Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx/kienx hemm deputati/ex-deputati tal-Gvern Laburista fil-bordijiet ta' Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema bord ta' Awtorità/Aġenzija/Entità jinsabu/kienu jinsabu, x'pożizzjoni għandhom/kellhom u x'inhi/kienet il-kariga tagħhom? X'remunerazzjoni u perkaċċi oħra jieħdu/kienu jieħdu għal tali pożizzjoni? X'inhu/kien it-terminu tal-ħatra tagħhom, u jekk tali ħatra għadha fis-seħħ, meta hu t-terminu ta' din il-ħatra?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Bighi – Smoking room — restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25037, jista’ l-Ministru jgħid x’progress sar fir-rigward tal-iSmoking Room f’Bighi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-istruttura tal-ġebel tal-iSmoking Room f’Bighi issa tinsab kollha postha u waslet fil-fażi finali ta’ restawr. Kif jitlesta dan ix-xogħol jibda jintrama s-saqaf ta’ l-injam. Dan il-proġett ta’ restawr huwa wieħed partikolari għaliex fil-kostruzzjoni ta’ din il-binja hemm taħlita ta’ tlett materjali: il-ġebla tal-franka, ħadid u injam. L-użu tal-ħadid ikkawża diversi ħsarat fil-ġebel, filwaqt li l-injam ġratlu ħafna ħsara minħabba l-ambjent li kien jinsab fih. Il-filosofija ta’ restawr li qed tiġi addottata mill-professjonisti ta’ Heritage Malta, hija dik li jissalva dak kollu possibbli mill-materjali oriġinali. Proċess bħal dan jieħu ħafna aktar żmien milli kieku wieħed jieħu deċiżjoni li jaqbad u jibdel b’materjali ġodda, speċjalment fejn jidħol xogħol ta’ lavur fil-ġebla u elementi tal-injam.

Il-Kalkara — Bighi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25533, jista’ l-Ministru jgħid xi progress ulterjuri kien hemm fix-xogħol relattiv f’Bighi, fil-Kalkara?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Marsaxlokk — Triq l-Arżnell - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Triq l-Arżnell, f’Marsaxlokk u x’fadal isir matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li fi Triq Arżnell sar xogħol ta’ tqegħid ta' kejbils. Bħalissa għaddej rinnovament sħiħ tat-triq, inkluż il-bankini u l-asfalt.

Restawr ta’ knejjes u kappelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm knejjes u kappelli li ġew irrestawrati minn xi fondi mogħtija mill-Ministeru responsabbli mill-Kultura, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll: i. liema huma dawn il-knejjes u kappelli; ii. kemm minnhom huma tal-privat, kemm minnhom huma tal-Gvern u kemm minnhom huma tal-Knisja; iii. f’kull każ, liema huma dawn il-knejjes u kappelli rispettivament; u iv. kemm hemm minn dawn il-proprjetajiet li qed isir restawr fihom preżentement u liema huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2022 sal-lum sar jew qed isir xogħol fuq total ta’ 22 Knejjes u Kappelli madwar Malta permezz ta’ finanzjament mill-Ministeru responsabbli mill-Kultura. Dawn il-proġetti jkopru xogħlijiet diversi, li jvarjaw mir-restawr ta’ faċċati sa interventi strutturali jew manutenzjoni, u jitwettqu permezz ta’ żewġ sistemi prinċipali: i. Permezz ta’ Skema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali, fejn ir-restawr isir kollu minn ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni; jew ii. Permezz ta’ finanzi allokati fil-Baġit tas-snin rispettivi, fejn il-proġetti jitwettqu minn kuntratturi privati wara ħruġ ta’ sejħiet għall-offerti Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-proġetti kif mgħoddija lili.

Restawr ta’ knejjes u kappelli — Fond għall-Kawżi Ġusti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes u kappelli ġew/qed jiġu rrestawrati minn fondi li oriġinaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll liema kienu/huma dawn il-knejjes u kappelli?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27130 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Pembroke — Triq il-Professur W. Ganado – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni Triq il-Professur W. Ganado f’Pembroke qiegħda tinqala’ mill-ġdid? Jista’ jindika x’xogħlijiet huma previsti li jsiru u kemm ser jiġu jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pembroke – Parkeġġ għar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex persuni li jgħixu f’Pembroke jingħataw preferenza u assigurazzjoni li jsibu post fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom invista tal-influss qawwi ta’ ħaddiema li qed imorru fuq il-proġetti li għaddejjin bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke li huwa konxju tas-sitwazzjoni, iżda jħoss li ma jistax jiddiskrimina bejn residenti u ħaddiema. Il-ħaddiema li jaslu kmieni jipparkjaw f’żoni jew parkeġġi li jsibu vojta jew li jkunu ġew vakati meta r-residenti jmorru jaħdmu barra mill-lokal. Bil-maqlub ta’ dan, jiġri fi tmiem il-ġurnata tax-xogħol, meta l-ħaddiema li jkun ħadmu fil-lokal jirritornaw lejn djarhom, u b’hekk ivakaw diversi postijiet, li jimtlew mir-residenti li jirritornaw lura fil-lokal wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom.

Il-Belt Valletta — Evans Building

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għall-użu tal-binja ta’ Evans Building fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll x’viżjoni għandu l-Gvern għall-użu ta’ din il-binja li tinsab f’lok prinċipali fil-belt kapitali ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.

MUŻA — Rapport ta' preżenza ta' moffa

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27097 u ċjoè: Fid-dawl li f’Awwissu tal-2019 il-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA), kien ingħalaq għall-pubbliku minħabba l-preżenza ta’ moffa rrapurtata fuq il-kwadri tal-kollezzjoni nazzjonali u peress li minn dak in-nhar sa żminijiet reċenti wieħed seta’ jinnota dehumidifiers imferrxin mal-Mużew minbarra ħsarat oħra evidenti fil-binja fejn baqgħet tidher żebgħa mqaxxra sforz l-ilmijiet li daħlu fil-binja, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern imħejji minn esperti fil-konservazzjoni u d-dijanjostika ta’ Heritage Malta dwar dan il-każ? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport intern inkluż jekk ittieħdetx azzjoni legali biex tinġarr ir-responsabbiltà għall-ħsara li setgħet saret?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Gazzetta tal-Gvern - Avviżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?

Response (BONNICI, OWEN)

L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Vjaġġi uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt vjaġġi uffiċjali barra l-pajjiż qattx kien akkumpanjat minn familjari tiegħu jew ta’ xi membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid: (a) F'liema vjaġġi l-Ministru u/jew il-kontinġent tiegħu kienu akkumpanjati minn familjari tagħhom? (b) Min kienu dawn il-familjari għal kull vjaġġ? (ċ) Kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljett tal-ajru, akkomodazzjoni, trasport, ikel, xorb u spejjeż oħra, separatament, għal kull membru tal-kontinġent f'kull vjaġġ li fih kien hemm ukoll membru/i tal-familja tal-Ministru u/jew tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? (d) Jekk l-ispejjeż ta' kull membru tal-familja tal-Ministru u/jew tal-membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu tħallsux minn fondi pubbliċi jew minn fondi personali, u jekk dawn tħallsu minn fondi personali jippreżenta l-irċevuti uffiċjali ta' dawn l-ispejjeż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta f'din il-leġiżlatura hi fin-negattiv.

Il-Belt Valletta — Triq Merkanti u Triq San Kristofru – Tiswija ta’ ċangatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ċ-ċangatura bejn Triq Merkanti u Triq San Kristofru fil-Belt tissewwa qabel il-purċissjoni tad-Duluri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li mhuwiex konxju li hemm bżonn ta’ tiswija ta’ xi ċangatura fl-imsemmija triq.

Bormla — Pjazza Gavino Gulia – Tiswija ta’ ċangatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ċ-ċangatura fi Pjazza Gavino Gulia f’Bormla tissewwa qabel il-purċissjoni tal-Irxoxt peress li qiegħda taqa’ biċċa biċċa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li bħalissa qed isiru laqgħat ta’ diskussjoni ma’ Infrastructure Malta sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Informat li mhux ser ikun possibbli, madankollu, li x-xogħlijiet isiru qabel l-Irxoxt.

Baħar iċ-Ċagħaq — Permessi għall-karavans

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26081, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal caravans ġewwa Triq il-Kosta, Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li ma għandu xejn xi jżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25743.

Bormla — Ground Delceppo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha għaddejja l-ħidma fuq il-proġett tal-Ground Delceppo f’Bormla? Jista’ jgħid ukoll meta se jitlesta x-xogħol fuq dan il-ground?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li l-ħidma fuq il-proġett tal-Ground Delceppo ilha għaddejja mis-sena 2020 meta nħareġ it-tender u tlestiet fis-sena 2024. Hemm xi xogħol li ma kienx parti mit-tender li għad irid isir fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-kamra li tinsab fil-ground. Kif kien indikat fit-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 21687, ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2026.