Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Rotot għall-vetturi

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid liema rotot qed jiġu kkunsidrati għall-vetturi tqal li ser jittrasportaw id-demel, slurry u skart agrikolu lejn u mill-faċilità proposta? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex previst li dawn il-vetturi jgħaddu mix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Għadira, il-Manikata jew toroq residenzjali oħra?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2632.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Movimenti ta’ vetturi tqal

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il moviment ta’ vettura tqila kuljum huwa stmat li ser jiġi ġġenerat minn din il-faċilità, kemm waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni kif ukoll meta l-impjant ikun operattiv?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tenders għal sinjali tat-traffiku – Kumpaniji/koperattivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kumpaniji/koperattivi li ngħataw tenders biex jipprovdu sinjali tat-traffiku, matul l-aħħar ħames snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta – Tqegħid ta’ sinjali tat-traffiku ġodda – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet flus Transport Malta fit-tqegħid ta’ sinjali tat-traffiku ġodda matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Ir-Rabat, Malta – Triq Ġorġ Borg Olivier

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2764 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2024, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ x’sar f’dawn l-aħħar tliet xhur fir-rigward ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, Malta, fid-dawl li dalwaqt se jerġgħu jibdew l-iskejjel u ser jiżdied iktar l-użu ta’ din it-triq u magħha jiżdiedu l-inkonvenjenzi, ħsarat lir-residenti u perikli?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Skema biex iċċedi l-liċenzja tas-sewqan – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 908 u 2020 u jgħid kemm-il-żagħżugħ u żagħżugħa applikaw għall-iskema biex iċedu l-liċenzja tas-sewqan għal €25,000?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

L-Imġarr, Għawdex – Trasport pubbliku – Skedi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex l-iskeda tat-trasport pubbliku fl-Imġarr, Għawdex, tiġi kkoordinata aħjar mal-ħinijiet tal-wasla u tat-tluq tal-vapuri, sabiex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija u jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet għall-passiġġieri? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan sabiex jiġu installati xelters adegwati fil-waqfiet tal-karozzi tal-linja fl-istess żona, li jipproteġu lill-passiġġieri mix-xemx, ix-xita u r-riħ? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-miżuri huma mistennija jitwettqu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-port tal-Imġarr joperaw erba’ rotot differenti, li bejniethom iwettqu seba’ vjaġġi fis-siegħa. Fost dawn hemm ir-rotta 301, li tgħaqqad il-port mal-Belt Victoria u topera kull ħmistax-il minuta. B’din il-frekwenza, il-passiġġieri li jaslu bil-vapur għandhom konnessjoni regolari mat-trasport pubbliku, irrispettivament mill-ħin tal-wasla tal-vapur. Rigward ix-xelters, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Trasport pubbliku – Rotot, frekwenza u investiment fil-flotta

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema rotot tat-trasport pubbliku jaqdu l-lokalitajiet tal-Qala u ta’ Marsalforn f’Għawdex, kif ukoll jgħid il-frekwenza tas-servizz fl-imsemmija lokalitajiet?  Hemm pjanijiet sabiex tiżdied il-frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku fil-lokalitajiet kollha f’Għawdex u, jekk iva,jista' jispeċifika l-miżuri previsti u meta dawn mistennija jidħlu fis-seħħ?  Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet għal aktar investiment fil-flotta ta’ vetturi tat-trasport pubbliku li topera f’Għawdex u, jekk iva, jagħti d-dettalji ta’ dan l-investiment u ż-żmien previst għat-twettiq tiegħu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotta li taqdi l-lokalità tal-Qala hija r-rotta 303, li topera kull siegħa. Marsalforn hija moqdija mir-rotta 310, li fis-sajf topera kull nofs siegħa. Fix-xitwa, din ir-rotta topera kull nofs siegħa fl-ewwel ħinijiet ta’ filgħodu u kull tliet kwarti għall-bqija tal-ġurnata. F’Mejju ta’ din is-sena saru numru ta’ modifiki kemm fir-rotot f’Għawdex kif ukoll f’rotot f’Malta li jservu ta’ konnessjoni mal-fast ferries. Fost dan it-tibdil, ir-rotta 310 rat żieda fil-frekwenza tagħha kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf. Bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena sar l-akbar investiment li qatt sar f’Għawdex fit-trasport pubbliku fuq l-art, meta l-flotta kollha li topera dan is-servizz inbidlet minn vetturi tad-diesel għal vetturi elettriċi.

Raħal Ġdid – Ġnien Tony Bezzina – Proġett – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern, Infrastructure Malta u/jew entitajiet/awtoritajiet governattivi oħra għall-proġett ta’ Ġnien Tony Bezzina, f’Raħal Ġdid, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 696 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 975.

Is-Swieqi – Sinjali tat-traffiku mwaqqgħin jew bil-ħsara

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1955, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-perjodu bejn it-22 ta’ Ottubru 2024 u t-22 ta’ Ottubru 2026, Transport Malta kinitx infurmata dwar każijiet ta’ sinjali tat-traffiku mwaqqgħin jew bil-ħsara fil-lokalità tas-Swieqi? Jista' jgħid ukoll kemm ġew irreġistrati rapporti u f’kull każ kemm damu biex jissewwew jew jiġu sostitwiti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Servizz tal-Fast Ferry – Faċilitajiet għall-passiġġieri u l-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li fil-post minn fejn jinxtraw il-biljetti u jistennew il-passiġġieri għas-servizz tal-Fast Ferry mill-Belt Valletta lejn Għawdex, il-passiġġieri qed ikollhom jistennew barra esposti għax-xemx u għas-sħana, b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex jiġi pprovdut kenn adegwat u żona ta’ stennija xierqa għall-passiġġieri, kif ukoll faċilitajiet aktar adegwati għall-ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu minn container? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar ix-xogħlijiet ippjanati u meta mistennija jitwettqu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-terminal tal-Fast Ferry f’Ta’ Liesse ġarrab ħsarat konsiderevoli minħabba l-maltempata Harry. Sabiex is-servizz ma jiġix interrott, l-Awtorità ħadet miżuri temporanji, fosthom it-tqegħid ta’ unità mobbli sabiex tintuża bħala uffiċċju tal-biljetti. It-tiswijiet issa jinsabu fl-aħħar fażi. Fit-terminal se tinbena kabina għall-bejgħ tal-biljetti, u b’hekk l-unità mobbli titneħħa u l-passiġġieri jkunu jistgħu jixtru l-biljetti mill-faċilitajiet tat-terminal. Ix-xogħlijiet huma mistennija jitlestew sal-bidu ta’ Novembru 2026.

Raħal Ġdid – Park and Ride – Inċident ta’ allegat hit-and-run

Question

B’referenza għall-inċident ta’ allegat hit-and-run li seħħ fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid fid-19 ta’ Mejju 2026, u li dwaru sar ir-Rapport tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kameras tas-CCTV fis-sit kinux operattivi dakinhar? Jekk ma kinux operattivi, jista’ jgħid kemm kienu ilhom mhux jiffunzjonaw u għaliex ma kinux ġew imsewwija jew mibdula sa dakinhar? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex operattivi illum u jekk le, meta se jerġgħu jkunu kompletament operattivi l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride u x’rimedju jew assistenza hija disponibbli għal persuni li jkunu vittmi ta’ inċidenti jew reati fis-sit iżda ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minn footage tas-CCTV minħabba li s-sistema ma tkunx qed taħdem?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2500.

Raħal Ġdid – Park and Ride – Tabelli ta’ sorveljanza tas-CCTV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid baqgħu esposti tabelli li jindikaw li ż-żona hija taħt sorveljanza tas-CCTV meta l-kameras ma kinux qed jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru jew Transport Malta kinux konxji li dawn it-tabelli kienu għadhom esposti minkejja li s-sistema ma kinitx operattiva? Jista’ jgħid ukoll jekk iqisx li dan seta’ jagħti sens falz ta’ sigurtà lill-persuni li jużaw il-faċilità u x’passi ttieħdu jew se jittieħdu sabiex dan ma jerġax iseħħ?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2500.

Raħal Ġdid – Park and Ride – Ħsarat fil-kameras tas-CCTV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema ġurnata l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid waqfu milli jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għaliex dawn il-kameras ma baqgħux operattivi, meta ġiet irrappurtata għall-ewwel darba din il-ħsara u għaliex is-sistema tħalliet mhux operattiva? Jista’ jgħid ukoll min huwa responsabbli għall-operat u l-manutenzjoni ta’ dawn il-kameras u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rekords tal-ħsarat u tal-manutenzjoni relatati mas-sistema tas-CCTV f’dan il-Park and Ride matul l-2025 u l-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid ma humiex operati jew miżmuma mill-Awtorità, li lanqas ma għandha aċċess għas-sistema, għall-filmati jew għar-rekords relattivi. Għaldaqstant, l-Awtorità ma għandhiex l-informazzjoni mitluba dwar l-operat, il-ħsarat jew il-manutenzjoni ta’ dawn il-kameras.

Marsaskala – Servizz tal-ferry il-ġdid – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt fuq il-parkeġġ fi Triq is-Salini, Marsaskala jekk, jew meta, jibda jaħdem is-servizz il-ġdid tal-ferry minn dik iż-żona? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx studju fuq l-impatt tat-tranja li l-ferry l-ġdid se jiġġenera u l-effett li din se jkollha fuq is-swimming zones fl-inħawi?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz tal-ferry jibda jopera hekk kif Infrastructure Malta tlesti x-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa.

Transport Malta – Ħaddiema impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ma’ Transport Malta mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, direttament jew indirettament (ċjoè inkluż ma’ kuntratturi), maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema lokalità ġew u f’liema grad u funzjoni ġew impjegati?

Response (BONETT, CHRIS)

ġNinforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

In-Naxxar – Telgħa tal-Għaqba – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li titwitta mill-ġdid it-Telgħa tal-Għaqba fin-Naxxar, u jekk iva, jagħti timeframe ta’ meta se jibda x-xogħol? Jista' jgħid ukoll x'miżuri qed/ser jittieħdu biex l-istudenti tal-Giovanni Curmi Higher Secondary (GCHSS) ikunu siguri mill-periklu tal-vetturi meta jagħmlu użu minn din it-telgħa biex jaċċessaw l-iskola?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin - Reġistru

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2762 u jgħid jekk Transport Malta żżommx, jew jekk għandhiex il-ħsieb li flimkien ma’ Heritage Malta, tistabbilixxi reġistru komplut tal-karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin li għadhom jeżistu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħin fir-restawr u fl-użu sigur ta’ dawn il-vetturi permezz ta’ skema ta’ liċenzjar għall-vetturi storiċi, għotjiet finanzjarji, rotot turistiċi apposta jew mużew nazzjonali tat-trasport?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2762.