Ħaż-Żebbuġ – Qtugħ fil-provvista tal-ilma – Guaranteed Service Standards Scheme
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk, fil-każ tal-qtugħ fil-provvista tal-ilma f’Ħaż-Żebbuġ bejn it-30 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2026, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) żammitx mal-impenji tagħha taħt il-Guaranteed Service Standards Scheme? Tista’ tgħid ukoll taħt liema kategorija ġie kklassifikat dan il-qtugħ, u jekk ir-residenti affettwati humiex eliġibbli għal kreditu fuq il-kont tagħhom taħt din l-iskema?
Ħaż-Żebbuġ – Qtugħ fil-provvista tal-ilma – Djar u negozji milquta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm djar u negozji f’Ħaż-Żebbuġ intlaqtu mill-qtugħ fil-provvista tal-ilma f’Ħaż-Żebbuġ bejn it-30 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2026, u jekk ġietx offruta provvista alternattiva ta’ ilma lir-residenti?
Ħaż-Żebbuġ – Qtugħ fil-provvista tal-ilma – Ħsara kkawżata minn terza persuna
Question
B’referenza għall-informazzjoni mogħtija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) li l-qtugħ fil-provvista tal-ilma f’Ħaż-Żebbuġ bejn it-30 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2026 kien ikkawżat minn ħsara minn terza persuna, tista’ l-Ministru tgħid min kienet din it-terza persuna, x’xogħlijiet kienet qed tagħmel, u jekk dawn ix-xogħlijiet kinux awtorizzati?
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża tal-qtugħ fil-provvista tal-ilma f’Ħaż-Żebbuġ bejn it-30 ta’ Ottubru u t-2 ta’ Novembru 2026, u tagħti l-ħinijiet f’kull ġurnata li fihom il-provvista nqatgħet u reġgħet ġiet lura?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-każ li qed issir referenza għalih seħħ minħabba inċident fejn kuntrattur liċenzjat li kien qed jagħmel xogħlijiet fit-toroq laqat mejn tal-ilma maġġuri li jissupplixxi l-akkwati u b’konsegwenza t’hekk ġew affettwati 1,980 meter. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet azzjoni minnufih biex il-ħsara ssewwiet mill-istess kuntrattur.
Il-ħinijiet f’kull ġurnata li fihom il-provvista tkun sospiża, jkunu pubblikati fuq is-sit tal-Korporazzjoni -
https://live.wsc.com.mt/publicweb
kif ukoll fuq il-mezzi tal-media socjali, apparti li tintbagħat notifika bil-ħinijiet u t-toroq affettwati lir-residenti u n-negozji kollha abbonati mas-servizz tal-SMS u real time alerts
https://live.wsc.com.mt/PublicWeb/home/alerts
. Nappella lil kull min għadu mhux qed jagħmel użu minn dan is-servizz tant utli, biex jirreġstra għalih ħalli jibda jirċievi aġġornamenti f’każijiet ta’ ħsarat, emerġenzi u anke manutenzjoni pjanata fit-triq tiegħu.
Il-perjodu mingħajr provvista ta’ ilma kien inqas minn 48 siegħa (f’daqqa) u f’dan il-każ il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mxiet mal-Guaranteed Standards Service Scheme-
https://www.servizz.gov.mt/en/Services/web-02102
Ninsab ukoll infurmata li n-notifikazzjonijiet permezz ta’ messaġġi għal dawk abbonati dwar il-qtugħ tal-ilma ntbagħtu kollha. Kien hemm biss xi ħsara teknika fuq il-live map fit-30 t’Ottubru li mbagħad issolviet.
Tista’ l-Ministru tgħid liema żoni f’Birżebbuġa u ż-Żurrieq ingħaqdu mas-sistema tan-New Water u fiex waslu x-xogħlijiet relatati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm bdiewa f’dawn il-lokalitajiet li bħalissa qed igawdu mill-provvista tan-New Water?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħljiet ta’ tqegħid ta’ mejnijiet li se jwasslu n-New Water fil-Lbiċ ta’ Malta jinsab fi stat avvanzat b’iktar minn 90% huma lesti. Għaddejjin ukoll xogħlijiet tar-rinovazzjoni tal-ġibjuni, konnessjonijiet ma’ ġibjuni u installazzjoni ta’ pompi (Ħabel Abjad, Ħal Għaxaq, Ħlantun) kif ukoll xogħlijiet ta’ tkabbir tal-impjant tal-produzzjoni. Ix-xogħlijiet tal-installazzjoni ta’ dispensers u l-konnessjoni tagħhom ma’ networks tal-elettriku u konnettività, għadhom jinbdew kmieni s-sena d-dieħla u jitlestew żona żona.
Fir-rigward tal-bdiewa ta’ Birżebbuġa, infurmata li bħalissa n-network imiss f’partijiet żgħar mil-lokalità u tħalliet il-possibilità li jsiru estensjonijiet f’żoni agrikoli oħrajn. Barra minn hekk, sakemm jitlesta l-proġett, kull bidwi miż-żona li qed issir referenza għaliha f’din il-mistoqsija jista’ jagħmel użu minn dispensers eżistenti fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relattivi tal-pjanijiet kollha biex il-qtugħ tad-dawl li sofra l-poplu Malti u Għawdxi ma jerġax jirrepeti ruħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta qiegħda tkompli twettaq u tavvanza xogħlijiet estensivi ta’ tisħiħ tan-network tal-elettriku f’Malta u Għawdex, bil-għan li tkompli żżid il-kapaċità u r-reżiljenza tas-sistema.
Matul din is-sena ġew kummissjonati ċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tan-Naxxar, tas-Siġġiewi u tal-Imsida, b’investiment ta’ madwar €40 miljun, li komplew isaħħu l-kapaċità, il-flessibbiltà u r-reżiljenza tan-network tad-distribuzzjoni.
Dawn l-investimenti jiffurmaw parti mill-Pjan ta’ Disa’ Snin tal-Enemalta, imniedi f’Jannar 2026, li jistabbilixxi programm fit-tul għat-tisħiħ u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-elettriku f’Malta u Għawdex. Il-pjan jinkludi 15-il Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid, konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex, kif ukoll aktar tisħiħ tan-network u titjib fl-infrastruttura eżistenti.
Fl-aħħar ġimgħat, Enemalta ħabbret sensiela ta’ investimenti ġodda f’Għawdex. Fost dawn, tnieda l-proċess għall-manifattura u l-installazzjoni ta’ żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, filwaqt li qed jiġu avvanzati l-preparamenti għal konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer u żewġ Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda f’Għawdex. Enemalta ħarġet ukoll żewġ sejħiet għall-offerti b’valur totali ta’ kważi €11-il miljun għax-xiri u t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ 33kV f’Għawdex, bħala parti mit-tisħiħ ulterjuri tan-network fil-gżira Għawdxija.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-70 kilometru ta’ 11KV / 33KV cables humiex armoured u jekk le, għaliex ma humiex? Tista’tgħid ukoll fejn ġew manifatturati u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ispeċifikazzjonijiet? Kemm ġew jiswew u kemm inqalgħu ħsarat fuq dawn il-cables minn meta tpoġġew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija identika li għamel qabel din bin-numru 4536.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-70 kilometru ta’ 11KV / 33KV cables humiex armoured u jekk le, għaliex mhumiex? Tista’ tgħid ukoll jekk dawn il-cables humiex magħmulin minn aluminium jew minn copper, fejn ġew immanifatturati u tqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tal-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn il-cables? Kemm ġew jiswew u kemm inqalgħu ħsarat fuq dawn il-cables minn meta tpoġġew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-cables ta’ 11kV u 33kV li jintużaw mill-Enemalta jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-rekwiżiti meħtieġa għan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku. L-għażla tat-tip ta’ cable ssir skont il-livell ta’ vultaġġ, l-użu speċifiku u l-ħtiġijiet tekniċi tal-infrastruttura fejn ikun ser jiġi installat
Fost il-cables użati hemm cables triplex XLPE mhux armoured, kif ukoll cables three-core armoured. Il-cables triplex għandhom protezzjoni permezz ta’ żewġ saffi ta’ MDPE, inner u outer sheath, maħsuba wkoll sabiex jipproteġu l-cable waqt it-tqegħid tiegħu. Il-cables three-core armoured jintużaw ukoll skont ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli. Intużaw kemm cables b’conductors tal-aluminju kif ukoll oħrajn b’conductors tar-ram (copper).
Għaldaqstant, il-fatt li cable partikolari ma jkunx armoured ma jfissirx li jkun ta’ standard jew livell ta’ protezzjoni inferjuri. L-iżvilupp fit-teknoloġija tal-cables, fosthom l-użu ta’ XLPE u MDPE, jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa skont id-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-cable.
Sal-lum ma kienu reġistrati ebda ħsarat naturali attribwibbli għall-cables infushom minn meta ġew installati.
Il-cables jiġu akkwistati permezz tal-proċessi ta’ xiri applikabbli fuq il-bażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Enemalta.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-maximum load f’mega watts fuq l-interconnector minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3738 u tagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont ta’ żmien biex tinġabar mingħand l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3737 u telenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u tispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont ta’ żmien biex tinġabar mingħand l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru.
Marsaskala – BBQ Area fil-Park tal-Inwadar – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-BBQ Area fil-Park tal-Inwadar, f’Marsaskala, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fuq talba tal-Bord tal-Park tal-Inwadar, wettaqna proġett biex pjattaforma tal-konkos, li tifforma parti minn kanal għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, ġiet trasformata f’żona rikreattiva għall-benefiċċju tal-familji u l-viżitaturi tal-inħawi.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tħejjija taż-żona u t-tisħiħ tal-pjattaforma, l-installazzjoni ta’ poġġamani protettivi madwarha, kif ukoll it-tqegħid ta’ settijiet tal-BBQ, kontenituri għall-iskart u l-irmied, kif ukoll bankijiet madwar iż-żona.
Permezz ta’ dan il-proġett, spazju eżistenti ngħata użu ġdid biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi minn aktar faċilitajiet rikreattivi f’ambjent naturali. Project Green qed tkompli tieħu ħsieb it-tindif u l-manutenzjoni kontinwa taż-żona biex din tinżamm fi stat tajjeb għall-użu mill-pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit ta’ San Ġwann t’Għuxa, f’Bormla, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2022, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla talab biex żona f’San Ġwann t’Għuxa, li kienet fi stat t’abbandun, tiġi rijabilitata u trasformata fi spazju aħdar għall-benefiċċju tar-residenti. Is-sit kien fih ammont konsiderevoli ta’ skart u siġar tal-Akaċja, li huma meqjusin bħala speċi invażivi.
Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni bdew fl-2023 minn Project Green u kienu jinkludu t-tindif tas-sit, it-tneħħija tal-ispeċi invażivi, t-tħejjija tal-art u ż-żieda ta’ ħamrija ġdida, kif ukoll it-tħawwil ta’ siġar maturi. B’hekk żona oħra li qabel kienet mitluqa nbidlet fi spazju aħdar attraenti u sostenibbli, filwaqt li Project Green għadha tieħu ħsieb il-manutenzjoni tagħha biex din tibqa’ titgawda mill-komunità.
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hi responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament ma kinitx appuntata f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħi u fil-perjodu ta’ wara d-29 ta’ Mejju 2026 ma saritilha l-ebda ħatra simili.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi parti mill-investiment fuq il-programm ta’ cables u substations ġodda f’Għawdex imħabbar fl-2025 kellhiex l-għan li tnaqqas ir-riskju speċifiku ta’ qtugħ estensiv bħal dak li seħħ fit-28 u d-29 ta’ Awwissu 2026? Jekk le, x’investiment kien ippjanat biex jindirizza r-redundancy tal-provvista ewlenija lejn Għawdex?
Għawdex – Proġett ta’ cables u substations ġodda – Nefqa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa effettiva fuq il-programm ta’ cables u substations ġodda f’Għawdex imħabbar fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u tagħti breakdown skont il-proġett?
B’referenza għat-tħabbira tal-Gvern ta’ Ġunju 2025 dwar l-installazzjoni ta’ aktar minn għaxar kilometri ta’ cables ġodda f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn il-kilometri kienu effettivament tlestew sat-28 ta’ Awwissu 2026, maqsuma lokalità b’lokalità?
Tista’ l-Ministru tgħid meta ġew ikkummissjonati ż-żewġ Distribution Centres li jservu lil Għawdex, x’investiment sar fihom matul l-aħħar għaxar snin u jekk hemmx ippjanati upgrades jew sostituzzjoni ta’ tagħmir f’dawn iċ-ċentri?
Tista’ l-Ministru tgħid liema wieħed miż-żewġ Distribution Centres f’Għawdex ġie affettwat waqt l-inċident tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affettwa lil Għawdex fit-28 u d-29 ta’ Awwissu 2026? Tista' tgħid ukoll x’tip ta’ ħsara seħħet, x’ikkawżaha u kemm naqqset il-kapaċità disponibbli biex jiġi ddistribwit l-elettriku f’Għawdex?
Għawdex – Sistema tal-elettriku – Single points of failure
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx analiżi dwar single points of failure fis-sistema li tforni lil Għawdex, inkluż ir-rotta tal-cables minn Malta għal Għawdex u l-infrastruttura f’Kemmuna? Jekk iva, meta saret u x’kienu l-konklużjonijiet tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba dettaljata li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2674, din it-tweġiba wkoll tapplika għal mistoqsijiet parlamentari oħrajn li ressaq dwar l-istess suġġett.
Il-Gvern, permezz tal-Enemalta, qed ikompli jwettaq programm ta’ investiment fl-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Għawdex, kemm biex isaħħaħ in-network eżistenti kif ukoll biex iżid il-kapaċità, l-affidabbiltà u r-reżiljenza tal-provvista.
Fil-fatt, mill-2025 sal-lum, l-investiment fi proġetti relatati mas-substations u l-cables f’Għawdex laħaq €4,298,871. Permezz ta’ dan l-investiment, kompla jissaħħaħ in-network tal-medium voltage (11kV) u tal-low voltage fil-gżira. Matul dan il-perjodu biss, tpoġġew madwar 15-il kilometru ta’ cables ġodda tal-medium voltage f’diversi lokalitajiet, fosthom ix-Xewkija, il-Qala, Għajnsielem, ir-Rabat, Sannat, il-Munxar, Marsalforn, ix-Xagħra, l-Għarb, Kerċem u l-Għasri. Dan ifisser li tpoġġew ħames kilometri aktar mill-10 kilometri mwiegħda għall-istess perjodu f’Għawdex.
F’Għawdex qed jitmexxew proġetti infrastrutturali oħrajn li għandhom l-għan li jsaħħu b’mod sostanzjali l-konnessjonijiet tal-elettriku bejn Malta u Għawdex. Kif diġà tħabbar, dawn jinkludu żewġ links ġodda ta’ 33kV bejn Malta u Għawdex, kif ukoll konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn iż-żewġ gżejjer. Dawn l-investimenti huma intiżi sabiex iżidu l-kapaċità, ir-reżiljenza u r-redundancy tas-sistema tal-elettriku li tforni lil Għawdex.
Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrijiet pubbliċi tal-Enemalta, li jagħtu aktar dettalji dwar il-programm ta’ investiment iddedikat għal Għawdex. Dan il-programm huwa intiż biex l-Enemalta żżid il-kapaċità tas-sistema u tħejji n-network biex ikun jista’ jilqa’ għad-domanda futura.
Bħala parti mit-tħejjijiet għal dawn il-konnessjonijiet il-ġodda, huwa ppjanat li matul is-sena li ġejja jsiru estensjonijiet tas-switchgear ta’ 33kV fiċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u tal-Qala, kif ukoll fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Vendome. Barra minn hekk, se ssir estensjoni tas-switchgear ta’ 11kV fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija.
Fl-istess waqt, l-Enemalta tkompli tissorvelja u tevalwa kontinwament l-infrastruttura eżistenti li tforni l-elettriku lil Għawdex, inklużi l-feeders ta’ 33kV, ir-rotot tal-cables u l-infrastruttura relatata, bil-għan li jiġu identifikati riskji u tissaħħaħ ir-reżiljenza.
Fir-rigward tal-infrastruttura affettwata mill-ħsarat inkwistjoni, iż-żewġ feeders li seħħew ħsarat fuqhom ifornu liċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u tal-Qala, li ġew ikkummissjonati fl-2017 u fl-1996 rispettivament. Dawn iż-żewġ ċentri huma fornuti miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Kemmuna.
Biex tinżamm l-affidabbiltà tal-infrastruttura eżistenti, l-Enemalta twettaq ukoll programm regolari ta’ manutenzjoni preventiva u monitoraġġ tekniku. Bħala parti minn dan il-programm, isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-switchgear kull sentejn fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Qala u kull tliet snin f’dak tax-Xewkija. Isiru wkoll testijiet tal-partial discharge kull tliet xhur, filwaqt li fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Qala hemm sistema ta’ monitoraġġ kontinwu, 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa.
Dwar il-kriterji li fuqhom l-Enemalta tiddetermina l-kapaċità meħtieġa tas-sistema tal-elettriku u tippjana l-investimenti infrastrutturali tagħha, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2125.
Fir-rigward tal-miżuri operattivi li jittieħdu f’każ ta’ interruzzjoni fil-provvista, l-Onor. Interpellant staqsa dwar l-użu ta’ generators. Ninfurmah li dawn jintużaw skont il-ħtieġa u ċ-ċirkostanzi operattivi. F’eventwalità li jkun hemm ħtieġa li tingħata provvista permezz ta’ generators jew li jsir restawr tal-provvista, l-ewwel prijorità tingħata lill-faċilitajiet tas-servizzi tas-saħħa u lid-djar tal-anzjani.
F’dan il-kuntest, ninsab infurmata li fil-ġurnata inkwistjoni, kemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll Casa Giuseppe, fir-Rabat, baqgħu mqabbdin mal-grid u ma ġewx affettwati minn qtugħ fil-provvista.
Dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni tan-network, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jingħata l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni u l-affidabbiltà tan-network, liema informazzjoni tiġi pubblikata fid-dominju pubbliku permezz tan-
National Report of the Regulator for Energy and Water Services to the European Commission
. Dan ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar in-network tal-elettriku, is-sigurtà u l-affidabbiltà tiegħu, il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda u s-sigurta tal-provvista.
Fir-rigward tal-assistenza lill-konsumaturi affettwati minn interruzzjonijiet fil-provvista, kif jaf l-Onor. Interpellant, dan il-Gvern iħaddem skema ta’ kumpens ex gratia għall-familji u n-negozji milquta. Din l-iskema hija separata mill-proċedura stabbilita għal talbiet għal danni, li permezz tagħha l-konsumaturi jistgħu jissottomettu l-Claim for Damages Application Form tal-Enemalta.
Dwar il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni waqt inċidenti li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku, il-Ministeru dejjem ikun f’kuntatt dirett u kontinwu mal-Enemalta matul l-istadji kollha ta’ inċident, u jinżamm aġġornat dwar l-iżviluppi, l-interventi tekniċi u l-proċess tar-restawr tal-provvista.
Min-naħa tagħha, l-Enemalta tikkomunika pubblikament hekk kif ikollha informazzjoni ċara u verifikata dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident. L-Enemalta tuża diversi mezzi biex iżżomm lill-pubbliku infurmat waqt interruzzjonijiet fil-provvista. Dawn jinkludu l-Live Outage Map, is-servizz tal-SMS għall-klijenti reġistrati, il-Customer Care, il-WhatsApp u Messenger chatbots, kif ukoll aġġornamenti fuq il-mezzi soċjali u informazzjoni lill-media.
L-Enemalta qed tkompli ittejjeb l-aċċess tal-klijenti għall-informazzjoni dwar il-provvista tal-elettriku permezz tas-servizzi diġitali tagħha. Il-klijenti jistgħu jidħlu permezz tal-e-ID u jaraw informazzjoni dwar ħsarat li jkunu qed jaffettwaw direttament il-provvista marbuta mal-kontijiet tagħhom, inklużi ħsarat fuq in-network tal-low voltage.