Transport Malta – Taħriġ tas-sewqan speċjalizzat għal persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13035 u jgħid jekk Transport Malta (TM) għamlitx xi sejħa biex instructors tas-sewqan jingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jgħallmu lil persuni b'diżabilità biex ikunu jistgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa, kemm kien hemm instructors li fil-fatt applikaw għal dan it-taħriġ, u kemm minnhom temmew it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li nirreferu lill-Onor. Interpellant għal PQ13045, ninfurmah li Transport Malta qatt ma għamlet jew ħarġet sejħa għat-taħriġ biex għalliema tas-sewqan ikunu speċjalizzati li jistgħu jgħallmu lil persuni b'diżabilità biex ikunu jistgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lill-Awtorità għat-Trasport u x’inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ dawn is-servizzi legali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru ġewwa Triq Karlu Maratta, Ħal Tarxien u senjatament jekk huwiex minnu li hemm xi tappieri li huma ssiġillati kompletament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446.
Operaturi ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri u kiri ta’ vetturi — Liċenzji maħruġa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12906 u jgħid kemm-il Liċenzja ta’ Operatur (skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68) inħarġet mill-2019 sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam l-informazzjoni sena b’sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja daħlet fis-seħħ f’ Settembru tas-sena 2020. Għalhekk it-tabella li ssegwi turi l-ammont ta’ liċenzji ta’ operatur li ħarġu minn Settembru 2020 sat-8 ta’ Novembru 2023 maqsumin sena b’sena.
Numru Total ta’ Liċenzji ta’ Operatur MaħruġaSena li Ġew Maħruġa l-Liċenzji
582020
1,0862021
1,3652022
6292023
Attard — Triq il-Linja - Xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol infrastrutturali fi Triq il-Linja, Ħ’Attard u jagħti rendikont tax-xogħol li sar u li fadal isir, u jgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Linja, Ħ’Attard, beda f’Marzu li għadda. Ix-xogħlijiet li tlestew s’issa jinkludu s-sostituzzjoni tal-provvista tal-ilma u l-konnessjonijiet tad-djar, tisħiħ f’sistema għal ġbir ta’ ilma tax-xita, tiġdid tan-network ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art u mogħdijiet ġodda. Bħalissa għaddej proċess metikoluż biex nippreservaw fdalijiet arkeoloġiċi f’partijiet tat-triq, u wara xħin jiġi konkluż dan ix-xogħol tibda l-ħidma biex tibda l-formazzjoni tal-wiċċ ġdid bl-asfalt.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lil-LESA u x-inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ dawn is-servizzi legali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Kelinu Cachia, Tarxien, hijiex sejra ssir kif ipproġettata jew le u x’intoppi hemm għal dan il-għan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Kelinu Cachia ser issir skont il-linja u l-livelli kif skemata mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Għaddejjin it-tħejjijiet biex jiskattaw ix-xogħlijiet, li jinkludu kif ser isir aċċess għas-sit, issettjar ta’ livelli u linja.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Nefqa fuq reklmar
Question
Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2022 sa’ Novembru 2023, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ma nefaqx f’reklamar fuq is-sit soċjali ta’ Facebook. Madankollu, min-naħa tal-entitajiet, in-nefqa totali kienet kif indikat hawn taħt.
Infrastructure Malta: €1149.52
Transport Malta: €1050
Yachting Malta: €89
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq Tal-Barrani u fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll kemm hu maħsub li ser idum sejjer dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet għal dan il-junction upgrade għadhom qed jiġu ffinalizzati. L-aġenzija qed tistenna li jaslu f’idejha riżultati ta’ studji li saru dwar l-andament/il-mudell tat-traffiku fit-triq imsemmija. Dan ser jgħinna nifhmu aħjar is-sitwazzjoni tal-inħawi u nwasslu proġett li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.
Jista' l-Ministru jara li jerġgħu jinfetħu t-tappieri, li r-ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament, li kienu jagħtu l-ilma fil-ġibjun ta' Ġnien Ovindoli, li ilhom magħluqin fuq xahar wara li ntefa’ xi konkos fuqhom li jista' jwassal biex ikun hemm flooding fl-inħawi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12466.
(Korrezzjoni: Ara d-dokument li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 171, ta' nhar it-Tlieta 14 ta' Novembru 2023)
Attachments:Korrezzjoni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 13109.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet ser isiru fi Triq in-Nigret ir-Rabat Malta, meta u kemm se jdumu dawn ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux pjanat li jsiru xogħlijiet infrastrutturali fi Triq in-Nigret, ir-Rabat. Ix-xogħlijiet li hemm ippjanati se jkunu relatati mal-formazzjoni ta’ żewġ roundabouts ġodda fi Vjal il-Ħaddiem, junction ma’ Triq Bir ir-Riebu u junction ma’ Triq tat-Tabija. Dan wara konsultazzjoni u ppjanar ma’ Transport Malta biex titjieb is-sigurtà tat-toroq u l-junctions imsemmija hawn fuq.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jinbidlu l-covers tal-plastik li saru fuq il-bankini f'toroq ġodda li saru fir-Rabat Malta (Triq San Trofimu u l-madwar) li qed jitkissru f'inqas minn sentejn minn meta saru?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-covers tal-plastic li saru fuq il-bankini f'toroq ġodda li saru fir-Rabat Malta fi Triq San Trofimu u l-madwar, ser jinbidlu matul il-ġimgħat li ġejjin.
Birkirkara – Triq il-Papa Ġwanni Pawlu I — Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir it-tiswija neċessarja u jingħata asfalt lill-wiċċ ta’ Triq il-Papa Ġwanni I, f’Birkirkara, peress li wara li sar xogħol ta’ manutenzjoni tal-main tad-drenaġġ, il-wiċċ ta’ din t-triq jinsab fi stat perikoluż ħafna?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13196.
Drivers tal-karozzi tal-linja u impjegati oħra – Taħriġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il driver tal-karozzi tal-linja u impjegati oħra ngħataw taħriġ fl-2022 u fl-2023? Min kienu l-kumpaniji li ngħataw kuntratti għal dan it-taħriġ u x'kienet il-proċedura li biha ngħataw dawn il-kuntratti? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-baġit għat-taħriġ li ngħata fl-2022 u fl-2023 u x'inhuma l-mezzi ta' kif jiġi evalwat dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità għat-Trasport dwar l-immaniġġjar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9265, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ ftehim li ġie ffirmat fid-29 ta' Marzu 2023, bil-kondizzjonijiet/responsabbiltajiet rispettivi għall-immaniġġjar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri sabiex il-binja storika tkun imħarsa u miżmuma tajjeb bejn l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u l-Ministeru għal Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għall-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġurdan fl-Għasri li ġie iffirmat fid-29 ta’ Marzu, 2023 bejn l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u l-Ministeru għal Għawdex.
Attachments:PQ 12692 Management Agreement- TM and Gozo Ministry.pdf
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9069 fl-intier tagħha u jgħid fil-konkret x'hemm ippjanat li jsir biex jiżdiedu l-berths fil-Marina ta' Għawdex matul il-kumplament ta' din il-Leġiżlatura peress li bħalissa hemm 457 applikazzjoni u iktar, fil-lista ta’ stennija għal berthing f’Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ngħatat tweġiba kompluta għall-mistoqsija parlamentari 9069.
Inżid li tpoġġew puntuni ġodda u ġew organizzati aħjar id-dgħajjes li kien hemm marbuta u fuq bagi. L-ispazju hu dak li hu, ristrett ħafna għad-domanda kbira li hemm speċjalment bil-miżati preżenti li wieħed iħallas għall-irbit u irmiġġi. Dawn il-miżati ilhom ma jiġu riveduti snin u ma jirriflettux dawk attwali u tas-suq. Madankollu, l-Awtorità tat-Trasport se tibqa għaddejja b’eżerċizzji biex dejjem torganizza aħjar il-‘mooring u berthing areas’ sabiex fejn hu possibbli, jinħolqu spazji ġodda.
Inzid ukoll ngħid li sar dak kollu possibbli bl-introduzzjoni ta’ puntuni ġodda, bir-rikonfigurazzjoni tal-irmiġġi inklużi dawk mal-moll u fuq mażżri u bir-riallokazzjoni ta’ dgħajjes biex jinħolqu iktar spazji għal dgħajjes addizzjonali. Sfortunatament u kif diġà tennejt, l-ispazju hu dak li hu, u bħalissa fil-Port tal-Imġarr, anke wara l-eżerċizzji kollha li saru biex jiġi riorganizzat, ma hemmx iktar spazju fejn jistgħu jiġu akkomodati dgħajjes ġodda.
Il-‘waiting list’, bħal f’kull post tal-irmiġġ ieħor f’Malta fejn hemm restrizzjonijiet ta’ spazju, tibqa’ tiżdied għax aktar nies qegħdin jixtru d-dgħajjes u konsegwentement id-domanda għall-irmiġġi tkompli tiżdied. Il-ftit spazji li minn żmien għal żmien l-Awtorità tat-Trasport jirnexxielha toħloq f’dawn iz-zoni tal-irmiġġ, mill-ewwel jittieħdu sforz id-domanda kbira u dejjem tiżdied għal dawn l- irmiġġi.