Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol - Proġetti jew inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti jew inizjattivi tħabbru mill-Ministeru jew minn kwalunkwe aġenzija jew entità li jaqgħu taħtu, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, iżda li s’issa għadhom ma sarux? Jista’ jgħid ukoll kemm ħallas il-Gvern fuq reklamar, PR u kampanji ta’ informazzjoni għal kull wieħed minn dawn il-proġetti li qatt ma twettqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34588.

Prodotti tas-CBD/THC - Azzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru azzjonijiet ta’ infurzar relatati ma’ prodotti tas-CBD/THC fl-aħħar sena, u jaqsam din l-informazzjoni skont it-tip ta’ każ (spezzjonijiet, sekwestri, akkużi, proċeduri fil-Qorti)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34756.

CBD/Kannabis - Restrizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix (jew jekk qed tiġix ikkunsidrata) politika biex tiġi ristretta l-operat jew ir-reklamar ta’ outlets relatati mas-CBD/kannabis qrib skejjel u postijiet sensittivi, u jekk le, għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Prodotti tas-CBD/THC - Miżuri ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar jeżistu għall-bejgħ online u għall-importazzjoni b’posta/courier ta’ prodotti b’CBD/THC, inklużi verifiki tal-età, kooperazzjoni mad-Dwana u proċeduri ta’ sekwestru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, fejn jirrigwarda l-Pulizija, il-miżuri ta’ infurzar huma regolati mill-provedimenti tal-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta u nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Artiklu 2 tal-istess kapitlu. Fl-infurzar l-Pulizija taħdem mill-qrib mad-Dwana u tikkopera bis-sħiħ mal-uffiċjali tagħha. Flimkien, jaċċertaw li kull prodott jew sustanza importata fis-suq lokali bi ksur tal-provedimenti tal-Kapitolu 101 tiġi traċċata, u kull każ jiġi nvestigat mill-Pulizija bl-istess mod kif isir f’investigazzjonijiet relatati mal-importazzjoni ta’ droga. Il-kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-Forzi tal-Ordni, twassal biex ta’ kull sena jinstabu diversi pakketti li jkun fihom sustanza illegali, kif ukoll prodotti ta’ CBD b’kontenut ta’ aktar minn 0.2% THC.  F’dawn il-każi l-Pulizija tinvestiga u meta l-persuna suspettata ta’ tali reat tinstab, titressaq il-qorti b'akkużi ta' mportazzjoni ta' droga fost oħrajn.

Prodotti tas-CBD/THC - Sekwestri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru sekwestri ta’ prodotti li ġew deskritti bħala CBD/THC fl-aħħar sena, u jindika l-kategoriji prinċipali (eż. oils, edibles, vapes, fjuri/inflorescenzi, kożmetiċi)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi s-sekwestri li saru mit-Taqsima ta’ kontra Droga tal-Pulizija ta’ prodotti li ġew deskritti bħala CBD/THC fl-aħħar, kien kif  jidher fit-tabella hawn taħt. Barra minn dan kien hemm sekwestru ieħor li għadhom qed isiru eżamijiet fuq is-sustanza misjuba u l-ammont għadu mhux disponibbli. Sena Każi ta’ sekwestri ta’ prodotti ta’ CBD/THC products. Użin f’kilogrammi/ammont 2025 37 cannabis grass 128 kilos 1 cannabis plant seizure 151 plants 2026 * 3 cannabis grass seizures 2.68 Kilos 1 Cannabis Plant seizure 40 plants *sa 01/03/2026

Prodotti tas-CBD/THC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Pulizija tiddetermina meta prodotti li jkollhom CBD/THC jitqiesu illeċiti taħt il-liġijiet dwar sustanzi kkontrollati u meta jitqiesu prodotti permessi?  Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx linji gwida operattivi f’dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob li interpellant jirreferi għal tal-Kapitolu 101, Artikolu 2 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Twelid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twieldu jew ġew irreġistrati twelid matul dawn l-aħħar ħames snin fejn wieħed mill-ġenituri huwa Malti u l-ieħor mhux Malti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fir-Reġistri Pubbliċi ta’ Malta u Għawdex, matul dawn l-aħħar ħames snin ġew reġistrati total ta’ 4,098 tarbija fejn wieħed mill-ġenituri huwa Malti u l-ieħor mhux Malti.

Żwiġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru jew ġew reġistrati żwiġijiet bejn persuna Maltija ma’ barrani matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fir-Reġistri Pubbliċi ta’ Malta u Għawdex, matul dawn l-aħħar ħames snin ġew reġistrati total ta’ 1,774 żwieġ bejn persuna Maltija u persuna barranija.

L-Imsida – Triq Clarence – Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li n-numru ta’ vetturi mingħajr liċenzja u mingħajr number plates ipparkjati minn panel beaters eċċ., fil-parkeġġ temporanju li sar fi Triq Clarence, l-Imsida,  ma jibqgħux jokkupaw spazji ta’ parkeġġ illegalment peress li qed itellfu lir-residenti tal-madwar milli jużaw dan l-ispazju?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Tlabt li jkun hemm osservazzjoni tal-post indikat.

Forzi Armati ta’ Malta - Sparar tal-armi tan-nar -Taħriġ lis-suldati

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’lista s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika wkoll kemm-il suldat ħa sehem, id-data tas-sessjoni ta’ taħriġ, liema tip ta’ arma sparaw, fejn, u f’liema unit iwettaq is-servizz tiegħu kull suldat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull membru tal-Forzi Armati ta’ Malta jingħata taħriġ regolari fl-użu u l-isparar tal-arma primarja tiegħu kif ukoll dik sekondarja. Ukoll jingħataw taħriġ ieħor relatat mal-isparar permezz ta’ sistema ta’ simulazzjoni diġitali li tinsab f’wieħed mir-reġimenti. Skont il-ħtiġijiet operattivi, kemm lokali kif ukoll barra min Malta, ċertu Units fi ħdan il-Forzi Armati jingħataw taħriġ aktar speċjalizzat u intensiv fl-użu ta’ sistemi ta’ armi oħrajn.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Sparar tal-armi tan-nar - Taħriġ lill-uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’lista s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru lill-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul dawn l-aħħar tliet snin?  Jista’ jindika wkoll kemm-il uffiċjal ħa sehem, id-data tas-sessjoni ta’ taħriġ, liema tip ta’ arma sparaw, fejn, u f’liema taqsima jwettaq is-servizz tiegħu kull uffiċjal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li it-taqsima relevanti għad-domanda tal-Onorevoli Interpellant hija dik tal-Ispecial Operations Group u t-taħriġ huwa kontinwu fejn anke jsir b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħal Pulizija, isir ukoll internament fl-aġenzija u anke b’koperazzjoni ma’ entitajiet esterni li jinkludi  koperazzjoni ma’ pajjiżi barranin u ambaxxati.

Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm suwiċidji ta’ persuni taħt it-18-il sena bejn l-2022 u 2025 u jekk iva, kemm? Jista’ wkoll jagħti l-età u l-ġeneru ta’ dawn il-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bejn is-sena 2022 u s-sena 2025 kien hemm żewġ każijiet  fis-sena 2023, it-tnejn jinvolvu persuni maskili taħt it-18-il sena bl-etajiet ta’ sittax-il sena u ta’ sbatax-il sena rispettivament.

Ir-Rabat, Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mosta, Ħaż-Żebbuġ u l-Imtarfa - Inkonvenjenza ta’ storbju eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika rigward inkonvenjenza ta’ storbju u storbju żejjed fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt l-għases tar-Rabat, Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mosta, Ħaż-Żebbuġ u l-Imtarfa għal dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? B’mod speċifiku għal kull waħda minn dawn il-lokalitajiet, jista’ l-Ministru jgħid ukoll: i.      kemm saru lmenti u/jew rapporti lill-Pulizija; ii.     kemm minn dawn l-ilmenti rriżultaw fi kwereli mressqa formalment; iii.    kemm kien in-numru ta’ prosekuzzjonijiet fejn persuni tressqu l-Qorti dwar tali inkonvenjenzi; u iv.    kemm kienu l-każijiet fejn persuni nstabu ħatja li kkawżaw inkonvenjent ta’ storbju żejjed?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Korp tal-Pulizija - Sparar tal-armi tan-nar - Taħriġ lill-uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’lista s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika wkoll kemm-il uffiċjal ħa sehem, id-data tas-sessjoni ta’ taħriġ, fejn, liema tip ta’ arma sparaw, u f’liema taqsima jwettaq is-servizz tiegħu kull uffiċjal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-taħriġ li qed jistaqsi dwaru l-Onorevoli Interpellant huwa regolari. Fil-fatt b’kollaborazzjoni bejn il-Pulizija u l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant sar taħriġ divers li kellu fih 3,126 parteċipant. Hemm taqsimiet bħal m’huma r-Rapid Intervention Unit u l-Special Inervention Unit li minħabba r-raġuni tax-xogħol tagħhom l-istess taħriġ huwa parti mix-xogħol kontinwu tagħhom.

Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri - Rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali kollha li ġew ippreżentati lilu mill-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri kif obbligat ai termini ta’ S.L. 260.07 f’regolament 7?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dan ir-rapport ser ikun konkluż fil-viċin u jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin - Psikjatri li telqu mill-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il psikjatra telaq mill-impjieg minn mal-Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tliet snin ma’ kien hemm l-ebda psikjatra li telaq mill-impjieg minn mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin - Psikjatri li ġew ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il psikjatra ġie ingaġġat mal-Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għandha ngaġġat magħha fuq bażi ta’ servizz bi ħlas Direttur tal-Psikjatrija, Psikjatra u High Specialist Trainee. Filwaqt li l-Aġenzija għandha wkoll ftehim mad-Dipartiment tas-Saħħa sabiex Konsulent Psikjatra jagħti servizz.

Uffiċjali korrettivi - Eleġibilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura biex persuna tkun eleġibbli biex tinħatar uffiċjal korrettiv, u jekk isirux xi eżamijiet mediċi? Jekk iva, jista’ jgħid min huma l-psikjatri jew tobba li jagħmlu dan l-eżami?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-aħħar sejħa li ħarġet, filwaqt li ninsab infurmat li l-kandidati jiġu nvistati minn tobba li huma impjegati tal-Aġenzija. F’każ li t-tabib li jkun invista l-kandidat jemmen, dejjem skont il-ġudizzju professjonali tiegħu, li l-kandidat għandu jkollu bżonn vista psikjatrika, il-kandidat jiġi riferut għal-vista minn psikjatra li joffri s-servizzi tiegħu lill-istess Aġenzija.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34384, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi għall-aħħar tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 34383.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Membri tal-Forzi Armati fuq bażi part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jissejħu biex jaħdmu fuq bażi part-time fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex kwistjoni ta’ sigurtà, problema fl-ingaġġ ta’ uffiċjali korrettivi, il-popolazzjoni fil-ħabs jew xi raġuni oħra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar snin l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi tejbet il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħha u baqgħet tissaħħaħ b’diversi reklutaġġi ġodda. Minn naħa l-oħra din l-opportunità lil persuni b’esperjenza f’Korpi Dixxiplinati oħra tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, li qed isiru wkoll f’kuntest fejn is-servizzi mogħtija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi qed jibqgħu jkunu dejjem imsaħħa.