Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjan nazzjonali dwar l-użu tal-idroġenu

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġiex imniedi pjan nazzjonali dwar l-użu tal-idroġenu f'pajjiżna? Tista’ tipprovdi dettalji dwar kif l-industrija tista’ tibda tħejji għal din il-bidla u tiżgura li għandna l-infrastruttura neċessarja? Tista' tipprovdi wkoll dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 22187.

Proċess biex l-entitajiet pubbliċi jsiru climate neutral

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-proċess li beda biex l-entitajiet pubbliċi jsiru climate neutral, inkluż l-istallazzjoni ta' panelli solari fuq il-bjut tal-uffiċini tal-Gvern? Kemm qed tiġi ġġenerata enerġija rinnovabbli u kif qed tikkontribwixxi fil-grid nazzjonali tal-elettriku? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Solar farms — Inċentivi u skemi ta' investiment

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-inċentivi u l-iskemi ta' investiment li qed jiġu offruti biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' solar farms, partikolarment għal dawk li m'għandhomx spazju fuq il-bejt tar-residenza tagħhom biex iwaħħlu panelli solari? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-istudju fuq proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwaw il-produzzjoni agrikola? Tista' tipprovdi dettalji dwar jekk dan l-istudju sarx u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

BCRS — Fliexken li ma ġewx ritornati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm fliexken inbiegħu u għalhekk tħallset 10c fuqhom u ma ġewx ritornati fil-BCRS minn meta bdiet topera l-iskema? Tista’ tagħti valur ta’ kemm inbiegħu fliexken minn meta bdiet topera l-iskema u kemm inġabru? F’każ ta’ fliexken li ma jaslux fil-magni tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid x’jiġri minn dik il-miżata mħallsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 21350 u 21992, inżid ninfurmah li mill-14 ta’ Novembru 2022 sal-aħħar ta’ Settmbru li għadda tpoġġew fis-suq 513,506,819 kontenitur tax-xorb.

BCRS — Vawċers li ma ġewx msarrfa u kontenituri li ma ġewx ritornati

Question

Tista’ l-Ministru tagħti ċ-ċifra ta’ flus li baqgħu għand il-kumpanija BCRS minn vawċers li ma ġewx imsarrfa u kontenituri li ma ġewx ritornati mill-bidu tal-iskema sal-lum u fejn dawn il-flus ġew ri-investiti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Studju fuq emissjonijiet fl-arja mill-Cruiseliners

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx sar studju jew kalkolu tal-emissjonijiet fl-arja li jħallu l-cruiseliners f'pajjiżna u l-effetti tagħhom, u f'każ li saru, tista' tqiegħed l-iktar studju riċenti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) qed tikkollabora mal-Università ta’ Malta biex isir studju li jikkwantifika l-impatt li cruiseliners u bastimenti oħrajn li jidħlu fil-Port il-Kbir għandhom fuq il-kwalità tal-arja. Biex isir dan, f’dawn l-aħħar snin tqiegħed stazzjon ta’ monitoraġġ fi Ġnien tal-Gardjola, l-Isla. Din hija ż-żona l-iżjed milquta meta r-riħ jonfoħ mill-Majjistral, li huwa l-iżjed riħ komuni fil-gżejjer Maltin. It-teħid ta’ kampjuni tlesta f’Ottubru. Issa jibda l-proċess fuq ix-xogħol tal-kampjuni biex wara ssir l-analiżi mill-Università ta’ Malta. Apparti minn dan l-studju, l-Gvern diġà beda jimplimenta proġetti mmirati biex ikollna arja aktar nadifa fil-Port il-Kbir, b’mod partikolari l-proġett shore-to-ship.

Konferenza tal-MED9 – Konklużjonijiet u nefqa

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-konklużjonijiet tal-konferenza mal-pajjiżi ġirien fir-reġjun Mediterranju (MED 9) biex jiġu żviluppati inizjattivi ta’ kollaborazzjoni, b'miri tanġibbli, sabiex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u tagħti breakdown tan-nefqa fuq din il-konferenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR241500) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar l-24 ta’ Settembru 2024 li fiha tagħrif dwar il-konklużjonijiet tal-konferenza msemmija. L-ispiża marbuta mal-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija f’din il-konferenza, li saret f’Ċipru, kienet tammonta għal €10,007.

Bini tat-tieni interconnector tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-bini tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u l-Italja, li għandu jkun lest sal-2025? Tista’ tgħid kif se jgħin fit-tnaqqis ta' 58% tal-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju u joħloq investiment akbar fl-enerġija rinnovabbli? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-istat ta' dan il-proġett u t-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Interconnector 2 se jkun interkonnessjoni ta’ madwar 122-il kilometru, 225MW HVAC, li tinkludi 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar, 21 kilometru fi Sqallija u 2 kilometri f’Malta, u se jopera b’vultaġġ ta’ 220kV bejn il-Magħtab u Ragusa. It-tieni interconnector se jitqiegħed f’distanza sigura lil hinn mill-ewwel interconnector bejn iż-żewġ pajjiżi, li beda jopera fl-2015. Interconnect Malta Ltd. (ICM), li hija responsabbli minn dan il-proġett, bdiet ix-xogħol tagħha meta f’Settembru 2021 għamlet analiżi tar-rotot alternattivi u ssottomettiet Project Description Statement lill-awtoritajiet ambjentali. Fl-2022 ħarġet numru ta’ sejħiet internazzjonali fosthom għal Environmental Impact Assessment f’Malta u ieħor fl-Italja, Front End Engineering Design u Preliminary Marine Survey. Fl-istess sena għamlet l-istħarriġ preliminari tar-rotta marittima biex tikseb l-informazzjoni marbuta ma’ qiegħ il-baħar, speċifikament dik ġeofiżika, ġeoteknika u ttieħdu surveys ambjentali meħtieġa biex tiġi ppjanata l-aktar rotta sigura u sostenibbli għall-cable. Sar ukoll stħarriġ ġeotekniku u termiku tal-art tul ir-rotta terrestri kemm fi Sqallija kif ukoll f’Malta. Wara li ġiet identifikata u analizzata r-rotta preliminari tal-proġett, fl-2023, tlesta l-proċess tal- front-end engineering design , li pprovda d-dettalji tekniċi meħtieġa biex tkun tista’ toħroġ is-sejħiet għall-offerti finali għall-apparat meħtieġ u għall-iżvilupp u l-ikkummissjonar tal-cable taħt il-baħar u s-sistemi tiegħu fuq l-art. Dan id-disinn tal-inġinerija ddetermina l-esiġenzi tekniċi meħtieġa, inkluż id-daqs tal-cables, transformers, shunt reactors, sistemi ta' sigurtà u protezzjoni li kienu meħtiega biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti marbutin mal-inġinerija, akkwist u kostruzzjoni ta’ IC2. F’Awissu tal-2023, ġie konkluż l-environmental impact assessment f’Malta u kien approvat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li affermat li din l-infrastruttura ġdida mhux se jkollha impatti negattivi fuq l-ambjent, la fuq l-art u lanqas fil-baħar. F’Jannar tal-2024, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess ta’ żvilupp li jkopri x-xogħlijiet meħtieġa biex jitqiegħed u jiġi protett il-cable fuq l-art u taħt il-baħar, bejn l-Istazzjon Terminali tal-Enemalta 132kV fil-Magħtab sa nofs ir-rotta bejn Malta u Sqallija. ICM qed tikkollabora wkoll mal-awtoritajiet Taljani biex tikkonkludi l-proċessi ta’ permessi fl-ibħra Taljani u fuq l-art fi Sqallija, fejn il-MASE ħarġet l-awtorizzazzjoni għall-proġett li hi suġġetta għal intesa finale mir-Reġjun Sqalli. Din is-sena nħarġu numru ta’ sejħiet għall-offerti marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett, fosthom dik għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cables ta’ taħt l-art 245kV u 145kV, għall-provvista u l-installazzjoni ta’ 245kV 250MVA Auto-Transformer, 120MVAr u 240MVAr Variable Shunt Reactors, għall-manifattura, tqegħid u protezzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar, u għall-provvista u l-installazzjoni tal-220kV Switchgear, Fire Suppression System, u Fire Walls f’Ragusa. F’Ġunju li għadda, l-proġett kien approvat b’suċċess għall-finanzjament taħt il-Programm ERDF 2021-2027, speċifikament taħt Prijorità Tnejn ‘Promozzjoni ta' transizzjoni tal-enerġija nadifa u ġusta, ġestjoni sostenibbli tal-ilma mormi, u investiment aħdar’, Objettiv Speċifiku 2.3 ‘Żvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti, grids, u ħażna barra min-netwerk TEN-E’. Dan il-proġett ġie ddikjarat bħala ‘Operat ta' Importanza Strateġika’ minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu għall-kisba tal-prijoritajiet nazzjonali għall-Programm 2021-2027. Il-finanzjament tal-ERDF allokat għal dan il-proġett jammonta għal madwar €165 miljun. Il-proġett huwa parti mill-istrateġija tal-enerġija ta’ Malta biex tilħaq il-miri tal-klima u l-enerġija tal-2030 u l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul. Għandu l-għan li jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u jindirizza ż-żieda mistennija fid-domanda tal-elettriku minħabba t-tkabbir ekonomiku u l-elettrifikazzjoni tat-trasport. It-tieni cable link se ssaħħaħ il-konnessjoni ta’ Malta man-netwerk tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea, li tippermetti importazzjoni akbar ta’ enerġija rinnovabbli. Il-proġett se jnaqqas ukoll l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju billi jtejjeb il-ġenerazzjoni tal-enerġija lokali filwaqt li jissodisfa ż-żieda fid-domanda. Il-benefiċċji ewlenin jinkludu: · It-tisħiħ tal-interkonnettività tal-elettriku mal-UE biex tissodisfa d-domanda dejjem tikber. · Tipprovdi backup waqt emerġenzi bħal ħsara lill-cable eżistenti. · Appoġġ għall-għanijiet tal-klima ta’ Malta għall-2030 u l-2050. · Titjib tal-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija lokali. · Żieda fis-sigurtà tal-enerġija permezz tad-diversifikazzjoni. · Nippermettu aktar enerġija rinnovabbli lokali (inkluż dik offshore) billi jiġu bilanċjati kwistjonijiet ta' intermittenza. In-nefqa s’issa kienet ta’ €5,235,319 għas-sena 2022, €3,181,131għas-sena 2023 filwaqt li għal din is-sena huwa stmat li l-ispiża se tlaħħaq €20 miljun.

Distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-progress fil-kostruzzjoni ta' distribution link ġdida bejn it-terminal tal-interconnector fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Mosta, bil-għan li jissaħħaħ in-network primarju tad-distribuzzjoni? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Network tad-distribuzzjoni tal-elettriku — Investiment

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet u l-investiment fin-network tad-distribuzzjoni elettrika biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku u jkun hemm titjib fl-affordabbiltà tas-servizz? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Bini ta’ substations ġodda

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-pjanijiet għall-bini ta' madwar 200 substation ġdida f'Malta u Għawdex b’teknoloġija awtomatizzata u tgħid jekk humiex se jkunu ta' inkonvenjent għar-residenti? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Proġetti ta' enerġija rinnovabbli offshore

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu biex, flimkien mas-settur privat, isir investiment fuq proġetti ta' enerġija rinnovabbli offshore, inkluż permezz ta' teknoloġiji floating tar-riħ u tax-xemx? Tista' tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti u t-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21103.

Iż-Żejtun – New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jitwassal is-servizz tan-New Water fi Sqaq Nru 2, Triq il-President Anton Buttigieg, iż-Żejtun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-imsemmi sqaq mhuwiex parti mill-pjanijiet preżenti, dan ma jeskludix il-possibiltà li jkun parti minn proġetti li fi ħsiebha twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma iktar ’il quddiem.

Charging stations

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21929 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: Peress li ħafna drabi ċ-charging stations elettriċi ma jkunux qed jaħdmu b'konsegwenza li s-sidien tal-karozzi elettriċi qed jispiċċaw jaħlu ħafna ħin fi skariġġ żejjed iduru minn charging station għall-oħra bit-tama li jsibu waħda taħdem, jista' l-Ministru jara li jsiru kontrolli neċessarji biex dawn il-kumpaniji jinvestu aktar fil-manutenzjoni u l-effiċjenza tal-istess charging points?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpallanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20783 u mistoqsija parlamentari 21929 li ngħataw fl-istess ġurnata. Kif jindika t-tagħrif li tajt f’dik it-tweġiba, każijiet kif deskritti f’din il-mistoqsija parlamentari huma minimi. Però jekk l-Onor. kollega għandha xi tagħrif speċifiku nitlobha tgħaddihuli biex naraw x’każijiet huma. In oltre, l-kumpanija responsabbli miċ-charging pillars hija obbligata li kontinwament tagħmel il-manuntenzjoni meħtieġa biex tassigura li dawn joperaw b’mod effiċjenti. Ninsab infurmata li fuq it-372 charging points li hawn bħalissa madwar Malta u Għawdex, kuljum qegħdin isiru medja ta’ 600 tranżazzjoni li jsarrfu f’medja ta’ 10,000kwh kuljum. Nirreferi wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22145. Fiha spjegajt kif fix-xhur li ġejjin għandu jibda x-xogħol infrastrutturali b’rabta mal-proġett li se nwettqu biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla n-numru ta’ charging pillars madwar Malta u Għawdex jilħaq total ta’ 1,572 charging point.

Charging stations elettriċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk iċ-charging stations elettriċi ta' pajjiżna humiex operati kollha mill-istess kumpanija/individwu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ‘Charge My Ride’ hija sistema tal-iċċarġjar pubblika fejn it-twaħħil u l-operat taċ-charging pillars isir minn kuntrattur privat, li kien intghażel wara sejħa għall-offerti pubblika. Qed jiġu finalizzati sejħiet pubbliċi għall-offerti għal aktar charging pillars, li se jkunu qed jagħtu opportunità wiesgħa lil aktar operaturi li jidħlu f’dan is-suq mal-kuntrattur eżistenti. Permezz ta’ pjattaforma nazzjonali li qed tiġi ppjanata, is-sewwieqa tal-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jagħmlu użu miċ-chrging pillars ta’ dawn l-operaturi kollha differenti b’mod wieħed komuni u sempliċi.

Rabat, Malta — Triq Ħad-Dingli, Triq Nutar F. Catania, Triq Ħal Tartarni, Triq San Trofimu, Triq Sant’Aristarku, Triq Vincenzo Ciappara - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti time frame tax-xogħlijiet li qed isiru mill-Enemalta fiż-żona ta’ Triq Ħad-Dingli, Triq Nutar F. Catania, Triq Ħal Tartarni, Triq San Trofimu, Triq Sant’Aristarku, Triq Vincenzo Ciappara, fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ xogħlijiet qed isiru u jekk hux ser isir re-surfacing tat-toroq kollha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta poġġiet cables ġodda biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona indikata. Infurmata li għada fadal isiru l-aħħar xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ cables fi Triq Ħad Dingli li għandhom jitlestew fil-jiem li ġejjin u wara jkun jista’ jingħata l-asfalt skont il-permessi ta’ Transport Malta.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħtha għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, tista’ tagħti: a. L-isem l-attivita; b. L-iskop tal-attività; c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.); d. Id-Data tal-attività; e. Il-post fejn saret; f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif l-Onor. Interpellanta hi konxja, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.

Ħal Tarxien – Triq Agostino Randon – Skular ta’ ilma

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-ilma li ilu ħiereġ fi Triq Agostino Randon, Ħal Tarxien jiġi rimedjat għall-ħsara li hemm sabiex l-ilma ma jibqax jiskula?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet irċeviet rapport fil-21 t’April li għadda dwar skular ta’ ilma fit-triq indikata u ħadet azzjoni mill-ewwel tant li sal-għada l-ħsara kienet issewwiet. Barra minn hekk, minn verifiki li saru riċentement ma rriżultax li reġa’ kien hemm problema simili. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Il-Gżira — Triq Rue D'Argens - Pump room

Question

B’referenza għall-pump room li tinsab fi Triq Rue D'Argens, il-Gżira, faċċata tal-Empire Stadium, tista’ l-Ministru tgħid jekk din għadhiex taħdem peress li l-madwar tagħha jinsab fi stat ta’ abbandun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pump room li qed jirreferi għaliha għadha topera u hija waħda mill-iktar Pumping Stations kritiċi fir-Reġjun. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, permezz ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati, għandha fil-pjanijiet tagħha t-twettiq ta' proġett ta' tisħiħ u riġenerazzjoni tas-sit.