Għawdex u Kemmuna — proprjetajiet mogħtija b’encroachment
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9542 u ċjoé: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7816 dwar il-lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum, inkluż lil min ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitlubin iħallsu ġewwa Għawdex u Kemmuna, jista’ l-Ministru jżid mal-lista tal-mistoqsija parlamentari 7816 wkoll, kull proprjetà li ngħatat b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum u jsemmi r-raħal, triq jew l-area ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux kulħadd ħallas b'mod regolari r-rati applikabbli?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tibgħat il-kontijiet relatati ma permessi ta’ encroachment b’mod regolari.
Infurmat ukoll mill-Awtorità tal-Artijiet li sabiex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa u bi preċiżjoni, hemm bżonn ta’ aktar żmien sabiex din tingħata.
Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Għall-perjodu 2022 sal-lum, jien infurmat illi l-Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet , inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċivew 407 talba. Minn dawn, 89 intlaqgħu, 162 ma ntlaqgħux waqt li 156 talbiet għadhom qed ikunu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u f’kull każ jgħid:
(a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u
(b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10556 u 11857 u ċjoè: Fid-dawl li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat is-somma ta’ €270,000 f’għajnuna minn fond Ewropew taħt l-Iskema ERDF u fid-dawl li mill-istess fond ingħatat is-somma ta’ €450,000 lil kumpanija oħra li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ dawk kollha li bbenefikaw minn dan il-fond mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw dawn il-fondi u min huma l-membri tal-bord li jagħmlu din l-għażla?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk kollha li bbenefikaw mill-iskemi ERDF mis-sena 2017 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni hija disponibbli għal kulħadd fuq www.fondi.eu. Din il-website tiġi aġġornata minn tal-inqas darbtejn fis-sena. Din hija parti minn inizjattiva ta’ trasparenza marbuta ma’ Fondi Ewropej u l-użu tal-istess fondi biex il-pubbliku ġenerali ikollu viżibilità ta’ kull min qiegħed jibbenefika minn dawn il-fondi.
Il-proposti għall-proġetti għall-kofinanzjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni jiġu evalwati abbażi ta’ Kriterji ta’ Eliġibbiltà u Selezzjoni li jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ. Dan il-kumitat ġie ffurmat skont l-Artikoli 49 u 110 tar-Regolament (EU) 1303/2013 għall-Programm 2014-2020. L-irwol tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ (MC) hu li jaċċerta l-effettività u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi. Membri f’dan il-Kumitat jinkludu rappreżentanti ta’ diversi entitajiet tal-Gvern, fosthom Segretarji Permanenti li jirappreżentaw kull Ministeru, kif ukoll imsieħba ekonomiċi u soċjali li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili. Uffiċjali għolja mill-Kummissjoni Ewropea jipparteċipaw f’dan il-kumitat f’kapaċità konsultattiva, filwaqt li uffiċjali mill-Fond Ewropew tal-Investiment u mill-Bank Ewropew tal-Investiment jipparteċipaw skont in-neċessità.
Il-Kumitat tal-Għażla tal-Proġetti jevalwa l-proposti ta’ proġetti skont il-Kriterji ta’ Eliġibbiltà u Selezzjoni approvati mill-Kumitat hawn fuq indikat. Il-Membri tal-Kumitat tal-Għażla tal-proġetti ikun kompost minn uffiċjali għolja tal-Gvern.
San Ġiljan — Bajja ta' San Ġorġ - encroachments ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11859, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10555 dwar encroachments ġodda għall-Bajja ta’ San Ġorġ, ġewwa Paceville, San Ġiljan, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proċess li qed jirreferi għalih fl-istess tweġiba?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10555.
Stabbilimenti tal-ikel u x-xorb — Tnaqqis fir-rata tal-VAT
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex inaqqas ir-rata tal-VAT lill-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb biex jagħti nifs lil dan il-qasam minħabba ż-żieda fl-ispejjeż?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm massage parlours f’pajjiżna? Kemm minnhom qegħdin f’Malta u kemm qegħdin f’Għawdex?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellat li l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet mhux responsabbli għall-ħruġ ta’ Liċenzji għal “Massage Parlours” u għaldaqstant ma jistax iforni l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Gentlemen’s Clubs f’pajjiżna? Kemm minnhom qegħdin f’Malta u kemm qegħdin f’Għawdex?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellat li l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet mhux responsabbli għall-ħruġ ta’ Liċenzji għal “Gentlemen Clubs” u għaldaqstant ma jistax iforni l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (EU) 2022/2065? Jista' jgħid ukoll jekk għadx jonqos li titwettaq xi ħidma oħra sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-19 ta' Ġunju ta' din is-sena, il-Gvern ippubblika għal konsultazzjoni pubblika, abbozz leġiżlattiv fil-forma ta' Ordni intitolat 'The Digital Services Act (Designation and Enforcement) Order, 2023' taħt il-kappa tal-Kap. 418 (Att għat-Twaqqif ta' Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni) u l-Kap. 460 (Att dwar I-Unjoni Ewropea) li fost oħrajn qed jipproponi sett ta' normi intiżi li jindirizzaw il-partijiet tar-Regolament (UE) 2022/2065, dwar l-implimentazzjoni, kooperazzjoni, penali u infurzar. F'dan l-abozz il-Gvern kien qiegħed ukoll jipproponi li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) tiġi deżinjata bħala Koordinatur tas-Servizzi Digitali ('DSC'). Din l-Ordni trid issir sas-17 ta' Frar 2024, u tiddaħħal fis-seħħ dakinhar hekk kif stipulat fl-istess Regolament tal-UE.
L-MCA qed tipparteċipa b'mod attiv fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea li qed ilaqqgħu fost oħrajn rappreżentanti ta' dawk l-entitajiet maħsuba li jkunu deżinjati bħala Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, biex jiddiskutu it-tħejjijiet li qed isiru mill-Kummissjoni Ewropea u mil-pajjiżi membri bi preparament għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dan ir-Regolament.
Biex tipprepara għall-obbligi tagħha bhala DSC kif stipulat fir-Regolament, l-MCA qed taħdem biex issaħħaħ il-kapaċità u l-proċessi interni tagħha. L-Awtorità daħlet ukoll f’Memorandi ta' Ftehim (MoUs) mad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u I-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), il-Kummissarju għat-Tfal, u I-Kummissarju għall-lnformazzjoni u I-Protezzjoni tad-Data (IDPC). Dawn I-MoUs qed isiru sabiex jiġi assigurat kooperazzjoni u infurzar iżjed effettiv f’oqsma ta' kompetenzi relatati. Ftehim ieħor qed jiġi żviluppat bejn l-MCA u l-Pulizija ta' Malta.
Biex jiżdied l-għarfien, l-MCA bdiet ukoll twettaq inizjattivi edukattivi u ta' informazzjoni biex tinforma entitajiet pubbliċi, in-negozji, u l-pubbliku ġenerali dwar l-impatt ta' dan ir-Regolament.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11905 u jagħti tagħrif dwar kemm daħlu applikazzjonijiet għall-fidi ta' ċnus skont SKEMA 19? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati u kemm hemm minnhom li għadhom qed jiġu proċessati u x’qed iżomm milli l-każijiet pendenti jitlestew?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
· Sal-aħħar ta’ Settembru 2023 daħlu 1665 applikazzjoni taħt l-Iskema 19.
· Minn dawn l-1665 applikazzjoni, l-Uffiċċju Konġunt għadda lill-Awtorità tal-Artijiet 737 applikazzjoni (wara li jkun tlesta l-vetting inizjali).
Mis-737 applikazzjoni, l-Awtorità tal-Artijiet tikkonferma li:
337 ġew konklużi;
137 qed jinħadmu – minnhom waslu għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt u hemm minnhom qed nistennew xi dokumenti mingħand l-applikanti;
263 fil-waiting list sabiex jinħadmu.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8402, 9013 u 11684 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ artijiet pubbliċi li nbiegħu jew inkrew lil terzi mill-Awtorità tal-Artijiet mill-1 ta’ Jannar tal-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika għal kull art jekk inkrietx jew inbiegħetx, permezz ta’ liema proċess sar il-kiri jew il-bejgħ u lil min ingħataw, għall-artijiet li nkrew jgħid kemm hija l-kirja li titħallas fis-sena, u għall-artijiet li nbiegħu jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern irċieva għal tali bejgħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Intetperllant li f’Jannar tal-2013, l-Awtorità tal-Artijiet ma kenitx teżisti, hekk kif l-Awtorità tal-Artijiet twaqqfet fil-25 ta’ April 2017. Għaldaqstant qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minn meta twaqqfet l-Awtorità sal-lum.
Attachments:List 12262 Lease.pdfList 12262 Sale .pdf
Awtorità tal-Artijiet — Forti Binġemma – żgumbrament
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11678 u jgħid kemm ilha għaddejja l-komunikazzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar bħala parti mill-isforzi li qegħdin isiru sabiex il-persuni li qegħdin jokkupaw il-Forti Binġemma b’mod illegali tinstabilhom akkomodazzjoni alternattiva qabel ma jiġi fis-seħħ l-iżgombru?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Artijiet titkellem spiss mal-Awtorità tad-Djar sabiex f’każijiet ta’ żgombru bħal dawn tinstab soluzzjoni li ma tħallix xi individwi mingħajr saqaf fuq rashom. F’dan il-każ, il- proċess ta’ żgumbrar beda diġà, u f’dan sejjer ikun hemm l-assistenza tal-Awtorità tad-Djar f’każ illi jkun hemm bżonn li tinstab akkomodazzjoni alternattiva għal xi individwi, u dan skont policies u procedures eżisteniti ta’ allokazzjoni tal-istess Awtorità tad-Djar.
Malta, Għawdex u Kemmuna — Kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħand l-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew kontribuzzjonijiet finanzjarji Malta, Għawdex u Kemmuna mingħand l-Unjoni Ewropea, sena b’sena, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema proġetti ntefqu dawn il-flus?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba, sena b’sena mill-2014 sal-lum fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex liema fortifikazzjoni storika tjinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? X'beħsiebha tagħmel l-Awtorità biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? Għaliex l-Awtorità qed tkaxkar saqajha fuq dan is-sit storiku u ma tgħaddix dan is-sit lil Din l-Art Ħelwa, hekk kif kien il-ħsieb li jsir?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tikkunsidra liema hu l-aħjar metodu sabiex tiddisponi minn din il-proprjetà favur il-ħarsien u r-riabilitazzjoni tagħha, u dan ġaladarba jiġu aċċertati u magħluqa b’mod definittiv il-kwistjonijiet legali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-artikoli 218 u 316 tal-Att dwar il-Kumpaniji għadhomx sospiżi permezz tal-Avviż Legali 373 tal-2020 li ġie ppromulgat matul il-pandemija?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-emendi meħtieġa jinsabu fi stat finali u l-Ministeru qed jieħu l-passi neċessarji sabiex dawn l-artikli ma jibqgħux sospiżi.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-okkupanti ngħataw mill-Awtorità tal-Artijiet b’enfitewsi l-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.