Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15035 u ċjoè: Kemm ilu li ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, jista’ l-Ministru jgħid min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni inkluż il-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permananeti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm ilu Ministru hu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Bordijiet - lista ta' persuni appuntati
Question
JIsta' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15036 u 14864 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li huma appuntati fuq diversi bordijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu kif ukoll jgħid xi kwalifiki għandhom għal dik il-kariga u x’remunerazzjoni qed jieħu għal dik il-kariga kull wieħed u waħda minnhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15037 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u min serva fihom sena b’sena u bord b’bord mill-2013 lil hawn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15434 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14925 u 15170, jista’ l-Ministru jikkonferma hux minnu li f’April li għadda ħarġu struzzjonijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex is-sistema tal-Class Support li ġiet introdotta fil-Kindergarten 1 tiġi xolta? Jekk dan huwa minnu x’kien il-ħsieb wara dawn l-istruzzjonijiet? Peress li dan kien parti mill-ftehim kollettiv jista’ jgħid jekk kienx hemm ftehim mal-union dwar dan? Jekk dan mhux minnu, jista’ jgħid jekk il-capacity building sarx u jekk l-LSE Class Support hux se jkun kif stipulat fil-Ftehim Settorali?
Response (BONNICI, OWEN)
Le mhux minnu. Nista' nikkonferma li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jitkellem il-ħin kollu mal-MUT.
Studenti assenti fit-tagħlim li qed jingħata online
Question
JIsta' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15439 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14254, jista’ l-Ministru jippubblika statistika, ta’ kemm studenti kienu assenti fit-tagħlim li qed jingħata online f’xi forma jew oħra, li kien informa lil din il-Kamra li qed tinġabar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont survey li sar bejn is-6 u t-13 ta’ Mejju, 2020 mid-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali li għalih wieġbu 1910 edukatur, 63% tal-edukaturi qalu li l-maġġoranza tal-istudenti tagħhom kienu qed jipparteċipaw fit-tagħlim online.
Dan is-survey sar kif maqbul mill-Working Group li twaqqaf speċifikament fuq it-tagħlim
online
u l-kurrikulu. Sommarju ta’ uħud mill-punti li ħarġu mis-survey qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-11,000 u fuqhom li huma bla xogħol huma rġiel u kemm nisa? Kemm minnhom għandhom iktar minn 50 sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li ċ-ċifra kwotata fil-mistoqija tirreferi għal data miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Università ta’ Malta u MCAST – residenti Għawdxin li gradwaw
Question
A rigward is-sena akkademika 2018 - 2019, jista' l-Ministru jinforma l-Parlament kemm kien hemm residenti Għawdxin li ggradwaw mill-Università ta' Malta u mill-MCAST ? Jista' jindika wkoll kemm minn dawn kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Jista' jindika wkoll minn liema fakultajiet, istituti, dipartimenti eċċ gradwaw dawn il-persuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15511 u jgħid meta SportsMalta ser tgħaddi s-sit f’Ħal Luqa (li kellu jgħaddi għand SportMalta mingħand Malta Industrial Parks fl-2019) lil Valletta FC biex il-club ikun jista’ jibda x-xogħlijiet tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-ġimgħat li ġejjin ser tiġi intavolata r-riżoluzzjoni parlamentari li permezz tagħha l-Parlament ser jintalab japprova l-kuntratt ta’ trasferiment tal-art inkwistjoni b’titolu ta’ emfitewsi temporanja minn SportMalta għal Valletta Football Club.
B’referenza għall-proposti relatati mal-imxija tal-COVID-19 li ressqet l-Oppożizzjoni b’rabta mal-għajnuna lill-għaqdiet u klabbs sportivi, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dawn l-istess għaqdiet u klabbs sportivi humiex se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis/sussidju/eżenzjoni fuq ħlasijiet relatati ma’ affiljazzjoni kif ukoll minn ħlasijiet fuq kirjiet dovuti lil Sport Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13535 u jgħid jekk il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) hux se tkun qed tħallas lil dawk kollha li jaħdmu magħha fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, inkluż dawk part-time bħal Child Support Workers, Play Workers u oħrajn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-servizz ta’ Klabb 3-16 sal-ġimgħa l-oħra kien qed jitwassal onlajn u għalhekk il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ser tkun qed tħallas lill-ħaddiema part-time bħal Child Support Workers, Play Workers u oħrajn. Minn nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju ftaħna Skolasajf u għaldaqstant erġajna lura għan-normalità.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15034 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14863, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż il-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż tas-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-Direttorati, il-bordijiet, il-kunsilli u l-awtoritajiet? Jista’ jagħti l-lista ta’ kull persuna li qiegħda taħt xi forma ta’ kuntratt ta’ xogħol simili bħal konsulenza, contract of service u contract for service? Għal kull wieħed minn dawn jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-persuna, x’esperjenza u kwalifiċi relatati għandu, dwar xiex qed jagħti konsulenza, f’liema entità qed jagħti konsulenza, x’salarju, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha dik il-persuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm persuni li jaħdmu fil-Gaming Industry? Kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, fl-aħħar ta’ Novembru 2019, li huma l-aħħar ċifri ppublikati, in-numru ta’ persuni li jaħdmu fil-Gaming Industry kien ta’ 8,973 li minnhom 2,717-il persuna kienu Maltin filwaqt li 6,256 persuna kienu barranin.
Ħal Tarxien – manutenzjonijiet fuq l-iskola primarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni se jsiru fix-xhur li ġejjin fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li fl-iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien għaddej xogħol ta’ tikħil, tibjid u żebgħa ġewwa l-klassijiet, kuriduri, bankijiet tal-ħadid u diversi kanċelli. Qed tiġi installata tinda fil-bitħa bejn blokk u ieħor u se jsir renovar/tibdil f’faċilitajiet sanitarji.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ l-aħħar tender għax-xiri ta' laptops għall-edukaturi tal-iskejjel tal-istat? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm kumpaniji li applikaw għal dan it-tender u b'liema ammont intrebaħ it-tender? Kemm ġie jiswa kull laptop?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-aħħar tender għax-xiri ta’ laptops għall-edukaturi tal-iskejjel tal-istat ħareġ fl-1 ta' Novembru 2019 bl-isem “CT 2266/2019 - Tender for the Supply of Energy Efficient Laptop Devices for Educators”.
Għal dan it-tender kien hemm erba’ kumpaniji li ssottomettew l-offerta tagħhom.
It-tender intrebaħ bil-valur globali ta’ € 3,959,385.30 VAT eskluża.
Il-prezz għal kull laptop huwa ta' € 593.70 (VAT eskluża) li jinkludi wkoll 5 snin garanzija, 5 snin Service Level Agreement u 5 snin polza tal-assikurazzjoni “accidental damage”.
Ġenituri li weħlu multa għax naqsu li jibagħtu tfal l-iskola — ħlasijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15496 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u li issa ġiet riferuta lilu jindika kemm mill-887 ġenitur li weħlu multa għax naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola fis-sena skolastika 2018 – 2019, ħallsu din il-multa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ma jkollux informazzjoni dwar in-numru ta’ ġenituri li weħlu multa għax naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola. Nixtieq nikkjarifika wkoll li l-figura ta’ 887 li ġiet ikkwotata mill-Onor. Interpellant tirreferi għan-numru ta’ studenti li kienu assenti mill-iskola b’mod konsistenti u mingħajr raġuni inkluża dik medika matul is-sena skolastika 2018-19.
Persuni li naqsulhom is-sigħat ta' ħidma minħabba COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15427 u 15273 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u li issa ġew riferuti lilu u jgħid kemm kien hemm ħaddiema li naqsilhom in-numru ta’ sigħat li jaħdmu fil-ġimgħa, tul il-perjodu tal-COVID-19, mis-7 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom kienu full-time u kemm kienu part-time?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fil-Mosta jkun hemm ukoll il-possibilità ta' tagħlim tal-biżżilla, permezz tal-iskema tal-life long learning u dan minkejja li għal xi raġuni l-kunsill lokali tal-Mosta naqas milli japplikagħal parteċipazzjoni f'din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija l-għażla tal-Kunsill Lokali liema korsijiet jixtieq li jingħataw fil-lokalità tiegħu permezz tal-ftehim mad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Min-naħa tiegħu, id-Direttorat jagħti korsijiet f’diversi crafts, inkluż fil-bizzilla, fiċ-ċentri amministrati minnu madwar Malta u Għawdex. Id-Direttorat jibqa’ dejjem kommess li jipprova jaqdi l-ħtiġijiet tal-komunità.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15442 fejn il-Ministru qed jgħid li l-Malta Racing Club huwa klabb awtonomu, jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-Chairman u l-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Malta Racing Club jaħtarhom hu? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni? Min minnhom jaħdem fil-Ministeru tiegħu inkluż fis-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari? Jista’ jgħid jekk il-Korsa tal-Marsa llum hiex tal-Gvern jew tal-Malta Racing Club? Jista’ jispjega wkoll x’qed jifhem b’awtonomija lil hinn milli t-tiġrijiet iseħħu taħt regoli indipendenti mill-gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li kif diġà jaf huwa minnu li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill tal-Malta Racing Club jaħtarhom il-Ministru tal-Edukazzjoni, jaf ukoll illi l-operat tal-Kunsill huwa awtonomu.
Il-Kunsill tal-Malta Racing Club huwa kompost mis-sinjuri Edwin Borg (Chairman), Peter Caruana, Anthony Mifsud, George Farrugia, Joe Zerafa, li huma maħtura mill-Gvern, u Brian Zammit, Nicholas Cachia u Kevin Debono, li huma r-rappreżentanti tal-assoċjazzjoni tas-sidien taż-żwiemel u l-ġerrejja. Nikkonferma li l-ebda wieħed minn dawn il-persuni ma jaħdem la fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u wisq anqas fis-Segretarjat Parlamentari.
Bħalma jaf ben tajjeb l-Onorevoli interpellant il-Korsa hija tal-Gvern iżda amministrata fl-intier tagħha mill-Malta Racing Club, u filfatt l-awtonomija ma tikkonsistix biss mir-regoli tat-tiġrijiet taż-żwiemel iżda fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel, inkluż l-operat u l-manutenzjoni tal-Korsa.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġew finalizzati l-protokolli ta’ saħħa u sigurtà li se jiġu addottati għal SkolaSajf li se tiftaħ mill-ewwel ta’ Lulju, peress li sal-lum ma ġie ppubblikat xejn? Jista’ jippubblika dawn il-protokolli? Jista’ wkoll l-Ministru jippubblika r-risk assessments li saru qabel fetħet SkolaSajf u jgħid min għamel dawn ir-risk assessments u xi kwalifiki għandu biex għamel dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Ministeru ppubblika l-linji gwida għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel u t-tagħlim li jsir matul is-sajf.
Fil-każ tal-iskejjel tal-Istat fejn ser isir Skolasajf għandna diġà l-H&S Risk Assessments u ttieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex isiru risk assessments oħra skont il-linji gwida.
Ftuħ ta' skejjel wara l-għeluq minħabba l-COVID-19 — working group
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14862 li kienet titlob informazzjoni dwar minn min hu magħmul il-
working group
li qed ifassal il-qafas għat-tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel wara l-għeluq minħabba l-COVID-19; u wara li l-Ministru stqarr li kien ilu minn April qed ifassal qafas fuq ħames xenarji probabli li għalihom qed jittieħdu l-prekawzjonijiet fuq 5 livelli; jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjan hux lest? Jista’ jgħid min fassal il-pjan? X’ġie implimentat s’issa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan imfassal?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-pjan qed ikun ikkordinat mill-Ministeru u huma involuti d-Dipartimenti kollha, l-istituzzjonijiet edukattivi konċernati, bħalma huma l-MCAST u l-Università ta' Malta.
Qed isiru wkoll laqgħat ma' rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, mal-unjin tal-għalliema u mal-assoċjazzjoni tal-ġenituri ta' tfal fi skejjel tal-Istat.
Eventwalment, il-pjanijiet ikunu pubbliċi bħalma kienu dawk dwar l-għeluq tal-iskejjel, il-ftuħ taċ-ċentri tal-edukazzjoni bikrija, u tal-iskejjel tas-sajf inkluż il-klassijiet ta' reviżjoni taċ-ĊES, il-klabb 3-16 u tagħlim ieħor għal matul is-sajf.