Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema ‘Business Start’ — Intrapriżi li bbenefikaw

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema ‘Business Start’ bejn is-sena 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-sena 2015 sal-lum kien hemm 201 intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema tal-Business Start.

Riċiklar ta’ vażetti/fliexken

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-vażetti/fliexken tal-ħġieġ ma nieħdu xejn lura tagħhom meta nirriċiklawhom fil-bidu tax-xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsumatur huwa legalment intitolat għar-rifużjoni tad-depożitu ta’ €0.10ċ imħallas fuq dawk il-kontenituri tax-xorb li jagħmlu parti mill-iskema, inkluż dawk tal-ħġieġ, meta jiġu depożitati fil-magni jew ritornati għand il-bejjiegħa tal-imnut.

Numru ta' swimming pools — REWS

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' swimming pools li għandu reġistrati miegħu r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? Kemm minnhom huma f'lukandi u/jew azjendi oħra direttament konnessi mat-turiżmu, u kemm f’residenzi privati? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx inċentivi biex l-ilma li jintuża minn dawn il-pools ikun riċiklat fuq is-sit u jiġi utilizzat għal skopijiet oħrajn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-ammont ta’ swimming pools reġistrati mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) huwa ta’ 4,386. Minn dawn 3,985 huma privati, filwaqt li 401 huma kummerċjali. Minn dawk kummerċjali hemm 380 illi huma konnessi mat-turiżmu, filwaqt li l-21 l-oħra mhumiex konnessi mat-turiżmu. M’hemmx inċentivi biex l-ilma li jintuża minn dawn il-pools ikun riċiklat fuq is-sit u jiġi utilizzat għal skopijiet oħrajn.

Ħolqien ta’ parks naturali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' park naturali matul il-kosta ta' Baħar iċ-Ċagħaq u ta' park ġeoloġiku matul il-kosta ta’ Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fir-rigward tal-park naturali matul il-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, Ambjent Malta bħalissa qed tiffoka fuq żewġ żoni partikolari - waħda faċċata ta’ Vendome Redoubt u l-oħra fl-inħawi tal-Madliena. Għal dawn iż-żoni nkisbu diġà l-permessi meħtieġa u se jinbeda proċess biex jitneħħew speċi aljeni invażivi u biex jitħawlu siġar u arbuxelli indiġeni. Fir-rigward tal-park ġeoloġiku matul il-kosta ta’ Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi, bħalissa għaddejjin studji sabiex jiġi stabbilit l-istat preżenti taż-żona. Dawn l-istudji se jwasslu biex permezz ta’ Project Green jiġu determinati l-interventi meħtieġa u jitħejja pjan t’azzjoni komprensiv.

Raħal Ġdid — Pace Grasso Ground

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bediex it-tisbiħ tal-Pace Grasso Ground u jekk iva, f’liema stadju wasal il-proġett? Tista’ tgħid ukoll jekk bediex it-tħawwil tas-siġar u arbuxelli mwiegħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tħawwil ta’siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-100,000 siġra li ġew imwiegħda li se jitħawlu f'ħames snin, ġew imħawla s'issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-bidu tal-leġiżlatura sal-aħħar ta’ Diċembru 2022, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża ħawlu 20,735 siġra u 10,298 arbuxell. Dawn apparti siġar u arbuxelli oħrajn li tħawlu minn entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra. Il-figuri għas-sena kurrenti għadhom qed jiġu aġġornati minħabba l-fatt li bħalissa ninsabu proprju fl-istaġun tat-tħawwil.

Wied il-Għajn — Park tal-Inwadar - Proġett ta' afforestazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett ta' afforestazzjoni fil-Park tal-Inwadar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed jiġi finalizzat il-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Park tal-Inwadar biex jitressaq quddiem l-awtoritajiet għall-approvazzjoni. Dan il-pjan ser ikun qed jinkludi wkoll interventi permessibbli li ser jitwettqu minn Project Green, li jinkludu tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ, tindif minn radam, pasaġġ kulturali informattiv u programm ta’ riċerka fuq afforestazzjoni.

Skema ta’ affortestazzjoni — Applikazzjonijiet minn Kunsilli Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-Kunsilli Lokali li applikaw għall-iskema ta' afforestazzjoni offruta lilhom u lil għaqdiet mhux governattivi mill-Gvern? Tista' tgħid ukoll kif u b'kemm-il siġra ġew megħjuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm 9 Kunsilli Lokali li applikaw għall-iskema t’afforestazzjoni msemmija. Dawn huma l-Kunsilli tal-Gudja, Swieqi, Ħal Tarxien, Marsaxlokk, Ħad-Dingli, Birkirkara, Żurrieq, Birgu u Pembroke. Flimkien ma’ dawn l-applikazzjonijiet Project Green irċeviet ukoll numru t’applikazzjonijiet minn organizzazjonijiet volontarji u residenti. Project Green tinsab f’kuntatt ma’ dawn l-applikanti waqt li qegħdin isiru site visits f’45 sit biex jiġu stabbiliti l-interventi meħtieġa għat-tħawwil tas-siġar.

Reġistru tal-Flora u Fawna Maltija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal it-tfassil tar-reġistru li jikkonċerna l-flora u l-fawna Maltija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi t-tnedija tad-Database Nazzjonali tal-Bijodiversità hija ppjanata għas-sena d-dieħla. Id-disinn u l-arkitettura tas-sistema ġew finalizzati. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hija responsabbli għall-informazzjoni kollha li bħalissa qed tiġi ġġenerata, verifikata u popolata fis-sistema. Bħalissa l-ispeċi qed jiġu wkoll ikkonfermati skont l-ispeċi elenkati fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.44 u l- Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.123.

Il-Qajjenza, Birżebbuġa – Trasfertiment ta’ art

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslu t-taħditiet biex l-art fejn qabel kien hemm l-impjant tal-gass tal-Enemalta fil-Qajjenza, Birżebbuġa, tiġi trasferita mill-Gvern lill-privat? Tista' tgħid ukoll x'tip ta' trasferiment ser ikun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-Enemalta mhix se titrasferixxi l-ebda art minn tagħha lill-privat.

Servizzi tad-dawl fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12132 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u ċjoè : B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11728, peress li l-mistoqsija oriġinali ma ġietx imwieġba, tista' l-Ministru telenka u tipprovdi l-lista tat-toroq fejn saru s-servizzi tad-dawl u linji minn taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tagħmel sistemi ġodda għad-distribuzzjoni tal-elettriku taħt l-art u tibdel, testendi jew ittejjeb sistemi eżistenti f’kull triq fejn ikun meħtieġ.

Servizzi tad-dawl fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12133 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u ċjoè : B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11729 peress li l-mistoqsija ma ġietx imwieġba, tista' l-Ministru tipprovdi lista tat-toroq li fihom huwa ppjanat li se jingħaddew is-servizzi tad-dawl u linji minn taħt l-art fis-sena li ġejja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Peress li dan huwa proċess kontinwu, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12655.

Ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa – Miżuri biex jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fil-postijiet li fihom qed isir xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa jittieħdu aktar miżuri ta’ sigurtà sabiex jitnaqqas il-periklu fit-triq u jiġi evitat li jseħħ xi inċident tat-traffiku, kif diġà ġara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tista’ tassigura li qegħdin jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà fiż-żona indikata. Il-Korporazzjoni żżomm is-saħħa u s-sigurtà fil-prioritajiet li tħaddan u għaldaqstant kontinwament tara li dawn il-livelli jibqgħu jiġu milħuqa u miżmuma.

Marsa — Triq Diċembru Tlettax - Riġenerazzjoni għal spazju miftuħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet ir-riġenerazzjoni għal spazju miftuħ fi Triq Diċembru Tlettax ġewwa l-Marsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Project Green għaddejja bl-istudju fuq il-proġett għaż-żona ta’ Triq Diċembru 13, li hu maħsub biex jgħaqqad iż-żewg naħat tal-lokalità tal-Marsa għall-ġid tar-residenti.

Ħamrun — Spazju miftuħ għall-pubbliku u parkeġġ taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-pjan biex minflok il-fabbrika tal-ħalib, ġewwa l-Ħamrun, isir parkeġġ taħt l-art u spazju miftuħ għall-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Project Green bdiet is-surveys neċessarji biex jitħejjew l-istudji inizjali dwar is-sit indikat fil-Ħamrun. Sadattant, infurmata li għaddej ix-xogħol mill-Ministeru kkonċernat biex jinstab sit alternattiv għall-fabbrika tal-ħalib.

Budget 2024 — Enemalta - impjanti ta' emerġenza

Question

Tista' l-Ministru tispjega fid-dettall fiex ser ikun qed jikkonsisti l-kiri temporanju ta' kapaċità ta' 60MW f'impjanti ta' emerġenza għall-Enemalta li tħabbar fid-Diskors tal-Baġit 2024 (paġna 72)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant is-sajf li għadda, wara mewġa ta’ sħana bla preċedent, kien hemm żieda straordinarja fid-domanda għall-elettriku f’pajjiżna fejn l-ogħla domanda (il-peak demand) żdiedet b’14.1 fil-mija fuq dik tal-2022. Dan meta ż-żieda medja bejn l-2010 u l-2022 kienet ta’ 3.5 fil-mija. L-Enemalta għandha l-kapaċitá neċessarja li tlaħħaq sew mad-domanda lokali għall-elettriku, u anke għandha l-kapaċitá standby ekwivalenti għall-ikbar sors ta’ ġenerazzjoni li għandha, dak li huwa magħruf bħala l-N-1, b’tali mod li anke jekk ma jaħdimx dan l-ikbar sors, l-Enemalta xorta għandha l-kapaċitá tilqa’ għad-domanda. Madankollu l-Gvern ħass li fid-dawl tal-effetti bla preċedent tat-tibdil fil-klima, u bħala prekawzjoni jekk jinqala’ l-każ li simultanjament imur l-ikbar impjant kif ukoll ikun hawn xi mewġa ta’ sħana li tkun ikbar milli rajna dan is-sajf, allura jkun tajjeb li naħsbu għall-kapaċitá addizzjonali ta’ 60MW biex nassiguraw li anke jekk Malta tintlaqat bil-mod li diġà aċċennajt għalih, ikun hemm il-kapaċitá teknika li tilqa’ għal dan. Huwa għalhekk li ser tinkera din il-kapaċitá teknika ta’ 60MW. Dan jirrifletti l-għaqal tal-Gvern li mal-ħtiġijiet tal-poplu u tal-industrija ma jiċċajtax.