Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenzi li għandhom garaxx bħala parti mill-binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ residenzi li għandhom garaxx bħala parti mill-binja jew appartament tagħhom? Kemm hawn garaxxijiet residenzjali mibnija f’pajji¿na?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba m’hix disponibli u l-anqas hemm mod raġonevoli kif tinġabar mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Safar fuq xogħol tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza; b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali; c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha; d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma għamlu jew qed jagħmlu l-ebda negozjati għall-kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-binja msemmija.

Proċess ta’ applikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21669 li ngħatat fit-30 ta’ Ġunju 2021, fejn ingħad 'li l-każ huwa preżentement sospiż, fuq talba tal-Perit' jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-iżviluppi li kien hemm f’dawn l-aħħar tliet xhur u nofs dwar l-applikazzjoni PA/01467/21 Location of development: Site at Għar ta' Calypso, Triq Għajn Qamar, Xagħra Description of works: 'Proposed stabilisation of Calypso Cave, consolidation of friable rock face, the demolition of the existing sanitary facilities and construction of a visitors’ interpretation centre, new sanitary facilities and new walkways', u jgħid fiex wasal il-proċess ta' din l-applikazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għadha tinsab sospiża u dan sabiex l-applikant jippreżenta l-informazzjoni mitluba mill-Awtorità tal-Ippjanar li tiġbor fiha informazzjoni addizzjonali mitluba, fost l-oħrajn mill-Awtorità Dwar l-Ambjent u Risorsi u s-Sovrantendenza dwar il-Patrimonju Kulturali.

Siti ta' kostruzzjoni — ċnut

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tal-Ippjajnar tuża l-poteri tagħha li ttiha l-liġi u tobbliga b'mod immeddjar sabiex is-sit tal-kostruzzjoni li hemm mibdija jew abbandunati li qed jikkawżaw periklu għar-residenti isirulhom ċnut u dan peress li hemm siti li spiċċaw miżbliet żgħar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolamenti dwar l-immanniġġjar ta’ siti tal-kostruzzjoni u l-infurzar tagħhom jaqa’ taħt ir-reponsabbiltà tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Ninsab infurmat li, fir-rondi li jwettqu l-uffiċċjali tal-imsemmija Awtorità, tittieħed azzjoni f’waqtha kull darba li jiġi nnutat xi ksur tar-regolamenti, inkluż fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-mistoqsija. Min-naħa tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha s-setgħa li tintervjeni ai termini tal-Sub-artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552) jekk kemm-il darba tkun qiegħda ssir ħsara lill-ġmiel jew is-siwi ta’ xi żona jew jekk ikun hemm bżonn li jitneħħa xi periklu. F’dan il-kuntest, jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għas-sitwazzjoni f’xi lant tax-xogħol partikolari, nitolbu jgħaddili d-dettalji tas-sit sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni skont il-provvedimenti tal-liġi.

Tender

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20888 jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'Works Tender for the Upgrading of the Former Qortin Landfill, in Xagħra, Gozo [CT2022/2019]' u jgħid fiex wasal ix-xogħol rikjest minn din l-imsemmija tender u meta hu ppjanat li jitlesta? Jista’ jaġġorna lill-Kamra dwar il-permess PA/01519/18 'Upgrading works to open rehabilitated landfill to the public Site at Il-Qortin Ta' Għajn Damma, Xagħra, Gozo' u jgħid f'liema stadju wasal dan il-permess biex jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?

Response (FARRUGIA, AARON)

B’ żieda mat-tweġibiet li diġà tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 18903, 19616 u 20888, ninsab infurmat li, fir-rigward tal-applikazzjoni PA/01519/18, l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonkludiet id-Development Permit Application Report u huwa ppjanat li l-applikazzjoni tersaq quddiem il-Bord tal-Ippjanar fil-11 ta' Novembru 2021 sabiex tittieħed deċiżjoni dwarha.

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jgħid fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement mid-Dipartiment tal-Kuntratti 'Tender for the landscaping, embellishment and maintenance of selected areas within Malta and Gozo using Environmentally Friendly Products and Practices - Ambjent Malta' (CT2032/2021)? Jista’ jgħid minn min huma ffurmati l-erba' Consortium (isem il-kumpaniji, jew persuni) li ssottomettew (ibbidjaw) għal din l-imsemmija tender? Jista’ jgħid f'din l-aħħar sena min kien qed jipprovdi dan is-servizz, kif intgħażel u kemm kien qed jitħallas għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender li qed jirreferi għalih jipprovdi għal servizz ta’ tħaddir, tisbiħ u manutenzjoni ta’ diversi siti pubbliċi bħal ma huma roundabouts, central strips u planters f’toroq arterjali, kif ukoll ġonna pubbliċi. L-operaturi ekonomiċi li ssottomettew l-offerta tagħhom huma: (i) GP Green li huwa ffurmat minn G&P Borg Ltd. u Callus Garden Centre; (ii) GEB Landscaping li huwa ffurmat minn V&C Contractors, OZO Group of Companies Ltd, Derek Garden Centre u Sicilville s.r.l; (iii) China Machinery Engineering Co-operation; u (iv) Environmental Landscaping Consortium Ltd. Mill-2003 sa issa s-servizz in kwistjoni kien qed jingħata minn Environmental Landscaping Consortium Ltd. li kienu ntagħżlu mill-Gvern ta’ dak iż-żmien wara sejħa ta’ espressjoni ta’ interess u li kienet ġiet estiża f’Awwissu fl-2007, Novembru 2012 u f’Diċembru 2019. Għal dan is-servizz qiegħda titħallas is-somma ta’ EUR 9.1m (VAT eskluża) fis-sena.

Wasteserve — kontenituri tal-plastik

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jinġabru kontenituri tal-plastik mill-Wasteserv kull sena u kemm inġabru fis-snin 2019, 2020 u 2021? Jista’ jgħid ta’ liema prodotti kienu dawn il-kontenituri, jekk humiex tal-flixken tal-ilma, tal-luminuta, taż-żejt tal-karozzi jew xi prodotti oħrajn? Jista’ jgħid kemm huwa l-piż miġbur fi plastik kull sena mill-Wasteserv magħmul minn dawn il-kontenituri?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data li żżomm il-kumpanija Wasteserv tirrigwardja l-ammont ta’ kontenituri tal-plastik li jkun ġew ipproċessati u t-tip ta’ materjal li jkunu komposti minnu t-tali kontenituri. F’dan il-kuntest, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi titjib sinifikanti ħafna fit-tunellaġġ ta’ plastik li ntbagħat għar-riċiklaġġ. It-tabella tindika kif it-tunnellaġġ li ġie pproċessat fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena jiżboq it-total tas-sentejn preċedenti bi kważi sittin fil-mija.

Applikazzjoni – Environment Impact Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex rigward l-applikazzjoni PC 11/18, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma talbitx għall-istudji bħal Environment Impact Assessment, partikolarment fid-dawl tal-fatt li numru konsiderevoli ta’ residenti lura fi Frar tal-2015, u għal darb'oħra f'Diċembru tal-2018 (LP2013-5691), kienu talbu lill Awtorità tal-Ippjanar li ż-żona tinbidel fi 'Green enclave', bħala risposta għas-sejħa li l-Awtorità nediet għal proposti ta’ titjib tal-Pjan Lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirrigwardja “change of alignment” u li f’interventi bħal dawn la hemm il-ħtieġa li l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsulta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u wisq inqas li jsir Environmental Impact Assessment (EIA).

Naxxar — Tas-Sagħtar (Ċentru Pastorali/Kappella Sagħjtar fi Triq il-Ħawħ, Triq Manwel Magri SJ u Triq Ċensu Muscat) - Żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22444, 21995 u 21994, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ żvilupp lesta tikkunsidra l-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit li qabel kienet tintuża bħala barriera fiż-żona magħrufa Tas-Sagħjtar (Ċentru Pastorali/Kappella Sagħjtar li tinsab preċiżament Triq il-Ħawħ, Triq Manwel Magri SJ u Triq Ċensu Muscat) fil-limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed x’inżid mal-mistoqisjiet Parlamentari 22444, 21995 u 21994.

Naxxar – Tas-Sagħjtar (Ċentru Pastorali/Kappella Sagħjtar) – żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ żvilupp lesta tikkunsidra l-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-sit li qabel kienet tintuża bħala barriera fiż-żona magħrufa Tas-Sagħjtar (Ċentru Pastorali/Kappella Sagħjtar) fil-limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ġa ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21995.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21049 u jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima t l-Ippjanar — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 20982.

Rapport tan-National Productivity Board

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19415 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna għat-tnedija tar-Rapport tan-National Productivity Board fit-18 ta’ Frar 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Climate Change – impatt negattiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu biex il-Gvern jikkombatti b’mod effettiv l-impatt negattiv tal-climate change fuq Malta mill-2017 s’issa sena b’sena? Jista’ jgħid jekk ġiex mogħtija xi għajnuna mill-UE f’dan ir-rigward u jekk iva fiex kienet tikkonsisti?

Response (FARRUGIA, AARON)

It-tibdil fil-Klima hija materja globali li taffetwa lill-pajjiżi kollha tad-dinja u bħala tali tirrikjedi sforz globali biex tkun indirizzata. Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima tipprovdi l-qafas internazzjonali sabiex tkun imbuttata ‘l quddiem din il-ġlieda, filwaqt li l-pakkett ta’ proposti regolatorji tal-UE, l-Fit for 55 Package, jipprovdi fierxa qawwija ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-UE. Hawnhekk infakkar li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tagħha f’pajjiżna hija mifruxa b’mod oriżżontali fuq numru ta’ dipartimenti u entitajiet u dan għaliex l-ġlieda kontra t-Tibdil fil-Klima tolqot prattikament kollox u lill-kullħadd. Ix-xogħol li jsir huwa ħafna u jvarja minn proġetti bħall dawk tan-new water, proġetti għal restawr ta’ biodiversita’ u tneħħija ta’ speċi indiġeni, għall-maniġment ta’ siti protetti, miżuri agro-ambjentali taħt l-politika agrarja komuni, proġetti infrastrutturali bħal toroq li jnaqqsu d-dewmien, u break waters għall-maltemp, infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart, titjib fl-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, u fid-distribuzzjoni tal-ilma, użu ta’ LNG flok heavy fuel oil fil-power station, reżiljenza fil-generazzjoni tal-elettriku inkluż l-interconnector ma’ Sqallija, inċentivi għal pannelli u water heaters tax-xemx, inċentivi għall scrapping ta’ karozzi qodma u għax-xiri ta’ karozzi elettriċi, dwal energy saving fit-toroq, green public procurment, serbizz t’ karozzi tal-linja b’xejnngħaż-żgħażagħ u anzjani, tindif ta’ widien anke minħabba gharghar, żrigħ ta’ eluf ta’ siġar u nista’ nibqa’ sejjer. Il-fatt huwa li qed isir ħafna u ħafna xogħol. Irrid ngħid ukoll li uħud mill-miżuri jkunu anke bbenifikaw minn fondi varji Ewropej. Ħa nfakkar ukoll li iktar minn 50% tal-Fond ta’ Rkupru u Resiljenza ser jintużaw għal skopijiet ta’ Tibdil fil-Klima fl-aħjar pakkett favur l-ambjent kif iddikjarat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Sadanittant għadna kif lestejna wkoll l-Low Carbon Development Strategy u l-Long Renovation Strategy li ser iwassluna biex nilħqu l-miri klimatiċi stabbiliti. Il-ħidma tal-Gvern fuq it-tibdil fil-Klima ma tieqafx u fiż-żmien li ġej ser nkunu qed nuru li aħna nippjanaw bir-reqqa u nwettqu fis-sod.

Port Ħieles — Ħruġ ta’ Żejt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bejn Mejju u l-aħħar ta' Settembru kienx irrapportat xi tniġġiż ta' żejt minn vapuri fil-Port Ħieles? Jekk iva, jista’ l-Ministru jagħti d-dati ta' meta saru tali rapporti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi, l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi kellha rapport wieħed ta’ oil spill minn vapur li kien qiegħed sorġut mall-moll tal-Port Ħieles u li ġarrab xi ħsarat fil-hull. Dan l-inċident seħħ fit-18 ta’ Awwissu 2021 u kien riferut lill-Awtorità mill-Malta Freeport Terminals Ltd. stess skont l-obbligi li għandha mal-Awtorità. Din l-‘spill’ ġiet indirizzata u kkontrollata b’mod immedjat mill-operatur tal-Malta Freeport stess u mill-kuntrattur imqabbad mill-istess operatur

Wasteserv — kompost iġġenerat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm f’tunnellati ġie ġġenerat kompost mill-Wasteserv, sena b’sena, bejn l-Settembru 2017 - Settembru 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ġa ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 14094, 14819, 16179, 19067 u 21159.

Wasteserv — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm bejn settembru 2018 u Settembru 2021 ( xahar b’xahar) daħlu ħaddiema jaħdmu mal-kumpanija Wasteserv u mil-liema lokalitajiet dawn ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan ir-rekrutaġġ kien kruċjali biex il-WasteServ tilħaq l-ogħla ammont ta’ riċiklaġġ fl-aħħar 19-il sena l-investiment fin-nies wassal biex l-iskart jiddawwar f’riżorsa, jiġu evitati spejjeż u jiżdied l-introjtu.