal-Malta Film Studios, · Apparat ġdid għal-laboratorju tal-Metroloġija u innovazzjoni fl-apparat tal-ittestjar tal-Laboratory Services Directorate fi ħdan l-MCCAA, · Implimentazzjoni ta’ sistema tal-IT għall-immaniġġjar tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, u · Investiment fis-sistemi tal-IT tal-MCCAA.

Implimentazzjoni tar-regolament tal-Unjoni Ewropea 2017/2394

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19071, jista’ l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni għad-dewmin fit-twettiq tal-emendi meħtieġa biex jiġu attwati l-miżuri kollha ta’ infurzar skont ir-Regolament tal-UE 2017/2394, kif elenkati fl-artikolu 9 tal-imsemmi regolament, dan l-aktar meta wieħed iqis li dan ir-regolament daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2020? Jista’ jelenka x’miżuri ttieħdu jew qed jittieħdu fir-rigward tad-Direttivi u Regolamenti tal-Unjoni Ewropea elenkati fl-anness mar-Regolament ċitat wkoll peress li dawn jirrelataw għal operat regolatorja ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi fosthom l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u oħrajn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz biex jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 u liġijiet oħra, u sabiex jagħmel dispożizzjonijiet anċillari u konsegwenzjali għalihom, għandu jitressaq quddiem il-Parlament dalwaqt. Fir-rigward tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed jiġu mħejjija l-emendi fil-leġiżlazzjoni tagħha.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ karozzi użati minni u mis-Segretarju Parlamentari huma Mercedes Benz E220 CDI u BMW 520D. Dawn jinkrew għal €28 u €25 (VAT eskluż) rispettivament għal kull ġurnata.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19763 u jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu għandhom jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li kopja tagħha diġa’ tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — siġar u pjanti miżrugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu minn dejjem kienu involuti f’diversi proġetti tal-Gvern, ta’ Kunsilli Lokali, entitajiet reliġjużi u oħrajn non-governattivi. F’dawn il-progetti tħawlu eluf ta’ siġar u pjanti f’ġonna, parkeġġi, postijiet pubbliċi, siti storiċi, mixjiet rurali u play areas għat-tfal. L-Awtorità saħansitra ħallset biex jinżergħu siġar għal min jiġi jiżżewweġ hawn Malta u għal emigranti Maltin f’pajjiżi oħra. Min-naħa tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi u Dar il-Mediterran għal Konferenzi, żergħu bejniethom ‘il fuq minn 100 siġar u pjanti.

Il-Mellieħa — Proġett tal-Pjazza - Parkeġġi għal Karozzi, muturi, u Parkeġġ riservat għall-persuni b'abilitajiet differenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 211502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u l-Proġetti Kapital u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ser ikun hemm spazju għall-parkeġġ tal-karozzi, muturi u parkeġġ riservat għall-persuni b’abiltajiet differenti (numru preċiz) ġaladarba jkun lest il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett mistenni jħalli l-faċilitajiet kollha li hemm preżenti bħalissa fil-pjazza.

Pjazza tal-Mellieħa — spiża tal-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21153 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm ġej jiswa l-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa, liema proġett tħabbar ftit tal-jiem ilu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21294.