Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol. Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess interpellant. Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — direct orders lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull każ, jagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament ma ngħatat l-ebda kuntratt mill-ebda entita’ li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva.

Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18677 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità tal-Istandards ta' Ħarsien Soċjali sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, jista' l-Ministru jindika kemm-il ilment tressqu dwar Ċentri ta' Matul il-Jum fil-Qasam tad-Diżabilità, f'Ċentri ta' Matul il-Jum għall-Anzjani u f'Djar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Vinċenz – ordni biex anzjani jitħallew fi floor waħedhom

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-CEO tal-Isptar San Vinċenz tat ordni biex fis-Sala Narċis pazjenti jitħallew waħedhom fi floor għalihom bl-istaff jiġu ordnati joqogħdu fil-floor ta’ isfel fejn hemm in-nursing staff station? Kif is-CEO iddeċidiet li tħalli pazjenti jitħallew waħedhom bin-nursing staff fi floor ieħor? Infurmat il-Ministru li dawn il-pazjenti jbatu minn diżabilità u allura tpoġġew f riskju u s-sitwazzjoni ġiet ratifikata biss wara intervent tal-MUMN?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-residenti u l-impjegati jridu jkunu flimkien f’kull ħin, kemm jekk f’sular jew ieħor ġewwa ċ-ċentru skont l-attivita’ li tkun għaddejja.

Anzjani li daħlu f’home

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li daħlu f'homes mill-2017 ’l hawn, maqsuma sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Żieda ta’ sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod ġodda tul dawn l-aħħar ħames snin fil-komunità? Liema huma d-djar li żdiedu s-sodod fihom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paule – servizzi mediċi u servizzi oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu s-servizzi mediċi u servizzi oħra li mhumiex mediċi, li jingħataw minn San Vinċenż de Paule u liema huma?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Jista’ l-Onorevoli Interpellant jgħid għal-liema perjodu qed jirreferi?

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.

Taħriġ lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jingħatax taħriġ lil dawk il-membri tal-familja li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom fil-komunità? Jekk iva, x’tip ta’ taħriġ jingħataw u meta sar dan it-taħriġ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għall-familjari ta’ min qiegħed jieħu ħsieb persuna anzjana jew bid-dimensja, jingħataw taħriġ maħruġ mit-Training Centre, San Vincenz de Paul. Għadu kemm tlesta kors dwar il-kura tal-anzjani li sar bejn Settembru 2020 u Marzu 2021. Bħalissa qiegħed jingħata wkoll taħriġ dwar id-dimensja li qed jiġi offrut online. Dan il-kors huwa ta’ għaxar ġimgħat u jispiċċa fis-26 ta’ April 2021.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – miżuri minħabba l-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini jiġu sanatizzati kull darba li jkun hemm ħtieġa.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu qed jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – impjegati li mardu bil-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull impjegat li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 mar fi kwarantina. Attwalment hemm 15-il persuna li jinsabu fi kwarantina.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19253.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — proġetti mill-fondi tal-EU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’proġetti saru mill-fondi tal-EU 2014-2021?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 18838.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u jindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — talbiet skont il-Freedom of Information Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva ma kellu l-ebda talba skont il-Freedom of Information Act.

Ilmenti fuq abbużi fuq anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ ilmenti li kien hemm matul is-sena 2019 u s-sena l-oħra fuq abbużi fuq anzjani u dwar fiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2019 u l-2020 l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali rċeviet żewġ ilmenti dwar abbuż fuq anzjani. L-ilmenti ġew investigati u ttieħdu l-passi meħtieġa.

Ministeru għall-Anzjani u -Anzjanità Attiva — karozzi leased

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan il-Ministeru hemm karozza waħda fuq kuntratt ta’ leasing.

Dar tal-Anzjani taż-Żejtun – antenna tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-antenna tat-TV ġewwa d-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun ilha kważi tlieta/erba’ xhur ma taħdem u li l-familjari tal-anzjani residenti hemm, qed jiġu mitluba biex privatament jipprovdulhom “a private Home pack” jekk iriduhom jaraw it-TV?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-antenna tad-dar residenzjali msemmija taħdem iżda l-problema hi s-signal tal-fornitur tas-servizz li sar baxx. B’riżultat ta’ dan ċertu stazzjonijiet m’humiex jidħlu. Għaldaqstant, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità laħqet ftehim ma’ fornitur tas-servizz sabiex jibda x-xogħol neċessarju biex jiġi provdut pakkett ġdid ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni fid-djar residenzjali kollha tal-gvern.