Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-entità pubblika li attwalment qed taqdi r-rwol ta’ Digital Services Coordinator għal Malta a tenur tar-Regolament tal-UE 2022/2065? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fi ħdan l-entità li qed taqdi din il-funzjoni li allura huma assenjati biex jassistu fil-ħidma tad-Digital Services Coordinator?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) ġiet maħtura bħala d-Digital Services Coordinator.
L-MCA ġiet maħtura bħala Digital Services Coordinator f'Marzu tal-2024. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-MCA investiet, u għadha qed tinvesti, fir-riżorsi tagħha biex twettaq dan ix-xogħol.
B'kollox, hemm primarjament erba’ persuni full-time equivalent involuti b'mod attiv f'xogħol relatat mar-rwol ta' Digital Services Coordinator.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2025?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 29480.
World Expo tal-2025 f’Osaka — Filmat “Catch the Wave, Catch the Opportunity”
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30081 u 30082 li oriġinarjament saru lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jispjega l-proċess li ġie segwit għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka? Jista’ jindika wkoll kif ingħatat il-kummissjoni għall-filmat “Catch the Wave, Catch the Opportunity”, min ipproduċa dan il-filmat u x’kienet l-ispiża?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li l-proċess għall-għażla tal-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-World Expo 2025 f’Osaka sar permezz ta’ proċedura negozjata mmexxija minn Malta Enterprise fl 2023.
Dan ix-xogħol sar minn WEVR, kumpanija internazzjonali bbażata fi New York, magħrufa għal xogħolha fil-qasam ta’ esperjenzi immersivi diġitali u produzzjoni awdjoviżiva. L-ispiża totali kienet ta’ €542,100.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direttivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninstab infurmat li s’issa l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapri¿a u Proġetti Strateġiċi m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat matul it-tieni nofs tas-sena 2025 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Rigali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23957 fejn intqal li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, jista’ l-Ministru jgħid kemm qala’ rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Sindki u Kunsilliera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Interpellant illi ġejt infurmat li hemm 9 impjegati fil-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f’xi rwol f’xi Kunsill Lokali.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25710.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Impjegati full-time u part-time
Question
Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi hemm impjegati 960 impjegat fuq bażi ta’ full time u 13-il impjegat fuq bażi ta’ part time.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament tal-UE 2023/2854?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern, permezz tal-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA), diġà ħa diversi passi konkreti biex iħejji għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2023/2854 dwar l-użu ġust u l-aċċess għad-data, magħruf bħala l-Att dwar id-Data.
1. Twaqqif ta’ Unità Ġdida u Identifikazzjoni tal-Awtoritajiet Kompetenti
L-MDIA waqqfet unità ddedikata għall-Innovazzjoni u l-Governanza tad-Data, bl-għan li tkun punt ta’ riferiment għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi pertinenti relatati mad-data, inkluż l-Att il-ġdid. Intlaħaq qbil dwar l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li se jkunu involuti fl-implimentazzjoni, jiġifieri:
• L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)
• Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC)
• L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta(MDIA)
2. Konsultazzjoni u Kollaborazzjoni
Saru diversi laqgħat ma’ stakeholders mis-setturi pubbliċi u privati biex jinġabru fehmiet dwar l-impatt potenzjali tal-Att fuq l-ekonomija diġitali, u biex jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-implimentazzjoni tiegħu.
3. Konferenzi u Attivitajiet ta’ Sensibilizzazzjoni
L-MDIA organizzat ukoll avveniment nazzjonali speċjalizzat dwar l-ekonomija tad-data, li laqqgħet esperti lokali u internazzjonali. L-avveniment indirizza temi relatati mal-aċċess għad-data, is-sovranità diġitali u l-implimentazzjoni tar-Regolament.
Inizjattivi oħra ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni ġew imnedija sabiex l-istakeholders ikunu ppreparati għall-obbligi li jidħlu fis-seħħ f’Settembru 2025 u Settembru 2026, b’rabta mal-aċċess dirett għad-data u l-obbligu li prodotti jiġu mfassla b’dan l-aċċess in mente.
Huwa pjanat li tiġi organizzata sessjoni oħra ta’ informazzjoni u djalogu f’kollaborazzjoni ma’:
• Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija
• Il-Kamra tal-Intrapriżi żgħar u Medji
• Servizzi Ewropej Malta
• L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA)
4. Parteċipazzjoni Internazzjonali
Malta qed tipparteċipa attivament fil-livell Ewropew, b’rappreżentanza fil-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni tad-Data (European Data Innovation Board) u fi gruppi ta’ ħidma relatati mal-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-parteċipazzjonijiet qed jippermettu lil Malta tikkontribwixxi b’mod dirett għall-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni armonizzata tar-Regolament madwar l-UE.
5. Implimentazzjoni Leġiżlattiva Nazzjonali
Diġà ġiet abbozzata leġiżlazzjoni sussidjarja biex jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi nazzjonali tal-implimentazzjoni, u bħalissa tinsab fl-aħħar fażijiet tal-pubblikazzjoni uffiċjali.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23940, jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti / servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati fis-sena 2024?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tal-mistoqsija parlamentari 27935.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29035 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid jekk hemmx pjanijiet għal bidliet fil-liġi dwar storbju li jkun ġej minn stabbilimenti, li qed ikun ta’ inkonvenjent għal pubbliku ġenerali?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern dejjem lest li jisma’ u jfittex li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
F’każ ta’ storbju li jkun ta’ inkonvenjent, il-pubbliku jista’ jirrapporta lill-Awtoritajiet kompetenti biex tkun tista tittieħed azzjoni skont il-każ kif diġà tippermetti l-liġi preżentement.
MCA — Ilmenti dwar ksur tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ilment sar mal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) fir-rigward ta’ xi allegat ksur tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali? Jekk saru, jista’ jgħid kemm minnhom kienu minn persuni residenti u persuni li huma lokati f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) irċeviet (17) sbatax-il ilment dwar allegat ksur tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), u li minnhom, (14) erbatax kienu minn persuni residenti jew stabbiliti f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-gvern dwar l-imħażen enormi li hemm fejn l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) f’Bormla li jinsabu fi stat mitluq u ta’ abbandun?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza Parlamentari kważi identika għal din bin-numru 23459.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Remote working - teleworking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 482-il ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ remote working u hemm 101-il ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ teleworking.
Ninsab infurmat ukoll li ċertu entitajiet jadottaw policy flessibbli fejn kull ħaddiem (jekk in-natura tax-xogħol tagħhom jippermetti) huwa intitolat biex jagħmel użu minn remote working għall numru ta’ ġranet fil-ġimgħa.
Fir-rigward ta’ kull entità pubblika (irrispettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, jista’ l-Ministru jelenka sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u skont l-entità kkonċernata:
(i) kemm hemm avukati full-time u/jew part-time, impjegati mal-entità kkonċernata u f’kull każ jgħid x’inhu l-grad tagħhom; u
(ii) kemm hemm attwalment avukati jew ditti tal-avukati li mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer, u f’kull każ jgħid liema huma d-ditti tal-avukati jew l-avukat konċernat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi jħaddmu magħhom 34 l-avukat, filwaqt li hemm 6 Avukati u 11-il kumpanija li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ retainer.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Safar fuq xogħol uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.
Ħal Qormi – Ġnien Federico Maempel – Proġett ta’ riġenerazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-preparamenti sabiex jinbeda l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-bandli li jinsab fi Ġnien Federico Maempel? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni f’liema perjodu u sena huma mistennija li jibdew tali xogħlijiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni għall-proġett imsemmi ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-1 ta’ Lulju 2025. Għaldaqstant, x-xogħllijiet mistennija li jibdew wara t-trepass ta’ 30 ġurnata kif meħtieġ bil-Liġi, suġġett li l-permess ma jiġix appellat minn terzi.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28805.