Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (REFALO, ANTON)

Tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward issaħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa din is-sena, attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’ Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali li saret f’ Brussell f’ 26 ta’ Jannar. Attendejt ukoll ghal-laqgħa Politika tal-Ministri tal-Agrikoltura – organizzata flimkien mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza ta' Ċipru li saret f’ Brussell f’ 7 ta’ Jannar. Għax-xhur li ġejjin, bħala prassi u sa fejn ikun possibbli, jien ser nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l- Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mittemi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.

Segretarjat għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali , inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Diċembru 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 33927.

Għawdex - Pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet biex tiġi rranġata u mmodernizzata l-Pitkalija f’Għawdex, u minn min ser isiru x-xogħlijiet?  Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub (xahar u sena) li terġa’ tinfetaħ il-Pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-bini tal-Pitkalija diġà qed jintuża bħala hub fejn jinġabar u jiġi ttrasportat il-prodott tal-bdiewa Għawdxin lejn il-Pitkalija f’Malta. Twettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-bini eżistenti mill-ħaddiema tal-aġenzija. Barra minn hekk, beda proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbena maħżen li jkun jista’ jintuża għal dan il-għan, sabiex ikompli jsaħħaħ u jiffaċilita l-operat tal-Pitkalija f’Għawdex.

Segretarjat għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali , inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Novembru 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 32815.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Entitajiet li ma jippermettux teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema entitajiet governattivi fi ħdan il-ministeru ma jippermettux teleworking u x’inhi r-raġuni?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33376.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Strateġija biex jiżdied it-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-ministeru biex jiżdied it-teleworking sabiex jissaħħaħ il-kunċett ta’ work-life balance u jitnaqqas it-traffiku?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 33366.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Teleworking – Medja ta’ sigħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fil-ministeru li jaqgħu taħtu li jippermettu teleworking u x’inhi hi l-medja tan-numru ta’ sigħat ta’ teleworking fil-ġimgħa f’kull entità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jaddottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Testijiet tas-salmonella

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jittieħdu t-testijiet tas-salmonella mit-tiġieġ tas-simna, kemm qed idum biex joħroġ ir-riżultat u x’qiegħed isir biex dan iż-żmien ikun iqsar?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-testijiet tas-salmonella li jsiru fuq it-tiġieġ tas-simna jiġu analizzati fil-laboratorju uffiċjali tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel. F’każ li t-testijiet jirriżultaw fin-negattiv, ir-riżultat jinħareġ bejn erba’ (4) u sitt (6) ijiem.   F’każ li mit-testijiet jirriżulta li hemm il-preżenza tas-salmonella, ir-riżultat preliminari jinħareġ mhux qabel minn sebat (7) ijiem. Il-kultura batterika mbagħad trid tintbagħat barra minn Malta sabiex isir is-serotyping f’laboratorju ta’ referenza li hu wkoll akkreditat. It-trasport tal-kampjuni jsir f’ġranet partikolari matul il-ġimgħa, minħabba raġunijiet loġistiċi u sabiex tiġi kkontrollata l-kundizzjoni tal-kampjun. Il-proċess ta’ analiżi tas-serotyping jieħu bejn għaxra (10) u ħmistax-il (15) ġurnata. Il-proċedura ta’ analiżi ma tistax tiġi mqassra, madankollu l-ħaddiema jaħdmu kuljum inkluż is-Sibtijiet, il-Ħdud u festi pubbliċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien mhux neċessarju. Madanakollu, festi internazzjonali jew kundizzjonijiet tat-temp avversi jistgħu jaffettwaw il-loġistika tat-trasport.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Il-Pitkalija - Prodotti agrikoli li ma jinbiegħux

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28585, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ prodott agrikolu li ddaħħal fil-Pitkalija iżda ma nbiegħx, matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Kemm kien il-prodott agrikolu li ngħata lill-għaqdiet volontarji kif imsemmi fl-istess tweġiba matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar u kemm kien il-prodott li għadda biex isir kompost, matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-bidwi li jkun daħħal tali prodott fil-Pitkalija jingħatax l-opportunità li jivverifika li fil-fatt il-prodott li ma jkunx inbiegħ ikun il-prodott tiegħu u mhux ta’ xi bdiewa oħra?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 28585 fir-rigward ta’ prodotti agrikoli li ma jinbiegħux, ngħarraf ukoll li kull bidwi li jirreġistra fis-suq tal-Pitkalija mal-Aġenzija u jwassal il-prodott agrikolu għall-bejgħ fil-Pitkalija, għandu aċċess għall-informazzjoni dwar il-bejgħ u prodotti li mhux mibjugħa li jkun sar tramite il-portal tal-bidwi, magħruf bħala ilbidwi.gov.mt.

Bdiewa, Raħħala u Sajjieda – Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fondi tal-Unjoni Ewropea ddedikati għall-bdiewa, raħħala u sajjieda attivi hux qed jiġu mgħoddijin lill-entitajiet tal-Gvern biex minflok isiru proġetti infrastrutturali? Min huma dawn l-entitajiet li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi u għal kemm jammontaw dawn il-fondi?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 33616.

Uffiċini tal-ARPA – entitajiet li bbenefikaw mill-Fondi Ewropej

Question

B'referenza għaż-żjara li l-Ministru għamel fl-uffiċini tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi/entitajiet li bbenefika/w mis-€86 miljun f'fondi tal-Unjoni Ewropea li ħallas il-Gvern u liema perjodu kienu jkopru dawn il-fondi, kemm kienu l-ammonti li kull individwu/entità ħadu, u jekk dawn l-individwi kinux bdiewa, raħħala jew sajjieda attivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onoveroli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Immodernizzar tal-Pitkalija - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż li saru sabiex tiġi mmodernizzata l-Pitkalija f’Għawdex, matul din il-leġiżlatura u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru 32323.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 31672.

Għawdex – Pitkalija – Investimenti u ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31577 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid x’investimenti saru fil-pitkalija ġewwa Għawdex matul l-aħħar ħdax-il sena, maqsuma sena b’sena? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar u kemm sewa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ħaddiema kull sena u x’tip ta’ xogħol kienu qed jagħmlu / qed jagħmlu?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt diġa’ għall-interpellanza parlamentari li ġġib in-numru 32074, ninfurmah illi matul din is-sena kurrenti saru xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-pitkalija f’Għawdex. Infurmat ukoll illi preżentament hemm żewġ (2) Support Officers mill-Malta Food Agency, li jaħdmu fil-Pitkalija ta’ Għawdex.

Bdiewa, raħħala u sajjieda Għawdxin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31576, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ bdiewa, raħħala u sajjieda Għawdxin fl-aħħar ta’ kull sena, mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont l-età tagħhom? Jista’ jgħid ukoll: 1. Kemm kien id-dħul tagħhom għal kull sena fl-istess perjodu u għat-tliet kategoriji separatament? 2. Kemm kien hemm raba’ tinħadem fl-aħħar ta’ kull sena bid-daqs u t-tip tagħha? 3. X’kien il-volum ta’ laħam frisk ta’ ċanga, majjal u broilers prodott f’Għawdex u li nqatlu fil-biċċeriji tal-gvern u tal-privat f’Għawdex u f’Malta mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? 4. X’kien il-volum ta’ frott u ħaxix frisk prodott f’Għawdex u mibjugħ fi swieq organizzati f’Malta u f’Għawdex mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? 5. Kemm kien il-volum ta’ ħalib frisk prodott f’Għawdex mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Sistemi Fotovoltajċi – Skemi għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32545 u jgħid jekk hemmx xi pjan għall-implimentazzjoni ta’ xi skema ta’ sistemi fotovoltajċi għall-bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-preżent m’hemmx pjanijiet għall-implimentazzjoni ta’ xi skema ta’ sistemi fotovoltajċi għall-bdiewa.