Kumpless Nazzjonali tal-Isparar – financial statements
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-financial statements tal-Kumpless Nazzjonali tal-Isparar?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-financial statements ta’ SportMalta, li jinkludu l-Kumpless Nazzjonali tal-Isparar, se jiġu ppreżentati fil-kamra tar-rappreżentanti, hekk kif dejjem sar, meta jkunu lesti.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — position of trust – persuni mlaqqma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tagħa jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra li dak li qed jitlob jikkostitwixxi għal tagħrif personali, dawk il-ħaddiema taħt il-Ministeru li huma meqjusin bħala frontliners ġew imlaqqmin bħala parti minn proċess nazzjonali skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-premjijiet tat-tiġrijiet ilhom ma’ jitħallsu minn Jannar? Tista’ tgħid għaliex meta r-reġistrazzjonijiet tal-owners jitħallsu qabel u mhux wara? Tista’ tgħid jekk din hux sempliċi każ ta’ traskuraġni jew ta’ klabb li falla finanzjarjament?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20422 tista’ l-Ministru tgħid min mela l-kariga ta' Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta? Meta u fejn ħarġet l-applikazzjoni pubblika? Kemm applikaw għal din il-kariga? Min kienu l-membri fil-bord tal-għażla? X'kundizzjonijiet għandu l-Kap Eżekuttiv?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta mtliet mis-Sur Max Zammit. L-applikazzjoni ġiet pubblikata fis-7 ta’ Frar 2021 fuq il-gazzetta The Sunday Times u fuq il-websajt tal-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalita’ tal-Ħajja u ġew riċevuti żewġ applikazzjonijiet. Il-membri fil-bord tal-għażla kienu s-Segretarju Permanenti ta’ dan l-istess Ministeru u żewg uffiċjali pubbliċi li huma rrtirati. S-salarju tal-Kap Eżekuttiv huwa mqabbel ma’ skala 3 tas-Servizz publiku.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol.
Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappre¿entant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess Interpellant.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna preżentement tinsab impjegata fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tgħid ukoll il-grad u l-funzjoni rispettivi li tali persuni għandhom fl-imsemmi uffiċċju?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 39 persuna mpjegata fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji li jaħdmu fi gradi li jvarjaw. Ninfurmaħ ukoll li dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbilliti tal-ingaġġ fis-servizz pubbliku. Il-grad u l-funzjoni rispettivi qed jitpoġġew fuq l-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dati li fihom mill-1 ta' Jannar tas-sena 2013 sal-lum, persuni ġew impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u tispeċifika l-gradi, il-karigi u l-funzjonijiet rispettivi ta' tali persuni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninfurmah ukoll li dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbilliti tal-ingaġġ fis-servizz pubbliku.
Tista' l-Ministru tgħid b'każ b'każ il-lokalità fejn tirrisjedi kull waħda mill-persuni li preżentement jinsabu impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li preżentament jinsabu mpjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji jirrisjedu l-Imsida, San Ġwann, Għargħur, Rabat Malta, Qala Ghawdex, San Ġiljan, Żejtun, Swieqi, Santa Venera, Sliema, Iklin, Naxxar, Żurrieq, Attard, Mosta, Pembroke, Luqa. Ninfurmaħ ukoll li dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbilliti tal-ingaġġ fis-servizz
Tista' l-Ministru tgħid minn liema binjiet/indirizzi (mhux residenzi) joperaw il-persuni li jinsabu impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li jinsabu mpjegati mal-Uffiċju tal-Kummissarju għall-Organizzazjonijiet Volontarji qed joperaw mill-istess binja fejn jinsab l-istess uffiċċju tal-Kummissarju l-Belt Valletta.
Wara li l-Ministru ċaħdet li r-ramel tal-Korsa tal-Marsa kien ħażin u li qed iweġġgħu ż-żwiemel u allura ma kellux għalfejn jinbidel ir-ramel, meta wara biss ftit ġranet is-Segretarju Parlamentari niżel il-Korsa u wiegħed li se jinbidel ir-ramel, u wara li l-Ministru wegħditni li r-ramel tal-korsa kien se jinbidel il-ġimgħa li għaddiet u wara li l-Kumitat tal-Korsa tal-Marsa avża lis-sidien taż-żwiemel li l-korsa se tingħalaq biex jingħata r-ramel biex imbagħad skoprew li r-ramel ma kienx tajjeb u reġgħu għalquha, tista’ l-Ministru tgħid meta se jingħata r-ramel tal-Korsa? Tista’ tgħid x’tip ta’ ramel se jingħata? Tista’ tgħid min qed iħallas għar-ramel? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-Korsa?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-ramel beda’ jingħata l-Ħamis 22 t’April u dan huwa tip ta’ ramel li min jaħdem il-korsa b’mod regolari u għandu esperjenza għal numru ta’ snin f’dan is-settur ikkonferma li dan huwa ta’ kwalita’ tajba. Rigward l-aħħar mistoqsija nitolbok tirreferi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 20416.
Kunsill tal-Korsa tal-Marsa – rappreżentanti tal-horse owners
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ilha ma ssir elezzjoni għar-rappreżentanti tal-horse owners fil-Kunsill tal-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid jekk in-nuqqas ta’ horse owners fil-Kunsill tal-Korsa tal-Marsa hux konformi ma dak li jitlob l-istatut? Tista’ tpoġġi kopja tal-istatut tal-kunsill fuq il-Mejda tal-Kamra? Fin-nuqqas ta’ rappreżentanti tal-horse owners fil-kunsill, tista’ tgħid min hu dak ir-rappreżentant uffiċjali li qed jitkellem f’isimhom? Dan ir-rappreżentant minn min inħatar, mill-Gvern jew mill-horse owners? U jekk inħatar mill-Gvern, l-interessi ta’ min qed iħares tal-Gvern jew tal-owners?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar elezzjoni tal-horse owners saret bejn l-Ġimgħa 9 ta’ Frar u l-Ħadd 11 ta’ Frar 2018 fejn għall-ewwel darba fl-istorja kien hemm rekord ta’ aktar minn 50% ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw biex jaħtru r-rappreżentanti fil-Kunsill. Għalkemm fil-Malta Racing Club jidher li m’hemmx rekord ta’ elezzjonijiet preċedenti, dawn qatt ma’ saru b’mod regolari jew kull sena. L-ebda rappreżentant elett mill-elezzjoni tal-‘horse owners’ ma huwa maħtur mill-Gvern fil-Kunsill tal-Malta Racing Club. Tajjeb li wieħed ifakkar li minkejja li l-Malta Racing Club tkun ta’ sostenn sabiex jiġu organizzati dawn l-elezzjonijiet il-HOADA hija totalment indipendenti mill-Malta Racing Club u l-istess Malta Racing Club ma’ għandu l-ebda obbligu li jorganizza dawn l-elezzjonijiet.
Korsa tal-Marsa – training licence u driving licence
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa training licence għall-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid kemm tiswa driving licence għall-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid kemm daħlu flus f’Jannar li għadda minn dawn il-liċenzji?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-‘Training licence’ tiswa €125 pero’ ma jeżisti l-ebda ħlas speċifiku bħala ‘driving license’
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta’ horse owners reġistrati mal-Korsa tal-Marsa, kemm hu t-total ta’ ġerrejja reġistrati u kemm hu t-total ta’ żwiemel? Tista’ tgħid x’inhu l-valur finanzjarju taż-żwiemel reġistrati magħha?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-totali mitluba għas-sena preżenti li fl-istess waqt konformi ma’ ħlasijiet li huma obbligati li jitħallsu qabel jibda l-istagun, bħalma dejjem kien, huma dawn; Horse Owners 251, Ġerrejja 242 u żwiemel 511. Ma jeżistix u qatt ma eżista xi forma ta’ reġistru biex wieħed ikun jaf kemm jinxtraw iż-żwiemel. Li hu żgur hu li l-valur ta’ żiemel tat-tiġrija jista jogħla jew jitbaxxa abbażi ta’ numru ta’ ċirkustanzi.
Kumpless Nazzjonali tal-Isparar Ta’ Kandja – ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li qed jaħdmu fil-kumpless nazzjonali tal-isparar ta’ Kandja? Kemm minnhom huma fuq bażi full time, kemm part time u x'inhu r-rwol tagħhom?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless nazzjonali tal-isparar ta’ Kandja, jaħdmu 13 il-ħaddiem, 12 minnhom ‘full-time’ u 1 ‘part-time’ kif ġej:
1 Maniġer tal-Faċilità
1 ‘Assistant Technical Officer’
3 ‘Range Technical Officers’
2 Ħaddiema fil-Manutenzjoni
2 ‘General Hand’
2 Skrivani
1 ‘Receptionist’
1 ‘Sport Attendant’
Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-indafa u ż-żamma tal-parti li tagħmel mill-kumpless tal-Korsa l-Qadima tal-Marsa mid-daħla minn Triq Aldo Moro sa taħt il-paddocks tal-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid ukoll kemm persuni ttieħdu passi dixxiplinarji kontrihom minħabba rimi ta' skart goff u skart mod ieħor?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti li qed jirreferi għaliha ma’ tagħmilx parti mill-kumpless tal-korsa tal-Marsa u jekk jogħġbu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini jiġu sanitizzati kull darba li jkun hemm ħtieġa. Ix-xogħol ingħata lil min seta' jipprovdi servizz immedjat ta' sanitizzar kemm fl-uffiċini kif ukoll fil-vetturi skond kif meħtieġ.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – teleworking
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tagħha li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qed jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – miżuri minħabba l-COVID-19
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji skont id-direzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – impjegati li mardu bil-COVID-19
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tagħha li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull impjegat li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 mar fi kwarantina. Attwalment, hemm impjegata waħda li tinsab fi kwarantina.