Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #22352 Sitting 493 2021-10-06 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — ħaddiema self-employed

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema impjegati self-employed sabiex jagħtu servizz lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, sena b'sena mill-2010 'l hawn u x'inhi n-natura tal-ingaġġ tagħhom? Kemm hu t-tul ta' dawn il-kuntratti ta' ingaġġ u r-rimunerazzjoni li tingħata għal dawn l-ingaġġi? Kemm minn dawn il-ħaddiema jagħtu servizz f'Malta u kemm minnhom f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma l-Onor. interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #22124 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

COVID-19 – edukaturi vulnerabbli li ħadmu mid-dar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' edukaturi vulnerabbli, fl-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, li ħadmu mid-dar minħabba l-imxija tal-COVID-19 matul is-sena skolastika li għaddiet? Tista’ tgħid ukoll liema kienu s-suġġetti mgħallma minn dawn l-għalliema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 352 edukaturi vulnerabbli fl-Iskejjel tal-Istat skont il-protokolli tal-Awtorità tas-Saħħa li kienu fis-seħħ matul is-sena skolastika li għaddiet. Infurmata wkoll li fl-iskejjel tal-Knisja kien hemm 22 għalliem li għallem mid-dar minħabba li kien meqjus bħala vulnerabbli, filwaqt li din l-informazzjoni ma tinġabarx mill-iskejjel indipendenti. Is-suġġetti li kienu jgħallmu l-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat huma: Suġġett Kindergarten Educator Philosophy Ethics Multi Sensory Room Design & Technology Information Technology Biology Computer Studies / Computing / IT / ICT Chemistry Social Studies Reliever within College Migrant Inducation Program Complementary Assessment for Learning Hospitality Primary Care Work Fabrication Italian PSCD Maltese Geography Woodwork Integrated Science Physics Physical Education Music ICT German English Textiles & Fashion Maths ECEC Spanish Home Economics Art European Studies French History
Leg 13 PQ #22222 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

FTS — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati l-Fondazzjoni għall-Skejjel t’Għada (FTS)? X’inhuma l-gradi? Tista’ tagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju ta’ kull grad mill-Kap Eżekuttiv ’l isfel? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigramma tal-Fondazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada hemm 48 impjegat. Il-gradi u s-salarji kif ukoll l-organigramma tal-Fondazzjoni huma kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #22223 Sitting 492 2021-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

FTS – SERVIZZI PROFESSJONALI KKUNTRATTATI

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista ta’ servizzi professjonali li kkuntrattat l-FTS fl-aħħar seba’ snin? Min huma dawn is-service providers?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema servizzi professjonali qiegħed jirreferi.
Leg 13 PQ #21929 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rapport tan-National Productivity Board

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19415 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid għalfejn l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna għat-tnedija tar-Rapport tan-National Productivity Board fit-18 ta’ Frar 2021?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 13 PQ #22054 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli — amministraturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn minkejja li l-kulleġġ Mikiel Anton Vassalli huwa liċenzjat bħala Higher Education Institution il-persuni li jmexxu dawn l-iskejjel qed jitqiesu bħala sempliċiment amministraturi ta’ ċentri? Tista’ tgħid għalfejn minkejja ruling tal-Ombudsman l-erba’ amministraturi taċ-ċentri tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli ġew msejħa Children of a lesser God, il-gvern qed ikompli jinjorahom u jżid l-inġustizzja fil-konfront tagħhom? Tista’ tgħid jekk dawn huma biss ċentri u mhux skejjel kif jagħmlu parti minn kulleġġ u jekk huma skejjel għalfejn dawk li jmexxuhom mhux jitqiesu bħala kapijiet ta’ skejjel minkejja li jaqdu l-istess funzjoni u dmirijiet u forsi anki iktar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi kkunsidrat riforma f'dawn l-iskejjel speċjalizzati sabiex inkomplu nsaħħu u ngħollu l-istandards tat-tagħlim li jingħata lill-istudenti li jsegwu dawn il-korsijiet.
Leg 13 PQ #22055 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli – liċenzji

Question

Tista’ l-Ministru tispjega, kif wara li ftit ilu, l-Kulleġġ MAVC ġie liċenzjat bħala further & higher education instititution se jibqgħu jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet tal-liċenzja, fosthom numru ta’ doveri (IQA) li jridu jiġu mħarsa sabiex l-imsemmija liċenzja tibqa’ valida? Jekk skont direttivi mogħtija dan l-aħħar mill-MUT jidher li l-imsemmi IQA mhux ser jibqa’ jiġi onorat, tista’ tispjega l-fatt kif din il-liċenzja ser tibqa’ valida?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li bħal f'kull każ fejn tingħata liċenzja, jekk min qed imexxi dawn iċ-ċentri ma jimplimentax l-IQA fiċ-Ċentru tiegħu jew tagħha, il-liċenzja ma tibqax valida u tintilef.
Leg 13 PQ #22056 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Averages tal-eżamijiet tal-Year 8 u 9 fil-Matematika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-averages fl-eżamijiet tal-Year 8 u Year 9 fil-matematika u kif jitqabblu mal-marki tal-istess studenti fis-sentejn li għaddew? Tista’ tgħid irċevietx ilmenti li min is-soltu jkollu gradi tajbin f’dan is-suġġett issa mar ħażin minn skejjel fil-Ħamrun, fin-Naxxar, f’Ħal Kirkop u fi skejjel oħra? Tista’ tgħid irċevitx ilmenti li dan qed joħolqilhom stress? X’qed jiġri? Tista’ tgħid x’ġara biex saru l-karti tal-eżami u biex ġew ikkoreġuti? Huwa minnu li l-għalliema raw biss il-marki imma mhux il-karti kkoreġuti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li f’analiżi li għamel il-Professur Mark Borg, wera li meta ra r-riżultati miksuba mill-istess grupp ta’ studenti li kienu jattendu l-iskejjel sekondarji, fis-suġġett indikat mill-Onorevoli Interpellant, il-każijiet fejn kien hemm titjib fir-riżultati miksuba, kienu daqs dawk il-każijiet li ġew irreġistrati tnaqqis fir-riżultati miksuba. B’din l-analiżi, il-Professur Borg ikkonkluda li għalhekk fil-matematika il-livell ta’ riżultati miksuba baqa’ fuq l-istess binarju. Bħal fi snin oħra dejjem ikun hemm numru ta’ lmenti li jiġu mgħoddija lill-uffiċjali responsabbli biex jindirizzawhom. Fost l-ilmenti iva jkun hemm min isemmi li ġie maħluq stress minħabba r-riżultat miksub. Il-karti kienu ppreparati minn persuni kwalifikati fit-tagħlim tal-Matematika. Minħabba direttivi mogħtija mill-MUT, li fost l-oħrajn kienu jinvolvu wkoll l-immarkar tal-karti tal-eżami, minflok ma dawn ġew ikkoreġuti mill-għalliema f’kull skola, il-karti nġabru mill-iskejjel u ġew imqassma lill-markaturi. Il-karti kienu aċċessibbli għall-edukaturi li talbuhom.
Leg 13 PQ #22074 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Investigazzjoni rigward tbagħbis fil-marki tal-istudenti

Question

B'referenza għal dak li stqarret l-Malta union of Teachers, jiġifieri dwar tbagħbis fil-marki tal-istudenti, tista’ l-Ministru tgħid liema huma s-suġġetti u l-marki investigati? Tista’ tgħid ukoll min huma l-membri fil-kumitat li qiegħed jinvestigaw dawn l-insinwazzjonijiet u x'inhu t-terms of reference tagħhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija pubblika (PR211582) maħruġa fit-30 t’Awwissu 2021, li ħabbret li l-konklużjoni tal-investigazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi li ma kien hemm l-ebda tbagħbis tal-marki kif kien allegat.
Leg 13 PQ #22105 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel primarji u sekondarji tal-Gvern — għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru (b'mod separat) tal-għalliema fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji tal-Gvern?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li n-numru tal-għalliema fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji tal-Gvern sad-data meta nġibdet din l-informazzjoni (13 ta' Settembru 2021) b’mod separat huwa kif muri hawn taħt: Għalliema fi skejjel primarji - 1049 Għalliema fi skejjel sekondarji - 1717
Leg 13 PQ #22106 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel Privati u tal-Knisja — għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru (b'mod separat) tal-għalliema fl-iskejjel privati u dawk tal-Knisja?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li n-numru tal-għalliema fl-iskejjel Indipendenti kif ukoll dawk tal-Knisja sad-data meta nġibdet din l-informazzjoni (6 ta' Settembru 2021) b’mod separat huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Skejjel tal-KnisjaSkejjel Indipendenti PrimarjaSekondarjaPrimarjaSekondarja 4501023292361
Leg 13 PQ #22123 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

COVID-19 — Skejjel primarji – għalliema li għallmu fi klassi waħda minflok is-suġġett tagħhom

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' għalliema fl-Iskejjel Primarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti li jgħallmu l-Edukazzjoni Fiżika, PSD, Mużika u Arti li flok għallmu s-suġġett tagħhom, kellhom jgħallmu fi klassi waħda minħabba l-passi ta' prekawzjoni relatati ma' COVID-19? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kif kienet is-sitwazzjoni f'kull skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema sena skolastika qiegħed jirreferi.
Leg 13 PQ #22231 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: JEAN CLAUDE MICALLEF To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel – Adrenaline Auto Injectors

Question

Tista’ l-Ministru tikkunsidra li kull skola jkollha konsenja adrenaline auto injector (bħalma hi l-Epi-pen Jr) u dan biex nissalvagwardjaw l-interess ta’saħħet l-ulied waqt li niffrankaw spejjeż żejda lill-ġenituri li jkollhom jixtru ammont ta’ injectors kull perjodu li eventwalment jiskadu f’qasir żmien jekk ma jkunux użati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22230.
Leg 13 PQ #22322 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Studenti li telqu mill-iskola qabel l-età ta’ 16-il sena

Question

Tista’ l-Ministru tindika kemm kien hemm adoloxxenti li telqu l-iskola qabel l-età ta’ 16-il sena kull sena f’dawn l-aħħar tliet snin skolastiċi 2018/2019, 2019/2020 u 2020/2021?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella hawn taħt: Sena Studenti li telqu mill-iskola qabel 16-il sena 2018/19 20 2019/20 10 2020/21 5
Leg 13 PQ #22323 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ġenituri akkużati li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola

Question

Tista’ l-Ministru tindika kemm kien hemm ġenituri li ġew akkużati li naqqsu li jibagħtu lil uliedhom l-iskola f’dawn l-aħħar tliet snin? X’passi ttieħdu kontra dawn il-ġenituri?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li f’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm 1,756 ġenitur li ġew imsejħa biex jidhru quddiem it-Tribunal Lokali biex jirrispondu dwar il-fatt li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola.
Leg 13 PQ #22324 Sitting 491 2021-10-04 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Servizzi biex jitnaqqas l-assentejiżmu fl-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tindika x’servizzi hemm ippjanati sabiex jitnaqqas l-assentejiżmu fl-iskejjel?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed ikompli joffri s-servizz ta’ ħidma soċjali, mogħti minn professjonisti varji, li jinkludi l-guidance teachers, counsellors u career advisors kif ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi professjonisti u servizzi li huma offruti minn entitajiet u Ministeri oħra. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-istrateġiji fil-qasam Edukattiv, li ġew imnedija fl-aħħar ftit xhur, ser jgħinu biex jitnaqqas l-assentejiżmu fl-iskejjel.
Leg 13 PQ #21963 Sitting 487 2021-07-12 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha mill-2017 sal-lum?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

B’referenza għal din il-mistoqsija, infurmata li n-nefqa mill-Ministeru/Direttorati mill-2017 ‘l hawn kienet tlaħħaq medja ta’ ftit aktar minn €27,000 fis-sena. Rigward l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni, infurmata li n-nefqa medja kienet ta’ ftit aktar minn €39,000 kull sena.
Leg 13 PQ #21861 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni – rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21788, tista’ l-Ministru tgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet li investiga dwarhom l-Ombudsman, dwar materji li jikkonċernaw l-edukazzjoni u l-edukaturi, ġew adottati jew rifjutati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni? Liema huma r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li ġew aċċettati u liema ġew rifjutati? X’inhi r-raġuni f’kull każ? Tista’ tagħti din l-informazzjoni għall-aħħar ħames snin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma l-Onor. interpellant li din hi informazzjoni li diġà hija pubblika fir-rapport annwali li jippubblika l-istess Uffiċċju tal-Ombudsman. Fuq il-każijiet tas-sena 2021, għadhom qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni.
Leg 13 PQ #21875 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

San Miguel Resource Centre – bdil ta’ sit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li s-San Miguel Resource Centre se jiċċaqlaq mis-sit tiegħu? Fejn se jkun is-sit il-ġdid? X’inhi r-raġuni ta’ din iċ-ċaqliqa? X’inhuma l-benefiċċji u l-iżvantaġġi ta’ din iċ-ċaqliqa? Il-ġenituri ġew ikkonsultati dwar din iċ-ċaqliqa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien wasal iż-żmien li jkun hemm il-bini ta' skola primarja kompletament ġdida għal tfal u studenti li jkollhom ħtiġijiet edukattivi speċjalizzati. Din l-iskola se tinbena f'Bulebel fiż-Żejtun, li se tkun l-ewwel waħda f'pajjiżna mibnija apposta bħala skola speċjalizzata għal tfal bi ħtiġijiet edukattivi speċjalizzati, se tinkludi klassijiet u playrooms, pixxina terapewtika fuq ġewwa, gym speċjalizzat, spazju għall-fiżjoterapija, kmamar fejn l-edukaturi jiltaqgħu mal-ġenituri, quiet rooms, u swali għal użi differenti. L-iskola se jkollha wkoll playground fil-miftuħ li se jinkludi spazji għal-logħob u għar-rikreazzjoni.
Leg 13 PQ #21876 Sitting 485 2021-07-06 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi – ħinijiet ta’ skola

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-iskemi u l-programmi li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi toffri biex tikkumplimenta s-sigħat ta’ ħinijiet ta’ skola normali, inkluż is-sajf? Tista’ tgħid jekk dawn is-sigħat kumplimentari japplikawx ukoll għal tfal li jattendu r-resource centres? Jekk dan mhux il-każ, tista’ tgħid għaliex? Ma taħsibx il-Ministru li din hija diskriminazzjoni kontra tfal b’diżabilità? Jekk dan mhux il-każ, tista’ l-Ministru tara li dan is-servizz jidħol anke għal dawn it-tfal?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi toffri s-servizz ta’ Skolasajf u Klabb 3-16. Dan is-servizz jiġi offrut għal kull tifel u tifla. Ir-Resource Centres joffru wkoll dan is-servizz u bħalissa l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qiegħda tagħmel studju biex tevalwa d-domanda u l-loġistika neċessarja biex is-servizz fir-Resource Centres f’Malta jiġi estiż mit-Tnejn sal-Ġimgħa waqt Skolasajf 2022.