Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vincenz de Paul — Problema ta’ internet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx problema fis-servizz tal-internet fir-Residenza San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid fejn u liema wards qed jintlaqtu l-aktar minn din il-problema u x’inhi l-kawża? Jista’ jgħid ukoll meta ser ikun qed isolvi din il-problema u jekk huwiex ser ikun qed jagħmel tajjeb għall-ħlasijiet li l-anzjani qed jagħmlu għalxejn lis-service providers sabiex ikunu jistgħu jaraw it-televiżjoni meta ma jistgħux jaraw televiżjoni minħabba l-problema li teżisti fl-internet fil-wards tagħhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’San Vinċenz de Paul hemm servizz ta’ wi-fi fiż-żoni komuni ta’ kull sala u dan qed jaħdem fiż-żoni kollha minbarra fi blokka waħda, fejn hemm is-swali St Joseph 7,8,10 u 11. Il-ħsarat ġew ikkawżati minn ħsarat infrastrutturali li wasslu għall-qtugħ fil-provvista tas-servizz, iżda huwa ppjanat li x-xogħlijiet ta’ tiswija jitlestew fil-ġranet li ġejjin. Kien hemm numru zgħir ta’ lmenti li ġew indirrizati fi ftit jiem.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — defibrillators

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn hemm defibrillator?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fejn hemm defibrillator huma San Vinċenz de Paule, Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità u l-Awtorità tal-Mediċina.

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma x-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll meta ser ikunu lesti dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikun qed jerġa’ jinfetaħ dan iċ-ċentru?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li se jsiru fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva tal-Mosta jinvolvu xogħlijiet ta’ tisbieħ. F’dan iċ-ċentru jridu jiġu indirizzati problemi ta’ umdità eżistenti u jsir xogħol ta’ tikħil u tibjid. Se jiġu mibdula l-aperturi tal-aluminium u l-ħitan diviżorji tal-gympsum biex isir uffiċċju aktar spazjuż u klinika tal-kontinenza. Il-madum eżistenti se jiġi illustrat u se jinbidlu l-kmamar tat-toilets. Fil-bitħa taċ-ċentru se jsir xogħol ta’ tisbiħ biex tkun tista’ tintuża għall-attivitajiet varji. Il-faċċata se titbajjad u l-aperturi tal-injam eżistenti se jinżebgħu mill-ġdid. Dan iċ-ċentru se jkollu wkoll għamara ġdida li tinkludi kċina ġdida bl-appliances b’kollox. Se jiġu installati smoke detector u reverse osmosis. Hu ppjanat ukoll li jsir użu aħjar mill-ispazju eżistenti billi ssir multi-purpose room, sitting area u coffee station. Se jinbidel ukoll l-apparat elettroniku, li jinkludi t-television u l-PA system, biex ikun aktar modern kif ukoll apparat ġdid tal-arja kundizzjonata. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti għal Jannar 2024 u ċ-ċentru hu mistenni li jerġa’ jiftaħ kif ikunu lesti x-xogħlijiet.

Dementia Activity Day Centres — trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-possibilità li persuni li jbatu bid-dimensja u li jattendu d-Dementia Activity Day Centres ikollhom ukoll il-faċilità ta’ trasport sabiex ikunu jistgħu jattendu dawn iċ-ċentri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tender relatat mas-servizz tat-trasport għall-persuni li jattendu d-Dementia Activity Centres ġie ppublikat fix-xhur li għaddew. L-offerti sottomessi ma kinux eliġibbli u għalhekk it-tender kellu jingħalaq. Bħalissa l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed fil-proċess li jerġa’ jippubblika it-tender għat-tieni darba.

Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja — Inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-inizjattivi li twettqu mill-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja fil-gżejjer Maltin (2015-2023) – Ninċentivaw il-bidla? Jista’ jgħid jekk il-Bord tal-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja ġiex imwaqqaf u min huma l-membri ta' dan il-Bord? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ser ikun qed iwaqqaf ukoll Direttorat speċifiku għal dan il-għan aktar u aktar fi żmien meta d-dimensja ġewwa pajjiżna qiegħda tiżdied kuljum?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta ġiet varata l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja fl-2015, sar ħafna xogħol f’dan is-settur u twettqu ħafna mil-miżuri rakkomandati fl-istrateġija. Fost il-miżuri li twettqu nsibu t-twaqqif tad-Dementia Helpline, it-twaqqif tad-Dementia Intervention Team fejn professjonisti jżuru lill-persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja ġewwa darhom stess u flimkien mal-familjari tagħhom ifasslu pjan ta’ kura. Qed jingħata taħriġ lil dawk li jaħdmu ma’ persuni bid-dimensja, u nfetħu tliet Ċentri ta’ Attività għal persuni li jgħixu bid-dimensja, tnejn f’Malta u ieħor f’Għawdex. Matul is-snin kien hemm bord ta’ implimentazzjoni li llum xolja u twaqqaf Direttorat għall-Kura tad-Dimensja. Id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja, mal-ewwel beda jaħdem fuq Strateġija ġdida li tkompli tibni fuq ix-xogħol li sar fl-ewwel Strateġija. Id-dokument tat-tieni Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja ser joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġranet li ġejjin.

Ħamrun – Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani — Rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’kien ir-rinovar kollu li sar fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Ħamrun? Jista’ jgħid ukoll min għamel dan ix-xogħol u kemm tħallset kull persuna/entità li wettqet dan ix-xogħol?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun sar xogħol estensiv ta’ rinovar. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fi kmamar tal-banju ġodda, titjib tas-sistemi tad-dawl u l-ilma, tibjid, tibdil ta’ suffett, kif ukoll tbiddel il-madum taċ-ċentru u tbajdet il-faċċata, inbidlet l-għamara kollha inkluż imwejjed u siġġijiet, ġiet installata smoke detector u reverse osmosis u inbidel l-apparat elettroniku biex ikun aktar modern. L-iskop ta’ dan ix-xogħol kien biex dan iċ-ċentru jkun aktar sabiħ u komdu għall-anzjani li joqogħdu f’dawn l-inħawi u li jattendu f’dan iċ-ċentru. L-ispiża għal dan ix-xogħol kienet ta’ madwar €35,000 (VAT eskluża). Il-parti l-kbira tax-xogħlijiet saru mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Huwa ppjanat li ċentri oħra madwar Malta ssirilhom xogħlijiet simili skont il-bżonn, sabiex dawn iċ-ċentri dejjem ikunu aktar attraenti u komdi għall-anzjani.

Bormla — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani – Post alternattiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sabx post alternattiv għaċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani f’Bormla? Jekk iva, jista’ jgħid fejn hu dan iċ-ċentru, jekk għandux bżonn li jsiru xogħlijiet fih qabel ma jinfetaħ u meta ser ikun lest?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nstab post alternattiv għaċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ Bormla. Il-post identifikat huwa ċ-Ċentru Parrokkjali Sagra Familja, fi Triq Wiġi Rosato, Bormla. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għamlet ix-xogħlijiet li kien hemm bżonn biex il-post ikun aċċessibbli u addattat biex jintuża bħala Ċentru għall-Anzjanità Attiva. Hu mistenni li dan iċ-ċentru jiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10616 u cjoe`: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10187 jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-lum?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paule — Nefqa fiż-żamma tal-indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa fis-sena, fiż-żamma tal-indafa tal-Faċilità San Vinċenz De Paule? Jista’ jelenka s-servizzi kollha relatati mal-indafa, inkluż ukoll il-ħasil tal-iswali, kif ukoll is-servizz ta’ bdil u ħasil tal-lożor tas-sodod kollha? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm jiswa kull servizz li jingħata u kemm huma s-salarji relatati ma’ kull servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz ta’ tindif ġewwa San Vinċenz de Paul, kemm fis-swali, uffiċini kif ukoll fi spazji miftuħa, isir minn kumpanija privata. L-ispiża medja fis-sena hija ta’ €3,093,220 ewro (VAT eskluża) Il-bdil u ħasil tal-lożor tas-sodod isir minn koperattiva u l-ispiża medja fis-sena hija ta’ €257,627.12 ewro (VAT eskluża) Is-salarji tal-ħaddiema involuti f’dawn is-servizzi jinħarġu mill-kuntrattur/kooperattiva u mhux minn San Vinċenz de Paul.

Residenza San Vinċenz de Paule — Tibdil ta’ purtieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba jinbidlu l-purtieri ta’ bejn is-sodod fis-swali ġewwa l-Faċilità San Vinċenz de Paule? Jista’ jgħid ukoll min jipprovdi dawn il-purtieri u kemm jiswew?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar snin sar rinovar f’diversi swali f’San Vinċenz de Paul u parti minn dan ix-xogħol jinkludi wkoll it-tibdil tal-purtieri antiki għal oħrajn ġodda. Il-proċedura hija li għal dawn il-purtieri, jinxtara d-drapp u jiġu meħjuta mill-ħajjata ta’ San Vinċenz de Paul. In-nefqa tvarja skont id-daqs tas-sala u l-ammont ta’ drapp li jkun hemm bżonn.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Impjegati fis-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10187 jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-lum?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

San Vinċenz De Paul — Riżenja tal-Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, permezz tal-memo Ref. No. IM SVP. 81/2023 ħabbret lill-impjegati tar-Residenza San Vinċenz De Paul li ser tkun qed tirriżenja minn Kap Eżekuttiv bl-iskuża li ser tiffoka fuq il-professjoni medika tagħha, meta nafu li hija baqgħet teżerċita l-professjoni medika tagħha minkejja l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv? Jista’ jgħid jekk intalbitx tirriżenja minnu jew minn xi uffiċjal fi ħdan il-Ministeru, u jekk iva jista’ jgħid għaliex saret din it-talba?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għażlet li ġaladarba l-kuntratt tagħha jiskadi, ma jerġax jiġi mġedded.

San Vinċenz De Paul — Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ser ikun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll meta ser jibda t-terminu l-ġdid tiegħu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-termini u l-kondizzjonijiet kollha tal-kuntratt tiegħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Kap eżekuttiv il-ġdid se jinħatar fil-jiem li ġejjin.

Djar tal-anzjani – Menus tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-menus li bihom jagħżlu l-ikel l-anzjani fid-djar tal-anzjani, jiġux mħejjija flimkien ma’ professjonisti magħrufa bħala nutritionists u dieticians?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-menus li minnhom jagħżlu l-ikel l-anzjani fid-djar tal-anzjani, jiġu mħejjija flimkien ma’ professjonisti bħala nutritionists jew dieticians tal-kuntrattur skont il-ħtieġa djetetika tal-anzjan/a.

Djar tal-Anzjani — spiża għal pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tal-ispiża għal kull pazjent rikoverat fir-Residenza San Vinċenz de Paul jew fi djar oħrajn tal-anzjani tal-istat? Kemm qed jiswa lill-Gvern kull pazjent li qed jintbagħat fi djar tal-anzjani privati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar tal-Anzjani — kunsill/grupp magħmul mir-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar residenzjali tal-Gvern u tal-privat li m’għandhomx kunsill/grupp magħmul mir-residenti stess sabiex iressqu s-suġġerimenti tagħhom dwar id-dar fejn qed jgħixu?’

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma id-djar residenzjali li m’għandhomx kunsill/grupp magħmul mir-residenti stess: · Apap Institute · Dar Madre Margerita · Dar tal-Kleru · Pax et Bonum · Porziuncola Home · St. Domenic Home · St. Paul's Home Dawn id-Djar huma kollha tal-Knisja u mhux obbligati li jkollhom kunsill/grupp magħmul mir-residenti stess skont il-kriterji ta’ l-Aġenzija tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali.

Anzjani li ġew interdettjati mill-familjari tagħhom minħabba mard mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li ġew interdettjati mill-familjari tagħhom minħabba mard mentali jew mard ieħor, sena b’sena, mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jireferri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Dar tal-Anzjani f’Bormla — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sal-lum għadu ma nħareġ l-ebda tender għat-twaqqigħ u għax-xogħlijiet fuq id-Dar tal-Anzjani f’Bormla? Jista’ jgħid ukoll meta se jibda dan il-proċess, u jgħid meta, jew almenu f’liema sena, din id-dar se tkun qed tilqa’ lura lill-anzjani li ġew imwiegħda li ser jirritornaw fiha kif ukoll anzjani ġodda?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għat-twaqqigħ, id-disinn, il-bini, iż-żamma u l-ġestjoni tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla qiegħed fil-proċess għand d-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex ikun jista’ jinħareġ.