Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħad-Dingli — Ftuħ ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol ta' ftuħ ta' toroq f'Ħad-Dingli li qed jippjana bejn Saqa il-Museum, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f'Ħad-Dingli qed issir b'daqstant għaġġla u bla ebda konsultazzjoni ma' dawk ir-residenti milquta u sidien tal-għelieqi u anke mingħajr ma għadu sar l-esproprju tal-artijiet fejn se jsir ix-xogħol? Jista' jispjega b'mod ċar għaliex qed jinsisti li tinfetaħ ukoll il-parti li tgħaqqad ma' Triq San Ġwann Bosco?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastucture Malta qed tibda l-bini mill-ġdid ta’ triq li ilha skedata fil-pjanijiet lokali biex issir sa mill-2006 meta l-Onorevoli Membru kien jagħmel parti mill-Kabinett ta’ dak iż-żmien. Għaldaqstant, ċertament li din mhix kwistjoni ta’ għaġġla imma hija triq li kienet ilha snin ippjanata biex issir u sippost li diġà nbniet. Din it-triq twila madwar 100 metru se tgħaqqad id-Daħla tas-Sienja, Triq San Ġwann Bosco u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli. Residenti ta’ Sqaq il-MUSEUM u oħrajn li joqogħdu fl-akwati kien ilhom jitolbu biex din it-triq skedata tiġi ffurmata u mibnija biex titjieb il-konnettività u jinħoloq aċċess aktar sigur għal diversi residenzi, li bħalissa huma aċċessibbli biss minn trejqa dejqa li ma tippermettix vetturi għat-tifi tan-nar u oħrajn t’emerġenza biex jilħqu d-djar tagħhom f’każ ta’ bżonn. Il-parti dejqa ta’ Sqaq il-MUSEUM tinsab fil-parti urbana ta’ konservazzjoni ta’ Ħad-Dingli, b’binijiet antiki fuq iż-żewġ naħat u ma tistax titwessa’. L-uniku mod kif din it-triq jista’ jkollha aċċess aktar sigur huwa bit-triq ġdida li tgħaqqadha mad-Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco. Infrastructure Malta ħadet nota tat-tħassib li esprimew ir-residenti tal-inħawi, inkluż ir-riskju li kien hemm għas-saħħa tal-pubbliku minħabba l-aċċess ristrett għall-vetturi t’emerġenza, u bdiet taħditiet mas-sidien tal-art inkwistjoni kemm privata kif ukoll dawk li għandhom art mikrija mingħand il-Gvern, biex tiffaċilita l-formazzjoni tat-triq ġdida li se tipprovdi aċċess aħjar lilhom ukoll. Ix-xogħlijiet se jibdew fil-parti tat-triq ġdida li qed tinbena fuq art tal-Gvern u wara jissuktaw f’partijiet oħrajn fix-xhur li ġejjin.

Ħad-Dingli – linji mmarkati mill-Awtorità tal-Ippjanar ma jaqblux ma’ dak approvat fil-Pjan Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-linji li mmarkat l-Awtorità tal-Ippjanar dwar it-toroq li qed jiġu ppjanat li jinfetħu bejn Sqaq il-MUSEUM, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f’Ħad-Dingli ma jaqblux ma’ dak approvat fil-Pjan Lokali?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Mqabba – Triq Santa Katerina, Triq il-Parroċċa u Triq San Bażilju – għoti ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jerġa’ jsir il-wiċċ tat-tarmak li sar f'parti minn Triq Santa Katerina, f'parti minn Triq il-Parroċċa u parti minn Triq San Bażilju fl-Imqabba minħabba li x-xogħol ma sarx kif suppost peress li hemm fejn it-tarmak mhux irrumblat sewwa, tarmak li jimblokka l-katusi li joħroġ minnhom l-ilma tax-xita, tappieri baxxi aktar minn wiċċ it-tarmak u partijiet mit-tarmak ġew iżommu l-ilma? X'inhi r-raġuni li fi Triq il-Parroċċa u Triq San Bażilju ma sarx gutter tal-konkos peress li ma hemmx bankini ħalli kif jitwitta t-tarmak, l-irrumblar tat-tarmak seta jsir sewwa? Ittieħdu l-livelli tat-triq qabel ma sar ix-xogħol ta' tarmak ħalli fejn hu possibbli kien jiġi evitat li overflows tal-ilma jiġu imblukkati bit-tarmak u t-tappieri tal-ilma jiġu livell mal-wiċċ tat-tarmak il-ġdid mhux aktar ‘l isfel jew aktar ‘il fuq mil-livell tat-tarmak?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-parti ta’ Triq Santa Katarina li reċentement ingħatat wiċċ ġdid tat-tarmak ser tinqala’ u tingħatha mill-ġdid għas-spejjeż tal-kuntrattur. Dan japplika wkoll għall-parti mix-xogħol tat-tarmak li sar fi Triq San Bażilju. Dan ix-xogħol kollu ser isir wara li jitlesta l-aħħar parti tax-xogħol ippjanat marbut mal-cables tad-dawl, biex dan ix-xogħol isir f’venja waħda. Il-wiċċ ġdid tat-tarmak fi Triq id-Duluri (Triq il-Parroċċa, saret bil-cubetti) u Triq San Bażilju, sar skont ma kien speċifikat fid-dokumenti tat-tender. Overflows tal-ilma tal-btieħi li parti minnhom ġiet imblukkatha, finishing tat-truf tat-tarmak u rranġar ta’ livelli ta’ tappieri, ser jitranġaw ukoll mill-kuntrattur bħala parti mill-eżerċizzju ta’ snagging li għad irid jaħdem fuqu fil-ġranet li ġejjin.

NCV Code – phasing out tar-rigid buoyant apparatus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont l-NCV Code, li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jassigura livell għoli ta' sigurtà fuq il-bastimenti kollha, ir-rigid buoyant apparatus ġiex phased out għall-opri tal-baħar kollha, inkluż dawk tradizzjonali? Jew hemm xi eżenzjonijiet? Fil-każ li hemm xi eżenzjonijiet, għal liema bastimenti huma applikabbli dawn l-eżenzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li filwaqt li huwa minnu li l-iskop ewlieni ta’ l-NCV Code huwa sabiex jassigura livell għoli ta’ sigurta’ fuq il-bastimenti kollha li għalihom huwa applikabbli, f’ċertu każijiet ikun hemm lok għal ċertu devjazjonijiet prattiċi u saħansitra anke għal eżenzjonijiet, fejn ikun hemm bżonn. B’dan il-mod ikun asssigurat li s-sigurta’ meħtieġa fuq il-bastiment partikolari tkun milħuqa. Fil-każ tal-rigid buoyant apparatus dawn qed jiġu phased out minħabba s-sigurta ta’ l ekwippaġġ u l-passiġġieri. Fil-każ ta’ gulets tradizzjonali, tista’ ssir eċċezzjoni u jkun jista’ jibqa jopera b’rigid buoyant apparatus, wara li l-ewwel u qabel kollox jissodisfa l-kundizzjonijiet stretti fuq l-operat tiegħu li huma maħsuba għas-sigurta’ tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri abbord u li ġew ppubblikati mill-Awtorita’. Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili, dejjem ħadem fl-interess tas-sigurta’ marittima. Fil-fatt meta l-Awtorita’ tikkunsidra eżenzjonijiet jew eċċezzjonijiet dawn ikunu bbażati fuq evalwazzjoni oġġettiva, inter alia, li numru kbir ta’ kundizzjonijiet iridu kollha jiġu sodisfatti. Il-kundizzjonijiet jinkludu restrizzjonijiet fuq l-operat tal-bastimenti in kwistjoni.

Flyovers tal-Marsa – expansion joints

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu installati l-expansion joints tal-flyovers tal-Marsa peress li wħud mill-flyovers, għalkemm ilhom lesti xhur, għadhom bil-pjanċi fuqhom fejn suppost saret l-expansion joint? X’inhi r-raġuni li dawn l-expansion joints għadhom ma sarux għalkemm il-kostruzzjoni ta’ ċertu flyovers ilha lesta? Ma jaħsibx li d-dewmien biex jiġu installati dawn l-expansion joints jistgħu jikkawżaw ħsarat lill-istruttura tal-flyovers? Min ta l-parir tekniku li dawn l-expansion joints ma jiġux installati għalissa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’investiment ta’ €70 miljun b’fondi tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea, il-Marsa Junction Project huwa l-akbar investiment infrastrutturali li qatt twettaq fit-toroq Maltin. Dan il-proġett jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, biex joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm bis-sistema ta’ traffic lights tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqos it-tniġġis tal-arja mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Il-proġett jinkludi wkoll infrastruttura sħiħa u aktar sostenibbli għal dawk li jivvjaġġaw b’mezzi alternattivi. Fil-fatt, il-proġett jinkludi bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li wkoll qegħdin isiru bħala parti mill-proġett. Madwar din l-infrastruttura ġdida, Infrastructure Malta qed tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi kbar. Qed tibni ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħa¿na ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin. Il-kuntratturi tal-proġetti qed ipoġġu aktar minn 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Il-bieraħ, Infrastructure Malta fetħet tliet flyovers ġodda tal-Marsa Junction Project, hekk kif dan il-proġett issa daħal fl-aħħar fażijiet tiegħu. Dawn it-tliet strutturi ta’ flyovers qed jipprovdu konnessjonijiet diretti ġodda minn Triq Aldo Moro, il-Marsa, għal żewġ rotot ewlenin lejn in-nofsinhar li jingħaqdu f’din il-junction. L-ewwel tnejn mit-tliet strutturi ta’ flyovers magħqudin flimkien jeħduk mill-Marsa lejn Vjal Santa Luċija, li dan l-aħħar reġgħet infetħet fid-direzzjoni tan-nofsinhar lejn Santa Luċija u Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien. Vjal Santa Luċija kienet ingħalqet aktar kmieni din is-sena bħala parti mill-istess proġett u dak tal-mini li qed jinbnew iktar ‘il fuq fl-istess rotta taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. It-tielet struttura ta’ flyover tgħaqqad Triq Aldo Moro ma’ Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa, il-Gudja, l-Ajruport u l-Mini ta’ Ħal Kirkop. Din il-flyover tipprovdi żewġ korsiji diretti bejn dawn iż-żewġ toroq u telemina d-djuq fil-korsiji li kien hemm fil-korsiji temporanji li servew għal din il-konnessjoni minn meta sena ilu l-aġenzija fetħet l-ewwel flyovers tal-proġett. Infrastructure Malta lestiet dawn it-tliet flyovers bis-saffi kollha t’asfalt u anke bl-expansion joints, teknoloġija maħsuba biex tilqa’ għall-movimenti naturali li jista’ jkun hemm bejn partijiet differenti ta’ strutturi bħal dawn, fosthom dawk ikkaw¿ati mit-tibdil fit-temperatura, mingħajr ma ssirilhom ħsara. B’hekk, il-gverta tal-flyovers tkun tista’ tagħmel dawn il-movimenti żgħar mingħajr ma jiġrilha ħsara. L-esperti tal-kuntratturi tal-proġett li ffinalizzaw l-ispeċifikazzjonijiet u li qed imexxu l-installazzjoni ta’ dawn l-expansion joints talbu li dawn isiru wara li jkun tqiegħed l-aħħar saff t’asfal tal-flyovers, sabiex verament isiru bl-aħjar mod possibbli. Fil-fatt, jekk dawn isiru qabel, ikun hemm ir-riskji li ma jiffunzjonawx kif meħtieġ u tiġrilhom aktar ħsara milli jagħmlu ġid. Bil-ftuħ tat-tliet flyovers ġodda lejn in-nofsinhar Infrastructure Malta se tkun tista’ tuża t-tliet flyovers l-oħrajn, li tlestew is-sena l-oħra, fid-direzzjoni proprja tagħhom lejn it-tramuntana. Sal-Ħadd li għadda dawn kienu qed jintu¿aw fid-direzzjoni opposta, bħala rotot lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż. Dawn il-flyovers issa huma magħluqin għal ftit ġimgħat sabiex il-kuntratturi tal-proġett jiksuhom bl-aħħar saff t’asfalt, jinstallawlhom l-expansion joints u jagħmlulhom il-marki tal-linji u t-tabelli meħtieġa biex jindikaw id-direzzjoni finali tagħhom. Kif diġa ġie spjegat kemm-il darba, peress li dawn il-flyovers intużaw għal madwar sena fid-direzzjoni opposta, ma setgħux jitlestew bl-aħħar saff t’asfalt u bil-marki tal-linji u l-marki u t-tabelli tad-direzzjonijiet finali, għaliex kienu jkunu ta’ xkiel għas-sewwieqa. Għalhekk, infetħu b’mod sigur mingħajr l-aħħar saff t’asfalt, u b’materjal temporanju li jaqdi l-istess funzjoni tal-expansion joints mingħajr ma ssir ħsara lill-istruttura u lil expansion joints infushom. Issa li dawn il-flyovers m’għadx hemm bżonnhom bħala rotot temporanji lejn in-nofsinhar, beda x-xogħol biex jitlestew bl-aħħar saff t’asfalt u expansion joints, ħalli fil-ġimgħat li ġejjin nibdew nużawhom fid-direzzjoni proprja tagħhom lejn it-tramuntana tal-pajjiż. Aktar tard dan ix-xahar, Infrastructure Malta se tiftaħ ukoll il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija, minn Santa Luċija lejn il-Marsa. L-aġenzija mbagħad tkun tista’ tiftaħ ukoll is-seba’ (u l-aħħar) struttura ta’ flyover tal-junction ġdida tal-Marsa. Din il-flyover, li tlestiet ftit ġimgħat ilu bl-expansion joints b’kollox, se tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija maċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-inħawi fejn se ssir l-faċilità ta’ park and ride bħala parti mill-istess proġett, lejn Triq il-Gvern Lokali fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi (fejn hemm iċ-Ċimiterju tat-Torok).

Il-Marsa — devjazzjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkonsidrata li ssir modifikazzjoni fid-devjazzjoni tat-traffiku fiż-żona tal-Marsa fil-parti fejn isir id-dħul u l-ħruġ taż-żwiemel direzzjoni lejn il-korsa taż-żwiemel ?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu minħabba li l-Awtorita’ ta’ Transport f’Malta tkun trid tiddiskuti dawn il-modifikazzjonijiet mal-Kunsill Lokali.

Infrastructure Malta — toroq lill-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru toroq minn Infrastructure Malta lill-Kunsilli Lokali fl-irħula u bliet? Kif dan jikkumpara maż-żmien preċedenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — karigi minn persuni barra s-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħu u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħi huma tnejn; Secretariat Pool u Co-Ordinating Officer filwaqt tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi huma tlieta; żewgt Xufiera u Messaġġier.

Il-Miżieb – kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ art lill-FKNK

Question

Peress li l-ispazju pubbliku fil-beraħ hu limitat ħafna u d-densità u l-intensità ta’ pajjiżna huma magħrufa, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-għotja tal-art tal-Miżieb lill-FKNK? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-kuntratt?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra żewgt stqarrijiet li ħargu fil-jiem li għaddew waħda b’numru PR 201943 li ħarget fit-9 ta’ Ottobru mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u mill-Ministeru għal Għawdex u oħra b’numru PR 201955 tal-10 ta’ Ottubru mill-Gvern ta’ Malta. Flimkien mal-PRs qed npoġġu wkoll il-kuntratt, MoU u anke 3 pjanti.

Il-Miżieb – għoti ta’ art lill-FKNK

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-għoti tal-art tal-Miżieb lill-FKNK kienet deċiżjoni tal-Kabinett u ma ttellgħetx għal verifika quddiem il-Kumitat tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16551 tal-istess Seduta.

Il-Miżieb – kundizzjonijiet għall-għoti ta’ art lill-FKNK

Question

Peress li meta l-Ministru biddel il-kundizzjonijiet tal-Park tal-Majjistral kien ħareġ Avviż Legali, jista’ jgħid x’inhi raġuni għaliex id-deċiżjoni kienet li l-Gvern ma mexiex ma' din il-prassi fuq l-għotja tal-art tal-Miżieb lill-FKNK?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16551 tal-istess Seduta.

Il-Miżieb – rakkomandazjonijiet tal-Awtorità tal-Artijiet dwar l-għoti tal-art lill-FKNK

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità tal-Artijiet dwar l-għoti tal-art tal-Miżieb lill-FKNK?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16551 tal-istess Seduta.

Liġi dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet — Introduzzjoni ta’ Land Cadestre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkollna Land Cadastre u mhux Land Registry biss? Meta hu l-ħsieb li jitressaq abbozz biex tiġi emendata l-liġi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ftehim iffirmat rigward l-Art fil-Miżieb u l-Aħrax

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li l-Awtorità tal-Artijiet ser tiffirma/iffirmat flimkien mal-ERA u l-FKNK relatat mal-Imsaġar tal-Miżieb u l-Aħrax, liema ftehim sar referenza għalih fis-seduta tal-Erbgħa 7 ta’ Ottubru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16551 tal-istess Seduta.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Artijiet – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali tal-Awtorità tal-Artijiet? Jista’ jgħid ukoll b’liema mod ġew magħżula dawn il-konsulenti u kemm hi r-remunerazzjoni tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill- Awtorità tal-Artijiet, dettalji mitluba jidhru fit-tabella segwenti; SENA KONSULENT SKALA 2017 - 2020 Dalli Paris Advocates Scale 4 2017 - 2020 Filletti & Filletti Scale 2 2019 - 2020 Filletti & Filletti Scale 13 2019 - 2020 Dr Matthew Bondin Scale 2 2018 - 2020 RD Legal Scale 1 2017 - 2020 Dr Deborah Schembri case by case basis 2017 - 2020 Dr Robert Musumeci case by case basis 2020 Dr Justyne Caruana €48,000

Awtorità tal-Artijiet — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ dawk it-tenders maħruġa mill-Awtorità tal-Artijiet għax-xiri, ċens u/jew kera u/jew konċessjonijiet ta’ art agrikola, l-offerti li saru min rebaħ it-tenders rispettivi u f’liema data? Jista’ jgħid min kienu l-membri tal-bordijiet ta’ aġġudikazzjoni għall-għotja tal-istess tenders?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-Awtorità tal-Artijiet, dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta’ min rebaħ it-tenders u dettalji oħra, ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġa inħarġet fil-pubbliku, skont il-liġi.

Inċidenti li seħħew fil-qasam tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm inċidenti seħħew fil-qasam tal-bini jew inkella b'rabta mal-qasam tal-bini mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura preżenti sal-jum meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali u kemm minnhom ħallew il-persuni involuti b'xi forma ta' diżabilità? Jista' jgħid ukoll kemm mill-persuni involuti fl-inċidenti kienu Maltin u kemm kienu barranin?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Ħal Qormi – Arja mniġġsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux konxju minn studju xjentifiku li sar ( https://www.tvm.com.mt/mt/news/kont-taf-li-iktar-qed-tibla-gass-tossiku-fid-dar-milli-fit-traffiku/?fbclid=IwAR1bBVOKym_I4oWwszKK1OZOIYgnLATboXqSBwSCSpi19ZHqzoqXAKvtWuI) minn żewġ akkademiċi Maltin, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li qed juri kif l-aktar lokalitajiet b’arja mniġġsa u l-aktar residenti esposti f’darhom stess għal tniġġiż qattiel bħal dak tad-diossidu tan-nitroġenu, huma Ħal Qormi, San Ġiljan, Birkirkara u Tas-Sliema? Meta l-istudji ta’ dawn ż-żewġ akkademiċi urew li d-diossidu tan-nitroġenu mhux jonqos b’mod sinifikanti f’din iż-żona, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet li għandu għal dawn l-inħawi u meta hu previst li jwettaqhom? B’mod partikolari għal Ħal Qormi, li hija parti mill-kostitwenza li nirrapreżenta, jista’ jgħid hux jikkonsidra: a) li tinbena fly-over/bridge minn Triq l-Imdina (wara l-KIA) int u ġej minn Ħaż-Żebbuġ jaqbad mill-ewwel mal-bypass tal-Imrieħel biex it-traffiku ma jibqax għaddej min-nofs Ħal Qormi, (speċjalment minn Triq il-Vitorja, Triq il-Ħelsien u Triq il-Wied); b) miżuri biex il-junction ta’ ħdejn il-Qormi Sport & Fitness Park (popolarment magħrufa ħdejn l-Imgħallaq) ma’ tibqax tweħħel it-traffiku li ġej jew sejjer lejn Ħal-Luqa u Ħaż-Żebbuġ; c) inċentivi aħjar u aktar effettivi għall-użu ta’ transport alternattiv d) miżuri oħra li jidhirlu xierqa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fl-inħawi msemmija fiċ-ċentru ta’ Malta diġà saru ħafna proġetti li qed iwasslu għal inqas konġestjoni u b’riżultat t’hekk, kwalità t’arja aħjar f’Ħal Qormi u fil-lokalitajiet tal-madwar. Fost proġetti oħrajn li saru f’din iż-żona kien hemm il-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts ta’ Ħal Qormi u Triq Manwel Dimech li hemm bejniethom, il-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts ta’ ta’ Ħaż-Żebbuġ fir-rotta lejn Ħal Qormi, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi lejn Ħal Luqa li naqqset ħafna mill-konġestjoni fir-roundabout magħrufa bħala “tal-Imghallaq”, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi lejn il-Marsa u Ħamrun, kif ukoll it-twessigħ tal-Marsa Hamrun Bypass. Dawn il-proġetti kollha diġà qed iwasslu għal titjib kbir fir-rotot ewlenin madwar il-lokalità ta’ Ħal Qormi. Ħal Qormi se jgawdi wkoll mill-akbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed tagħmel bħalissa – il-Marsa Junction Project u s-Central Link Project. Skont studju tal-2019 li sar mill-ekonomista Gordon Cordina dawn iż-żewġ proġetti flimkien ma’ ħamsa oħra li qegħdin isiru mill-aġenzija se jagħtu lura lill-pajjiż aktar minn €1.2 biljun f’benefiċċji kwanitifikabbli fuq medda ta’ 25 sena. Dan l-istudju jikkwantifika l-iffrankar ta’ ħin għall-ivvjaġġar li se jkun hemm bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti fis-sistema tat-toroq tagħna u fost benefiċċji oħrajn se jiġibu magħhom titjib kbir fil-kwalità tal-arja billi se jonqos sostanzjalment it-tniġġis fl-arja kkaġunat mis-sewqan. Fil-każ tal-Marsa Junction Project it-tnaqqis sinifikanti fil-ħin tal-ivvjaġġar se jkollu mpatt pożittiv fuq ir-reġjun tal-madwar. Il-materja partikolata (trabijiet fini) u l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu, li huma l-iżjed żewġ fatturi prinċipali tat-tniġġis mill-vetturi u fost il-kawżi ewlenin ta’ mard respiratorju, se jonqsu sa 70% u 52% rispettivament matul il-25 sena li ġejjin. Bil-proġett se jonqsu wkoll bin-nofs l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju kkaġunat mill-vetturi, li huwa kontributur prinċipali għall-emerġenza fil-klima. F’dak li jirrigwarda s-Central Link Project l-istudji juru li dan se jwassal għal tnaqqis fil-materja partikolata sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żidiet fil-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar fil-futur. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%. Bħalissa Infrastruture Malta qed tagħmel studji u tħejji proposti dwar il-junction imsemmija fit-tieni mistoqsija biex it-traffiku ikun ikkordinat aħjar possibilment permezz ta’ separazzjoni tat-traffiku fuq żewġ livelli. L-istudju u l-analiżi għat-titjib tas-sistemi tat-trasport huwa proċess li qed isir b’mod kontinwu biex dejjem nilqgħu għat-tibdil fid-domanda għall-ivvjaġġar f’pajjiżna.

San Ġiljan – Triq Sant’Andrija — xogħlijiet

Question

B’referenza għal xogħlijiet li saru fi Triq Sant’Andrija f’San Ġiljan, jista’ l-Ministru jispjega għaliex parti minn din it-triq qiegħda terġa’ tinqala’ proprju ftit xhur wara li ngħatat it-tarmac biex irranġaw xi livelli?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.