Legislature:
Category:
Reset
Active:

Commissioner for Animal Welfare – rapport fuq l-istat li fih jinżammu l-annimali fl-Għammieri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mill-Commissioner for Animal Welfare, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fuq l-istat li fih jinżammu l-annimali fl-Għammieri?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport mitlub jinsab fuq il-sit elettroniku tal-Ministreru bil-link: https://agriculture.gov.mt/en/commissioneranimalwelfare/Documents/DOCS/reportAndRecommendationsOnThe%20workingsOfAwdApril%202019.pdf . Kopja tar-rapport qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Impjant ta’ Anaerobic Digestion – skart organiku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10205 u jgħid ma’ kemm-il tunnellata ta’ skart organiku jlaħħaq l-impjant ta’ anaerobic digestion? Fil-preżent qed jaħdem full capacity? Kemm minn dak li qed jinġabar mill-iskema tal-ġbir tal-iskart mhux qed fil-fatt jintefa’ fl-impjant, iżda minflok jintefa’ fil-landfill?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Impjant ta’ Sant’Antnin ta’ Anaerobic Digestion iddisinjat sabiex jittratta sa massimu ta’ 36,400 tunnellata ta’ skart organiku fis-sena. Bħala proċess, normalment wieħed minn erba’ tankijiet tal- anaerobic digestion ikun ‘ off-line’ għax tkun qed issirlu xi tip ta’ manutenzjoni. Bħalissa qegħdin fi preparazzjoni ta’ tank minnhom u allura qegħdin fil-‘ full capacity’ operattiva. Xejn minn dak li qed jinġabar mill-iskema tal-ġbir tal-iskart organiku mhu qed jintefa’ fil- landfill .

Malta National Park 2022 — pjanti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-Malta National Park 2022 li l-Gvern beħsiebu jagħmel f’Ta Qali? Jista’ jagħti break down tal-ispejjeż li sal-lum huma maħsuba li jsiru?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett s’issa qed isir mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, bil-Ministeru tiegħi li ser ikun qed jieħu taħtu l-proġett aktar il-quddiem. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jaghmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ta’ Qali — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jitnaddaf Ta’ Qali (u jgħid jekk hemmx xi skeda ta’ tindif) u jgħid liema partijiet jitnaddfu min-naħa tal-Gvern?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi hu responsabbli mit-tindif ta’ parti minn Ta’ Qali. Iż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħi huma: · Il-Park Nazzjonali kollu, nkluż il- picnic area , l- Adventure Park , l- Petting Farm u d- Dog Park ; · Il-parkeġġi kollha ta’ madwar il-Park Nazzjonali fejn qabel kien hemm ir- runway ; · Vjal l-Istadju Nazzjonali (minn Triq l-Imdina sal-Ambaxxata Amerikana); · It-triq li twassal minn fejn iċ-ċimiterju tal-Ingliżi (ħdejn ir- roundabout ta’ taħt l-Imtarfa), sal- Picnic Area f’Ta’ Qali; · It-triq ta’ quddiem l- Istadju Nazzjonali u mad-dawra tiegħu. · Triq San Ġakbu minn fejn id- Dog Park sa fejn jispiċċa l-kumpless tal-Meridiana. It-tindif f’dawn iż-żoni isir kuljum.

Bengħajsa — xogħlijiet fuq tħawwil ta' siġar

Question

JIsta' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet ta' tħawwil ta' siġar f'Bengħajsa? Kemm-il siġra se tkun qed titħawwel, x'tip ta’ siġar se jitħawlu? Jista' jispjega kif se jkun immaniġġjat dan is-sit b’mod partikolari x’miżuri se jittieħdu dwar it-tisqija tal-istess siġar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet li ġejjin ser jibdew jitħawwlu s-siġar peress li bħalissa huwa ż-żmien idoneju minħabba l-klima u iżid il-possibilta ta’ suċċess tat-taħwil. Sa l-aħħar tas-sena ser ikunu tħawwlu 2,000 siġra filwaqt li matul l-2020 jitwaħħlu 4,000 siġra u arbuxelli oħra. Il-kumplament tas-siġar jitħawwlu fl-2021 għal total ta’ 9,300 siġra. Bħala parti mill-proġett ser tinbena ġiebja sabiex jinħażen l-ilma tax-xita li eventwalment jintuża għat-tisqija. Se titfassal sistema ta’ irrigazzjoni effiċjenti bit-taqtira. Din is-sistema tagħti l-ilma fejn is-siġar biex titnaqqas il-ħela ta’ ilma. Speċi u kwantitajiet ta’ siġar proposti għat-taħwil: a. Ceratonia Siliqua 2,000 b. Olea Sylvestris 1,500 c. Pistacia lentiscus 1,900 d. Pinus halepensis 1,000 e. Quercus coccifera 1,000 f. Teucrium fruticans 700 g. Phlomis fruticosa 300 h. Spartium junceum 300 i. Anthyllis hermanniae 200 j. Cistus spp. 200 k. Salvia officinalis 100 l. Thymbra capitata 100

Proġett ta’ Ta’ Qali National Park

Question

In vista tal-aħbar fil-ġurnal Malta Today bit-titolu “Ta’ Qali National Park to double in size” https://www.maltatoday.com.mt/news/national/94889/watch_ta_qali_national_park_to_double_in_size#.XX6FEi2B2u4 u wegħda magħmula mill-Prim Ministru u mill-Ministru tal-Ambjent ftit jiem qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019 li l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali ser jirdoppja fid-daqs, u li ser jitħawwlu iktar minn 80,000 siġra u ser ikun hemm investiment ta’ iktar minn €20 miljun, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li saru fis-sit minn dakinhar sal-lum, inkluż kemm-il siġra ġiet imħawwla u kemm flus intefqu s’issa? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tax-xogħlijiet/programme of works ta’ dan il-proġett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba n-natura infrastrutturali kbira involuta f’dan il-proġett, ix-xoghol ewlieni s’issa sar mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, bil-Ministeru tiegħi li ser ikun qed jieħu taħtu l-proġett aktar il-quddiem. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Freeport – proġett ta’ tħawwil ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fil-fatt tħawwlu siġar mit-8,000 siġra li huwa wiegħed li ser jitħawwlu fl-area wara l-Freeport f’konferenza tal-aħbarijiet on site li saret fis-7 ta’ Mejju 2019, ftit jiem qabel l-elezzjonijiet tal-istess Mejju? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-management plan jew programme of works li hemm approvat għal dan il-proġett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żmien idoneju biex jibdew jitħawwlu s-siġar huwa minn Ottubru u dan minħabba kwistjonijiet ta’ klima. Taħwil f’dan iż-żmien iżid il-possibilta ta’ suċċess tat-taħwil. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet meħtiega bħala parti mill-proġett. Dwar dan hemm applikazzjoni għal żvilupp pendenti iżda nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li sa l-aħħar tas-sena ser ikunu tħawwlu 2,000 siġra filwaqt li matul l-2020 jitwaħħlu 4,000 siġra u arbuxelli oħra. Il-kumplament tas-siġar jitħawwlu fl-2021 għal total ta’ 9,300 siġra.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ talbiet, skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, li rċieva l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, u l-entitajiet u l-awtoritajiet, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kien kif ġej: Bejn Ġunju u Diċembru 2017: Erba’ (4) talbiet; Bejn Jannar u Diċembru 2018: Tnax-il (12) talba; Bejn Jannar u Settembru 2019: Tnejn u ħamsin (52) talba. Minn dawn it-talbiet, ħamsa u erbgħin (45) intlaqgħu, sbatax (17) kienu rrifjutati, ħamsa (5) għadhom pendenti u waħda (1) ġiet irtirata. F’dawk il-każijiet fejn talba ġiet irrifjutata, dan sar għax l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet li rċieva l-Ministeru tiegħi saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu jikkonċernaw aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, kif ukoll l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Il-Buskett – Ċentru għar-Riċerka dwar il-Vitikoltura — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar u x’flus intefqu fiċ-Ċentru għar-Riċerka dwar il-Vitikoltura fil-Buskett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fiċ-ċentru għar-riċerka dwar il-Vitikultura fil-Buskett saru diversi nterventi, fosthom ‘upgrading’ u manutenzjoni tal-post biex jiġi konformi mar-regolamenti kkonċernati, installazjoni ta’ għamara fil-laboratorji u ssetjar ta’ apparat li jista’ jintuża biex issir ir-riċerka. Saru wkoll interventi fir-raba’ ta’ madwar il-binja biex din isservi bħala ‘motherblocks’ għal dwieli indiġeni Maltin. Il-flus li ser ikunu ntefqu matul dawn l-aħħar sentejn jammontaw għal Euro 25,250. Sar ukoll ftehim mal-Universita ta’ Malta sabiex il-faċilitajiet ikunu aċċessibli għall-istudenti Universitarji.

Mini Buskett – kumitat — membri

Question

Wara li f’Lulju 2016 il-Ministru kien ħabbar lill-media li "Environment Minister José Herrera has earmarked an area in the middle of Malta to transform into a “mini-Buskett” which would be large enough to encourage wildlife to settle…The initial part of securing the selected site is now being finalised. A special committee will then draw up an action plan and budget accordingly." (Sunday Times, 3.07.2016), jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul dan il-kumitat u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-action plan imwiegħed dakinhar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ftit wara li assumejt ir-responabbilità ta Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima ġie deċiż li l-Parks tiġi ristrutturata sabiex tkun tista tilqa’ aħjar għal isfidi ta’ afforestazzjoni biex b’hekk il-bżonn ta’ dan il-Kumitat ma baqax jeżisti. Filfatt, ir-ristrutturar wassal għal ħolqien ta’ Ambjent Malta li hija entità komposta minn Dipartiment governattiv kif ukoll Bord ta’ Gvernaturi.

Mini Buskett — kumitat aġenda

Question

Wara li f’Lulju 2016 il-Ministru kien ħabbar lill-media li "The minister said that one of his first tasks upon taking office was to appoint an ad hoc committee for the sole purpose of carrying out an afforestation project of indigenous trees covering an area of over 50 tumoli in Malta" (Sunday Times, 3.07.2016), jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul dan il-kumitat, kemm-il darba ltaqa’ mill-2016 sal-2018 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġenda ta’ kull laqgħa ta’ dan il-Kumitat s’issa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 11068.

Skema White Flag

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejnu, bejn il-Ministeru tiegħu u r-rappreżentanti tal-iskema White Flag?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba mressqa hija vaga ħafna u sabiex wieħed jkun jista’ jwieġeb dak li qed jiġi rikjest, trid issir tfittxija f’ numru kbir ta' dokumenti, sabiex tidentifika, ssib jew tiġbor id-dokumentazzjoni relatata li jistgħu jew ma jistgħux jaqgħu taħt l-ambitu ta’ din l-istess talba. Għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jispeċifika b’mod ċar u jkun speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Skema White Flag — individwu

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-due diligence li l-Ministeru tiegħu għamel fuq l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li qed jiffaċja akkużi ta’ frodi fil-Kroazja għall-proġett simili ħafna tal-iskema White Flag?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid ma dak li ġa għidt pubblikament u anke f’risposti Parlamentari oħra inkluż Mistoqsija Parlamentari 8173 ta’ din il-leġiżlatura fejn sħaqt li l-Ministeru tiegħi ma daħal fl-ebda obbligu kuntrattwali fit-tul mal-entità “White Flag International” la permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi nazzjonali u lanqas dawk Ewropej.

Skema White Flag — individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’responsabilità ġarr jew iħoss li għandu jġorr meta kienet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li għaliha huwa hu politikament responsabbli, li fit-2 ta’ Marzu 2018 tat il-permess lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, wara l-iskema frodista tal-White Flag ("Our Ref: NP 0058/18: Reference is being made to your application form dated 28 February 2018, for permission to hold a clean-up of the sea-bed at Wied iż-Żurrieq with the aim of achieving the White Flag status of the beach. The Environment and Resources Authority (ERA) is hereby granting you permission in accordance with Regulation 18(2) of the Flora, Fauna and Natural Habitats Protection Regulations, 2006 (S.L. 549.44), hereinafter referred to as the Regulations, for the purpose of exempting the Permit Holder from the prohibitions on operations or activities referred to in Regulation 18(1) of the Regulations for activities that shall be carried out within the Special Area of Conservation (SAC) of Zona fil-Baħar fl-Inħawi ta’ Għar Lapsi u ta’ Filfla (MT0000102)”?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-permess ambjentali, li għalih qed issir referenza, kien biex jiggwida l-attività ta’ tindif minn qiegħ il-baħar, bl-aspett ewlieni li dawn l-attivitajiet isiru bla detriment lill-ambjent naturali li fihom ser jitwettqu. L-iskema per se tal-White Flag ma kellha l-ebda inċidenza materjali fuq il-metodu ta’ kif għandu jsir it-tindif fil-baħar u għaldaqstant l-anqas ma għandha inċidenza fuq l-awtorizzazjoni li ħarġet l-Awtorità. Skont l-Att għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Awtorità kienet tonqos mill-obbligu tagħha li kieku m’evalwatx din l-attività għall-permess ambjentali.

Għawdex – Pitkalija – kontenituri ta’ ħxejjex u frott mhux nodfa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2019 kienx hemm rapporti jew ilmenti kwantu l-Pitkalija t'Għawdex dwar kontenituri ta' ħxejjex u/jew frott li ma kinux nodfa? Jekk iva, kemm kien hemm rapporti xahar b'xahar u x'sar jew x'qed isir biex dawn ir-rapporti jew ilmenti jiġu indirizzati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pitkalija t’Għawdex taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex.

Għajnuna lill-bdiewa minħabba ħsarat fis-serer

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar: a. kemm kien in-numru ta’ bdiewa li applikaw għal għajnuna li nieda l-Gvern biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret fis-serer bil-maltemp li sar fil-bidu ta’ din is-sena; b. kemm kien l-ammont ta’ flus li l-bdiewa applikaw għalihom b’din l-iskema; u c. jgħid ukoll mil-liema lokalità ġejjin il-persuni li applikaw għal din l-għajnuna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema għal għajnuna lill-bdiewa minħabba ħsarat fis-serer għada m’għalqitx u l-applikazzjonijiet ser jibqgħu jintlaqgħu sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi provduta f’dan l-istadju għaliex l-applikazzjonijiet għadhom qed jigu miġbura u evalwati.

Il-Mosta – tindif ta’ siġar mejta

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex siġar li huma mejta jiġu mnaddfa biex jitneħħa l-periklu fit-toroq madwar il-Mosta, speċjalment f’toroq madwar Wied il-Għasel u f’toroq mill-Mosta għal Burmarrad?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, diġa rrapurtat lil-Awtoritajiet konċernati (Infrastructure Malta u Transport Malta) sabiex titneħħa is-siġra tal-prinjol mejta li hemm fin-niżla ta’ Burmarrad minħabba li din tista’ tkun ta’ periklu. Din iż-żona ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Malta Embellishment Landscaping Project fi ħdan il-Ministeru. Peress li ż-żona ta’ Wied il-Għasel hi kemm xejn kbira, qed jintalbu aktar dettalji ta’ fejn jinsabu dawn is-siġar mejta.

Ċentru ta’ Malta – Mini Buskett

Question

Peress li fl-2016, il-Ministru wiegħed mini Buskett fiċ-Ċentru ta’ Malta, u skont artiklu fit-Times of Malta miktub fit-3 ta’ Ġunju 2016 bit-titlu ‘'Mini-Buskett' site has been found, says Environment Minister’ fejn kien qal li “Malta is crying out for trees” u li "It will be located towards the centre of the island and will be a decent-sized, self-sustainable park – large enough for wildlife to settle again,” he said, refraining from pinpointing the exact location”; jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fl-aħħar tliet snin fuq din il-wegħda u fejn huwa l-post indikat u x’tip ta’ wildlife hemm fih illum? (https://timesofmalta.com/articles/view/mini-buskett-site-has-been-found-says-environment-minister.617498?fbclid=IwAR1NB8DX6XipW1afpMgtu1819Ztyzo3heyq-aPStvEqhhfveqlL82UhC2qk)

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, identifika art bejn in-Naxxar u l-Mosta sabiex fiha jsir proġett ta’ riġenerazzjoni li jinkludi taħwil ta’ siġar indiġeni. Din iż-żona li tikkonsisti f’parti minn Wied il-Għasel, Wied Santa Katerina u Wied Għajn Riħana. Dan is-sit li joffri kenn għal numru ta’ flora u fauna tipika Maltija, u ġie identifikat minħabba l-fatt li ntiflu ħafna mill-karatterestiċi tiegħu. Il-proġett jikkonsisti f’dan li ġej: · restawr tal-wied biex meta tagħmel ħafna xita ma ssirx ħsara fl-għelieqi tal-madwar kif ukoll jgħin biex jiżdied l-ilma tal-pjan; · restawr tal-ħitan tas-sejjiegħ; · monitoraġġ xjentifiku tal-widien; · tneħħija ta’ siġar invażivi; · taħwil ta’ madwar 3,000 sigra indiġena li jattiraw aktar għasafar u nsetti bħan-naħal biex tiżdied il-biodiversita. S’issa sar ħafna xogħol amministrattiv li jinkludi talba għall-fondi mill-Unjoni Europeja. Qed isir ix-xogħol biex jinħargu l-offerti tax-xogħlijiet neċessarji u hu ppjanat li lejn l-aħħar tas-sena 2020 jibda ix-xogħol fil-widien.

Ċentru ta’ Malta — Mini Buskett - żona

Question

Wara li f’Lulju 2016 il-Ministru kien ħabbar lill-media li "Environment Minister José Herrera has earmarked an area in the middle of Malta to transform into a “mini-Buskett” which would be large enough to encourage wildlife to settle...It will be located towards the centre of the island and will be a decent-sized, self-sustainable park – large enough for wildlife to settle again,” he said, refraining from pinpointing the exact location." (Sunday Times, 3.07.2016), jista’ l-Ministru jgħid fejn hija din iż-żona u kemm hi kbira?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, identifika art bejn in-Naxxar u l-Mosta sabiex fiha jsir proġett ta’ riġenerazzjoni li jinkludi taħwil ta’ siġar indiġeni. Din iż-żona tikkonsisti f’parti minn Wied il-Għasel, Wied Santa Katerina u Wied Għajn Riħana. Bħala parti minn dan il-proġett se jitneħħew siġar invasivi u jitħawwlu madwar 3,000 sigra indiġena fuq medda ta’ art ta’ madwar 75,000 metru kwadru (7.5 ettari) Infakkar ukoll fil-proġett kbir ta’ afforestazzjoni f’ Bengħajsa, f’ art li hi kbira l-fuq min 60 tomna, ħa jibda l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett fejn ser jitħawwlu l-fuq minn 8,000 siġra u arbuxxell.