Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kirjiet – Diskriminazzjoni mal-kerrejja Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li persuni ta’ nazzjonalità Maltija qed isibuha iktar diffiċli biex jikru proprjetà f’Malta minħabba li sidien jippreferu TCNs? Jekk iva, kif ser tiġi indirizzata din id-diskriminazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellent li l-Awtorità m’għandiex dettalji dwar l-għażliet tas-sidien. Nitlob biex jekk l-Onorevoli għandha f'idejha informazzjoni jindika dak li qed jiġi allegat tpoġġieh fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Dħul massimu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi realistika li waħda mir-rekwiżiti għall-akkomodazzjoni soċjali hija li d-dħul massimu ta’ sena jrid ikun ta’ €10,000 għal persuna waħedha u €12,000 għal koppja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-akkomodazzjoni soċjali huwa li jiġi żgurat li individwi u familji bi dħul baxx ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ persuni u familji f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-akkomodazzjoni soċjali, inklużi l-limiti tad-dħul u tal-assi, huma ppubblikati fuq il-website tal-Awtorità tad-Djar. Fir-rigward tal-limiti tad-dħul, għal persuna waħedha l-limitu annwali huwa ta’ €10,000, filwaqt li għal koppja huwa ta’ €12,000. Għal koppji u ġenituri waħedhom, il-limitu tad-dħul jiżdied b’€700 fis-sena għal kull wild dipendenti.

Akkomodazzjoni soċjali – Sistema ta’ punti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sistema ta’ punti biex tiġi ddeterminata l-prijorità għall-akkomodazzjoni soċjali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra din is-sistema?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat –tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 162.

Akkomodazzjoni soċjali – Postijiet battala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali battala bħalissa u għaliex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sal-lum, hemm total ta’ mija u sitta u erbgħin (146) post vakanti li huma lesti għall-allokazzjoni. Dawn jinkludu kemm postijiet miksuba permezz tal-iskema Nikru Biex Nassistu, li għalihom diġà ġew iffirmati l-ftehimiet mas-sidien u li ċ-ċwievet tagħhom ġew mgħoddija, kif ukoll postijiet tal-Gvern li huma vakanti, wara li ġew ritornati iċ-ċwievet jew liema xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni tlestew, u li għalhekk huma lesti biex jiġu allokati.

Akkomodazzjoni soċjali – Tnaqqis tal-lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali titnaqqas b’mod drastiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġà ħa passi konkreti sabiex jindirizza l-isfida tal-akkomodazzjoni soċjali, permezz ta’ investiment kontinwu u l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri intiżi sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni għal dawk li l-aktar jeħtieġu l-appoġġ. F’dan ir-rigward, il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdida, fil-manutenzjoni u fir-riġenerazzjoni tal-istokk eżistenti, kif ukoll fit-tisħiħ tal-Iskema ta’ Kiri ta’ Proprjetajiet mis-Settur Privat (NIK), sabiex jiżdiedu l-proprjetajiet disponibbli għall-akkomodazzjoni soċjali. Ma’ dawn l-inizjattivi jiżdiedu miżuri oħra li jikkumplimentaw l-akkomodazzjoni soċjali, fosthom l-għajnuna għall-kera, skemi ta’ akkomodazzjoni affordabbli, programmi speċjalizzati għal persuni bi bżonnijiet differenti, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-politika ta’ Inclusive Communities , li permezz tagħha qed jingħata appoġġ lil għaqdiet volontarji biex jipprovdu akkomodazzjoni u servizzi fil-komunità. Dawn l-inizjattivi jixhdu l-impenn tal-Gvern li jindirizza din l-isfida permezz ta’ investiment u azzjoni konkreta, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-akkomodazzjoni u jespandi l-firxa ta’ soluzzjonijiet disponibbli. L-għan huwa li l-appoġġ jingħata b’mod responsabbli u effettiv, skont il-ħtiġijiet differenti tal-persuni u l-familji, filwaqt li tkompli tiġi indirizzata l-isfida tal-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali.

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Ministru Interpellant  li sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali hemm 1,659 applikazzjoni. B'kuntrast, l-applikazzjonijiet pendenti matul l-2013 kienu jammontaw għal 3,304.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 684 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 975.

Rapporti u dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3207 u jgħid f’liema rapporti jew dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern jiġu rreġistrati l-istimi tal-obbligazzjonijiet relatati ma’ kumpens li għadu ma tħallasx għal artijiet u proprjetajiet meħuda għal skopijiet pubbliċi jew soċjali u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rendikont disponibbli, bid-data ta’ referenza tiegħu, li juri separatament il-kumpens totali determinat u/jew maqbul iżda mhux imħallas, l-istima totali min-naħa tal-Gvern tal-kumpens li għadu jrid jiġi determinat, u l-imgħax totali dovut?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3208 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar statistiċi mill-Awtorità tad-Djar u/jew minn entità oħra għas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 (sal-aħħar ta’ Settembru) dwar l-applikanti u l-benefiċjarji tal-iskema tal-10% Depożitu, l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, l-Iskema tas-Self Soċjali u l-Għotja għax-Xiri ta’ Residenza rigward l-età, il-kompożizzjoni tal-familja, id-dħul, l-assi, il-prezz u l-karatteristiċi tal-proprjetà, id-depożitu, l-ammont u t-terminu tas-self, il-pagament ta’ kull xahar, u għajnuniet oħra riċevuti? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm benefiċjarji ta’ aktar minn skema waħda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Skema tal-10% Depożitu - Żmien ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3211 u jgħid kemm kienet il-medja taż-żmien bejn applikazzjoni kompluta u d-deċiżjoni tal-Awtorità tad-Djar, u bejn dik id-deċiżjoni u l-kuntratt finali għall-iskema tal-10% Depożitu għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli? Jekk xi informazzjoni ma tinżammx mill-Awtorità, jista’ jgħid jekk tinżammx mill-banek parteċipanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Skema ta’ Qsim ta’ Ekwità - Medja u medjan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3213 u jipprovdi, f’tabella separata għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, għall-każijiet konklużi taħt l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, il-medja u l-medjan tal-prezz tal-proprjetà, tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Awtorità u tal-perċentwal tas-sehem tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Skema ta’ Self Soċjali - Medja u medjan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3215 u jgħid, għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, għall-każijiet konklużi taħt l-Iskema tas-Self Soċjali, x’kienu l-medja u l-medjan tal-prezz tal-proprjetà, tal-ammont tas-self, u tas-sussidju ta’ kull xahar approvat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar privati mikrija lil Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx djar privati reġistrati li jikru lil ċittadini Maltin, u jekk iva, kemm?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekwiżiti marbuta mar-reġistrazzjoni huma dawk li jrid u jistipula l-Kap 604 tal-Liġijiet ta’ Malta. L-informazzjoni msemmija fid-domanda mhijiex rekwiżit għall-fini ta’ reġistrazzjoni ta’ kuntratt ta’ kiri skont il-Kap 604 u għaldaqstant ma tinżammx mill-Awtorità.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Akkomodazzjoni Soċjali – Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali li għandhom carer?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma llil Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx din l-informazzjoni, peress li l-fatt li persuna jkollha carer mhuwiex rekwiżit jew kriterju għall-allokazzjoni jew għall-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali. Għaldaqstant, din id-data mhijiex disponibbli.

Akkomodazzjoni Soċjali – Ġenituri waħedhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri waħedhom li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx  profil tal-inkwlini skont il-qagħda familjari tagħhom. Għaldaqstant, din l-informazzjoni mhijiex disponibbli.

Akkomodazzjoni Soċjali – Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali u jekk l-akkomodazzjoni fejn jgħixu hijiex aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 209 persuni b’diżabilità li ġew allokati akkomodazzjoni soċjali. Fl-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali lil persuni b’diżabilità, jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tal-persuna kkonċernata sabiex l-akkomodazzjoni allokata tkun adegwata għaċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet tagħha. Il-ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà jvarjaw minn persuna għal oħra u jistgħu jinkludu, fost oħrajn, aċċess għall-entratura mingħajr turġien, akkomodazzjoni fil-pjan terran, aċċess permezz ta’ lift, kif ukoll spazji u faċilitajiet interni adattati għall-ħtiġijiet tal-persuna. Kien hemm ukoll każijiet fejn sar bdil ta’ akkomodazzjoni sabiex il-proprjetà tkun aktar adegwata għall-ħtiġijiet tal-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni finali dwar l-adegwatezza tal-akkomodazzjoni li tiġi allokata taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tal-Allokazzjonijiet, li għandu quddiemu ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet partikolari tal-applikant. Għandi fiduċja li l-Bord jagħmel l-evalwazzjoni meħtieġa u jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu abbażi tal-ħtiġijiet, inklużi dawk ta’ aċċessibbiltà, tal-persuna kkonċernata.

Skema tal-10% Depożitu u Skema ta’ Qsim ta’ Ekwità – Numru ta’ applikazzjonijiet miċħuda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3219 u jipprovdi, separatament għall-iskema tal-10% Depożitu u għall-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, in-numru ta’ applikazzjonijiet miċħuda minħabba: (a) dħul ogħla mil-limitu, kemm qabżuh b’sa €1,000, b’bejn €1,001 u €5,000, u b’aktar minn €5,000; (b) dħul taħt il-minimu applikabbli jew insuffiċjenti għall-ħlas tas-self; (ċ) età; (d) assi jew ownership ta’ proprjetà oħra; (e) prezz jew valur tal-proprjetà ogħla mill-limitu; (f) nuqqas ta’ konformità ma’ kriterji oħra tal-bank; jew (g) raġunijiet oħra, li għandhom jiġu speċifikati? Jista’ l-Ministru jiddistingwi bejn ċaħdiet mill-Awtorità u dawk mill-bank, u jgħid kemm-il applikazzjoni ġiet approvata mill-Awtorità iżda sussegwentement miċħuda mill-bank? Fejn applikazzjoni għandha aktar minn raġuni waħda, jista’ jiċċara dan sabiex jiġu evitati kalkulazzjonijiet doppji?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Belt Valletta – Stabbilimenti tal-ikel – Konċessjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw konċessjonijiet da parti tal-Awtorità tal-Artijiet fil-Belt Valletta, biex stabbilimenti tal-ikel - irrispettivament tal-mod kif deskritti – ikunu jistgħu jagħmlu l-imwejjed tagħhom fit-toroq pubbliċi, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.