Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar – Triq in-Nevew – Rapporti dwar rampi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm rapporti fuq xi rampi jostakolaw il-bankina fi Triq in-Nevew ġewwa Ħaż-Żabbar? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li dawn jitranġaw biex ikunu aċċessibbli għar-residenti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar li l-Kunsill Lokali m’għandu l-ebda rapport uffiċjali dwar rampi li qed jostakolaw il-bankina fi Triq in-Nevew, Ħaż-Żabbar.

Il-Kalkara – Triq il-Kanun tal-Milja – Żieda fid-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Kanun tal-Milja, il-Kalkara, b’mod partikolari fl-inħawi fejn jinsabu l-bus stops, sabiex ikun hemm aktar viżibilità u sigurtà għall-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, speċjalment matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara li Triq il-Kanun tal-Milja hi mdawla permezz t'arbli li ilhom is-snin fil-post. Il-parti li qed issir referenza għaliha hi parti qasira ta' ftit metri. Intant lura għas-sena l-oħra, fl-estensjoni ta' din it-Triq li llum jisimha Triq Wied Għammieq, ġew installati numru t' arbli ġodda biex iż-żona ddawlet għall-ewwel darba wara tant snin fid-dlam.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Disaster Recovery Plan/Business Continuity Plan

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtha għandhom Disaster Recovery Plan jew Business Continuity Plan formali li jkopru terremoti jew diżastri naturali kbar, u għal kull wieħed jgħid meta ġie aġġornat u meta ġie ttestjat l-aħħar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 3037.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hi responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Short Term Accomodation – informazzjoni dwar il-preżenza u l-impatt tal-proprjetajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru jew id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali ġabrux informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali dwar il-preżenza u l-impatt ta’ proprjetajiet użati bħala akkomodazzjoni għal żmien qasir (short-term accommodation), inklużi dawk offruti permezz ta’ pjattaformi bħal Airbnb, fil-lokalitajiet rispettivi? Jekk iva, tista’ tipprovdi din l-informazzjoni maqsuma lokalità b’lokalità, inkluż kull tagħrif disponibbli dwar ilmenti jew rapporti relatati ma’ storbju, skart, indafa, u pressjoni fuq servizzi jew infrastruttura lokali?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali informazzjoni ma tinġabarx mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.

Karigi ta’ sindki u viċi sindki - Nisa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-rappreżentanza tan-nisa meta mqabbla mal-irġiel f’karigi ta’ sindki u viċi sindki?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li fost it-68 Kunsill Lokali, hemm 23 mara u 113-il raġel li jokkupaw il-karigi ta’ Sindku jew Viċi Sindku.

Is-Siġġiewi – Knisja Parrokkjali – Xogħol fuq iz-zuntier

Question

Fid-dawl li x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi beda f'Jannar tal-2024, tista' l-Ministru tipprovdi data għal meta ser ikun lest fit-totalità tiegħu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar xogħlijiet fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi huma mistennija jitlestew sa tmiem din is-sena.

Artijiet privati – Tindif ta’ skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema ċirkostanzi d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni jew Kunsilli Lokali jistgħu jnaddfu skart minn art privata meta jkun hemm periklu jew inkonvenjent pubbliku, min jawtorizza l-intervent u kif jiġu rkuprati l-ispejjeż mingħand is-sid? Tista’ wkoll tispeċifika n-numru ta’ interventi li twettqu u l-ispiża għal kull waħda mill-aħħar tliet snin?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ma toperax fuq proprjetà privata. Il-ħidma tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni hija relatata prinċipalment mat-tindif u l-manutenzjoni tat-toroq arterjali u tal-postijiet pubbliċi taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii – Sleeping policemen

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jsir sleeping policeman fi Triq Mater Boni Consilii jew fl-akkwati tagħha, fil-Fgura?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li fit-triq imsemmija hemm il-ħsieb li jsiru żewġ sleeping policeman. Waħda ser issir mill-Kunsill Lokali u oħra se ssir minn Transport Malta.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2026?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi t’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt, joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Awwissu 2026?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi t’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt, joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ħal Safi - Ċentru Parrokkjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 676 u 1167 u tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali, f’Ħal Safi? Tista’ tgħid ukoll: i. x’inhuma x-xogħlijiet li saru s’issa u kemm ġew jiswew; ii. x’inhuma x-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u kemm huwa proġettat li ser jiġu jiswew; u iii. meta huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba Parlamentari nru. 3205.

Ħal Safi - Ċentru Pastorali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1166 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull Memorandum of Understanding (MoU) jew tip ta’ ftehim ieħor li jiddetermina minn min u għal liema għanijiet ser ikun jista’ jintuża ċ-Ċentru Pastorali ta’ Ħal Safi ġaladarba qiegħed jiġi restawrat b’fondi pubbliċi? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi restrizzjonijiet dwar l-użu tiegħu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill‑Onor. Interpellant li l‑MoU li sar fir‑rigward taċ‑Ċentru Parrokkjali ta’ Ħal Safi jelenka x‑xogħlijiet involuti u l‑obbligazzjonijiet tal‑partijiet rispettivi. L‑għanijiet li għalihom ser jintuża ċ‑Ċentru Parrokkjali u/jew kwalunkwe restrizzjoni fuq l‑użu tiegħu mhumiex ikkontemplati fl‑MoU, peress li d‑Dipartiment iwettaq proġetti għall‑ġid tal‑komunità kollha mingħajr ma jimponi restrizzjonijiet fuq l‑użu tagħhom. L‑użu taċ‑Ċentru Parrokkjali huwa għad‑diskrezzjoni tal‑Parroċċa ta’ Ħal Safi. Il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali f’Ħal Safi jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu. Ix-xogħlijiet li saru u li għad iridu jsiru huma dawk elenkati fl-MoU li kien ġie ffirmat bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Parroċċa ta’ Ħal Safi. Huwa stmat li x-xogħlijiet ser jiswew madwar €250,000 u li se jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan l-MOU qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta’ Qali – Concert Area – Avvenimenti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 900 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u tgħid liema avvenimenti saru fil-concert area l-ġdida f’Ta’ Qali minn meta nfetħet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru W528.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Lista ta’ konsulenzi

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tagħha matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Matul is-snin 2025 u 2026, ma ngħataw l-ebda konsulenzi mill-Ministeru jew mill-entitajiet tiegħi li kienu relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet.

Ir-Rabat, Malta – Triq il-Ġnien tan-Nigra – Restawr tal-ġibjun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq il-ġibjun li jinsab fi Triq il-Ġnien tan-Nigra, fil-limiti tar-Rabat, Malta, peress illi r-riabilitazzjoni ta’ dan il-ġibjun tkun ta’ benefiċċju kbir għall-bdiewa tal-madwar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull sena jsiru diversi manutenzjonijiet ta’ ġibjuni madwar Malta.