Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtha u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari numru 23717.
Stati Uniti tal-Amerika – Sanzjonijiet kontra persuni Maltin konnessi mal-proġett tal-Power Station tal-Electrogas
Question
In vista illi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istat Uniti ftit tal-ġranet ilu kkonkluda li:
“
.. it has credible information that Keith Schembri and Konrad Mizzi were involved in corrupt acts that included using their political influence and official power for personal benefit
...”; u
“
Mizzi and Schembri were involved in a corrupt scheme that entailed the award of a government contract for the construction of a power plant and related services in exchange for kickback and bribes
”,
tista’ l-Ministru tgħid:
a) X'passi ħadet wara li ħareġ dan ir-rapport sabiex toħroġ il-verità kollha dwar dan il-proġett?
b) Jekk għadhiex, bħala Ministru tal-Gvern responsabbli mill-imsemmi proġett, issostni li l-proġett tal-Power Station tal Electrogas mhuwiex proġett korrott?
c) Jekk kellmuhiex il-Pulizija, bħala Ministru tal-Gvern responsabbli minn dan il-proġett, dwar dak li rrapporta d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu xogħolhom b’mod awtonomu. Nikkonferma wkoll li l-Pulizija ma kellmunix.
Mosta – Triq il-Leġġenda – bdil tal-main tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk Infrastructure Malta ikkoordinatx mal-Waterservices, li taħthom jaqa’ d-Drainage Department, biex jaraw jekk hemmx il-ħtieġa li jinbidel il-main, qabel issir Triq il-Leġġenda fil-Mosta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta kkordinat mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward xogħlijiet fit-triq imsemmija.
Fran tal-ħobż Malti li għadhom reġistrati u joperaw
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn fran tal-ħobż Malti li għadhom reġistrati u joperaw? Tista’ tgħid f’liema lokalitajiet qegħdin dawn il-fran? Tista’ tikkompara dan in-numru mal-aħħar 20 sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Fran tal-qagħaq, galletti u ħelu ieħor reġistrati u joperaw
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn fran tal-qagħaq, galletti u ħelu ieħor reġistrati u joperaw? Tista' tgħid f’liema lokalitajiet qegħdin dawn il-fran? Tista’ tikkompara dan in-numru mal-aħħar 20 sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ sussidji jingħataw il-fran li jaħmu ħobż tal-Malti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fran jistgħu jikkwalifikaw taħt numru ta’ skemi li toffri l-Malta Enterprise. Dawn l-iskemi ta’ assistenza jistgħu jiġu użati skont kif ikun reġistrat in-negozju u skont l-investiment li jsir, inkluż it-tip ta’ negozju msemmi.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial estimates tal-Enemalta plc?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif isir f’kull kumpaniji, l-estimi finanzjarji li qegħdin jiġu mitluba isiru fl-interess tal-operat tal-kumpanija. Dawn huma meqjusa kummerċjalment sensittivi u l-pubblikazzjoni tagħhom tista’ tippreġudika l-interessi tal-kumpanija.
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra u tara għaliex Triq l-Awrekarja fil-Gudja u t-toroq tal-madwar, qegħdin fuq bażi regolari bid-dawl pubbliku fit-triq mitfi għall-ġimgħat twal? Tista’ tara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex ssir it-tiswija neċessarja malajr?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru t-tiswijiet meħtiega mill-Enemalta.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li tliet lanterni fi Triq Blue Grotto Avenue ilhom minn Awwissu li għadda ma jixegħlux? Meta ser jissewwew dawn it-tliet lanterni u fiex tikkonsisti l-ħsara fuqhom? X’inhi r-raġuni li għalkemm saru diversi rapporti fuq din il-ħsara, dawn it-tliet lanterni għadhom ma ssewwewx?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa tal-lanterni fi Triq Blue Grotto Avenue wara li ġiet identifikata ħsara f’cable li jinsab taħt l-art.
Tista' l-Ministru tgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex matul is-sena 2020 u 2021? Kemm qed iħaddmu nies kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Malta Enterprise hi koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax tingħata l-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba.
Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li matul l-2020 u fl-ewwel disa’ xhur tal-2021, il-Malta Enterprise approvat 15 il-proġett li ser jiġu implimentati ġewwa Għawdex. Dawn ser jiġġeneraw 152 impjieg ġdid b’investiment ta 10.4 miljun ewro.
Barraminhekk, il-Malta Enterprise rċeviet 732 applikazzjoni min Għawdex taħt l-iskema tal-MicroInvest bl-ammont approvat bħala Tax Credits jammonta għal 8.97 miljun ewro u f’Cash Grants jammonta għal 478,758 ewro.
Installazzjoni ta’ charging pillar (points) fil-viċinanzi tal-Knisja tax-Xemxija
Question
Tista’ l-Ministru tara li fil-viċinanzi tal-Knisja tax-Xemxija (possibilment fit-triq fejn hemm ix-Xemxija Fire Station ) jiġi installat charging pillar (points) ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejin diskussjonijiet ma l-istakeholders konċernati rigward postijiet/żoni ġodda għall-installazjonijiet tac-charging pillars (points).
San Pawl il-Baħar — Triq l-Alka, Triq ir-Ramel u Triq il-Kaħli – xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23259 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq l-Alka, parti minn Triq ir-Ramel u parti minn Triq il-Kaħli f'San Pawl il-Baħar, fejn ir-residenti ilhom ġimgħat sħaħ bla dawl fit-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-toroq imsemmija saru t-tiswijiet neċessarji mill-Enemalta u ilhom li saru mit-18 ta’ Novembru.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Contracts for Service
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanha ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Tista’ telenkahom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.
Tista’ l-Ministru tikkonferma li minn Ottubru/Novembru 2021 il-postijiet kummerċjali inkluż lukandi li jużaw il-fuel, se jkollhom iħallsu €0.8c iżjed għal kull litru? Peress li l-Prim Ministru u l-Ministri qalu li l-Gvern mhux se jgħaddi piżijiet bħal dawn, tista’ tgħid x’se jsir fil-verità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jkunx involut fi ftehim privat li jsir f’dan ir-rigward bejn negozji u entitajiet kummerċjali privati. Għaldaqstant it-termini, prezzijiet u kondizzjonijiet jiġu negozjati direttament u esklussivament bejn il-partijiet involuti.
Charging pillars (points) – deċiżjonijiet fuq fejn jiġu installati
Question
Tista’ l-Ministru tindika liema sistema qed tintuża u min qed jiddeċiedi f’liema postijiet/żoni madwar Malta u Għawdex qed jiġu installati ċ-charging pillars (points)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jiġu magħżula postijiet/żoni addatati għal dawn iċ-charging pillars (points), isiru laqgħat u konsultazzjonijiet b’mod kontinwu mal-Kunsilli Lokali kkonċernati madwar Malta u Għawdex. Wara li jiġu identifikati dawn il-postijiet/żoni, isiru site visits neċessarji flimkien mal-Enemalta. Din is-sistema se tibqa’ tintuża anke matul dawn it-tliet snin li ġejjin biex inkomplu nidentifikaw iżjed postijiet/żoni għall-installazjoni ta’ dawn iċ-charging pillars (points).