Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sajjieda Għawdxin – kwota ta’ pixxispad u tonn

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-kwota ta' pixxispad u tonn riservata għas-sajjieda Għawdxin għas-Sajf 2020?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda kwota ta’ pixxispad u tonn li hija riservata speċifikament għas-sajjieda Għawdxin.

Skema ta’ prodotti ta’ kwalità

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-Ministeru tiegħu qed jagħżel illi fl-iskema ta' prodotti ta' kwalità, il-prodott agrikolu tal-bdiewa u raħħala Għawdxin mhux jingħata importanza speċifika u distinta bħal dik ta' DOK Gozo fl-inbid?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ‘Prodotti ta’ Kwalita’ hija skema fformulata fuq il-Liġi Sussidjarja 427.90, fejn l-iskema tiċċertifika l-prodotti li jilħqu standards ta’ Kwalita’ superjuri minn dawk l-istandards li huma mandatorji. Għalhekk din l-iskema mhiex marbuta mat-territorji kif hija marbuta l-iskema DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands tal-Inbid.

Sajjieda Għawdxin – varar tal-inġenji tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif is-sajjieda Għawdxin huma mistennija li jvaraw l-inġenji tagħhom fil-baħar meta s-slipway tal-Imġarr u tal-Menqa f'Marsalforn, huma t-tnejn magħluqin minħabba xogħol li għaddej fil-qrib?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċerna peress li slipways kif ukoll xogħolijiet, ma jaqgħux taħt il-Ministeru tiegħi.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuni li telqu jew irriżenjaw mill-impieg tagħhom.

Bdiewa reġistrati f’Għawdex – bejgħ ta’ prodotti agrikoli fil-pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta’ prodotti agrikoli mibjugħ fil-pitkalija minn bdiewa reġistrati f’Għawdex fis-sena 2013 u kemm kien il-valur tal-prodott agrikolu mibjugħ fil-pitkalija mill-istess bdiewa Għawdxin fis-sena 2019?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli mill-pitkalija minn bdiewa rreġistrati f’Għawdex huwa hekk kif ġej: 2013 €1,658,797 2019 €1,692,943

Produzzjoni tal-broilers minn raħħala Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-broilers minn raħħala Għawdxin kull sena mis-sena 2013 sas-sena 2019?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tiġi miġbura u ser tingħata f’seduta oħra.

Raħħala reġistrati f’Għawdex – produzzjoni ta’ laħam tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala reġistrati f'Għawdex fis-sena 2013 u kemm kienet l-istess produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala reġistrati f'Għawdex fis-sena 2019?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala rreġistrati f'Għawdex fis-sena 2013 kienet ta’ 474,664.40 kg u l-istess produzzjoni ta’ laħam tal-majjal minn raħħala rreġistrati f'Għawdex fis-sena 2019 kienet ta’ 292,960.90 kg.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14332 u jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-Segretarjat tal-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess fil-każ ta’ ingaġġ ta’ konsulenza. Mill-bqija, karigi oħrajn fil-Ministeru tiegħi huma dawk ta’ Senior Coordinator, Coordinator u żewġ Security Guards bi spiża ta’ €88,077 fis-sena.

Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bdiewa u raħħala li gawdew mill-għajnuna tal-Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) sena b' sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm kien il-valur? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu raħħala u bdiewa Għawdxin u kemm kien il-valur li minnu bbenefikaw il-bdiewa u raħħala Għawdxin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-SMPPMA baqgħet fis-seħħ sal-2014. L-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: SMPPMA – Tadam għall-ipproċessar: 2013 Prodott: Malta: €438,695.10 Għawdex: €191,445.54 Benefiċjarji: Malta: 152 Għawdex: 56 2014 Prodott: Malta: €357,056.76 Għawdex: €201,606.49 Benefiċjarji: Malta: 121 Għawdex: 57 SMPPMA – kultivazzjoni ta’ dwieli għall-inbid 2013 Prodott: Malta: €197,064.77 Għawdex: €29,571.89 Benefiċjarji: Malta: 822 Għawdex: 128 2014 Prodott: Malta: €141,214.04 Għawdex: €22,291.34 Benefiċjarji: Malta: 879 Għawdex: 120 SMPPMA – Frott u ħaxix: 2013 Prodotti: Malta: €500,422.23 Għawdex: €108,940.23 Benefiċjarji: Malta: 2,072 Għawdex: 426 2014 Prodotti: Malta: €464,879.43 Għawdex: €45,601.58 Benefiċjarji: Malta: 1,995 Għawdex: 385 Data fuq din l-iskema ta’ l-SMPPMA li tikkonċerna d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja ma baqgħetx tingħata wara s-sena 2011.

Kwota ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min kienet id-deċiżjoni li l-kwota tal-qbid ta’ tonn tingħata lill-persuni li għandhom sal-41 sena? Jista’ jgħid jekk huwa hux qed iżomm lista ta’ persuni li qed jilmentaw u jappellaw li huma għandhom ikunu wkoll ikkunsidrati biex japplikaw għal kwota ta’ tonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li l-kwota tal-qbid ta’ tonn tingħata lill-persuni li għandhom sa 41 sena, kienet waħda politika. Din id-deċiżjoni ittieħdet wara diskussjonijiet fi ħdan il-Ministeru, flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura u konsultazzjoni mal-Koperattivi tas-Sajjieda. Ninsab infurmat li d-Dipartiment mhux qed iżomm il-lista tal-persuni msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari.

Il-Fgura u Ħal Tarxien – għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu favur u sabiex jgħinu numru ta’ bdiewa u raħħala li hemm fil-Fgura u Ħal Tarxien invista tal-kriżi preżenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet għall-Annimali jaħdem sabiex imexxi ‘l quddiem l-agrikoltura Maltija u Għawdxija u ma jagħmilx distinzjoni bejn raħal u ieħor. Sabiex jixpruna s-settur agrikolu, il-gvern fassal politika agrikola nazzjonali illi tagħti direzzjoni lis-settur għas-snin li ġejjin. Din il-politika fiha numru ta’ miżuri li jħarsu lejn varji aspetti bħal dawk ekonomiċi, soċjali, ta’ governanza, kif ukoll immaniġġjar ta’ riżorsi. Wieħed mill-aspetti ta’ din il-politika li jindirizza l-sfidi ta’ dan is-settur huwa l-promozzjoni ta’ prodotti ta’ kwalita’. Il-passi li ttieħdu minn meta tnedhiet l-Istrategija Nazzjonali jinkludu il-Kampanja Wines of Distinction immirata lejn promozzjoni ta’ inbejjed ta’ kwalità u l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, il-Ministeru nhieda kampanja mmirata lejn l-apprezzament tax-xogħol tal-bidwi u r-raħhal Malti permezz tal-Kampanja ‘Agħżel il-frisk, Agħżel il-bnin’. Il-Ministeru qed jagħmel studju sabiex jiġi eżaminat l-impatt ekonomiku ta’ COVID-19 fuq is-settur sabiex ikun jista’ jfassal skemi ta’ għajnuna.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji - tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — servizzi pubbliċi offruti b’mezzi elettroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-servizzi pubbliċi li l-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet fid-dekasteru tiegħu joffru b’mezzi elettroniċi u jindika liema minnhom l-utent jista’ jinqeda kompletament b’mezzi elettroniċi (ie ma jkollux għalfejn jimla formoli manwalment jew imur fiżikament f’xi uffiċċju ta’ min qed jipprovdi s-servizz)?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W27 li ngħatat f’din is-seduta stess.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq bażi ta’ teleworking fl-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu u jaqsam l-informazzjoni skont il-grad li għandhom il-persuni rispettivi?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 13985.

Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar — rijabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex jiġi rijabilitat il-masġar li hemm bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar li qiegħed fuq ix-xellug li jibda minn Triq Kottoner fil-Fgura u jieħu għall-Triq l-Kunsill tal-Ewropa?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – bdiewa u sajjieda reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm bdiewa f’Għawdex irreġistrati full-time u part-time fil-bidu tas-sena 2013 u kemm hemm bdiewa rreġistrati full-time u part-time f’Għawdex illum fl-2020? Jista’ jgħid kemm kien hemm sajjieda f’Għawdex irreġistrati full-time u part-time fil-bidu tas-sena 2013 u kemm hemm sajjieda rreġistrati full-time u part-time f’Għawdex illum? Jista’ jgħid fil-preżent x’inizjattivi u investimenti qed jagħmel f’Għawdex biex jixpruna l-oqsma tal-biedja u s-sajd li huma tant importanti għall-gżira Għawdxija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru tal-bdiewa f’Għawdex irreġistrati fil-bidu tas-sena 2013 kienu 1,502 filwaqt li fl-2020 huma 2,023. Ninfurmah ukoll li ma tinżammx informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex full-time jew part-time, għaliex l-iskop tar-reġistrazzjoni huwa marbut ma’ l-attivita` agrikola u l-immaniġġjar tal-art. Kif diġa` nfurmajt fir-risposta għall-mistoqsija nru. 11835, tali nformazzjoni għanda tintalab lill-Ministeru kkonċernat. Fir-rigward tas-sajjieda, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jinżammux rekords ta’ sajjieda reġistrati, iżda ta’ bastimenti tas-Sajd reġistrati. In-numru ta’ bastimenti tas-Sajd registrati fil-kategoriji professjonali tas-Sajd full-time u part-time (MFA u MFB) f’Għawdex fl-2013, kien ta’ 82 bastiment full-time u 132 part-time . Ninsab infurmat li llum f’Għawdex hemm 66 bastiment tas-sajd full-time u 104 part-time . Sabiex jixpruna s-settur agrikolu, il-gvern fassal politika agrikola nazzjonali illi tagħti direzzjoni lis-settur għas-snin li ġejjin. Din il-politika fiha numru ta’ miżuri li jħarsu lejn varji aspetti bħal dawk ekonomiċi, soċjali, ta’ governanza, kif ukoll immaniġġjar ta’ riżorsi. Wieħed mill-aspetti ta’ din il-politika li jindirizza l-sfidi ta’ dan is-settur huwa l-promozzjoni ta’ prodotti ta’ kwalita. Il-passi li tieħdu min meta tnhediet l-Istrategija Nazzjonali jinkludu il-Kampanja Wines of Distinction immirata lejn promozzjoni ta’ inbejjed ta’ kwalità u l-introduzzjoni u l-promozzjoni ta’ skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta. Il-Ministeru għadu kif nheda kampanja mmirata lejn l-apprezzament tax-xogħol tal-bidwi u r-raħhal Malti permezz tal-Kampanja ‘Agħżel il-frisk, Agħżel il-bnin’. Permezz ta’ fondi Ewropej taħt il-programm għall-Iżvilupp Rurali, il-Gvern qed jiffinanzja investimenti fl-ażjendi agrikoli u tal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, kif ukoll investimet f’ toroq rurali. Barra min hekk offra diversi skemi ta’ għajnuna diretta lil bdiewa u raħħala u skemi marbuta mal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, trasferiment tal-għarfien u servizzi ta’ konsulenza. Fil-qasam tas-sajd, il-Gvern qed jaċċerta li kull miżura u inizjattiva li tittieħed, tiġi milħuqa mis-sajjieda kollha, inkluż dawk Għawdxin. Barra minn hekk qed tiġi ffaċiltata l-amministrazzjoni għall-bdiewa u sajjieda Għawdxin billi s-servizzi jingħatawlhom minn Għawdex stess.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tiġi miġbura u ser tingħata f’seduta oħra.

Prodotti Agrikoli — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx miżuri sabiex jintuża s-surplus ta’ prodotti agrikoli li inħoloq b’effett tal-għeluq tar-restoranti u ħwienet oħra li qabel kienu jakkwistaw il-prodott agrikolu tal-bdiewa Maltin?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa, surplus ta’ prodotti agrikoli li ma jinbiegħux mill-Pitkalija, qegħdin jiġu mgħoddija lil għaqdiet mhux Governattivi (NGOs), sabiex jiġu mqassma lill-familji u nies fil-bzonn. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li sabiex jitnaqqas is-surplus, jizdied il-konsum ta’ prodotti lokali u jiġi apprezzat ix-xogħol tal-bidwi u r-raħħal Malti, il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet għall-Annimali nieda kampanja ‘Agħzel il-frisk, Agħzel il-bnin’.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti — notifiki

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14159, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra , kemm il-notifika rċieva d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti f’dawn l-aħħar tliet snin dwar prodotti li huma rregolati u għaldaqstant tkun meħtieġa li ssir spezzjoni fuqhom fil-mument li jkun ser isir importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi terzi għall-Unjoni Ewropea u fil-mument li jkun ser isir trasportazzjoni ta’ prodotti lejn Malta minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, rċieva dawn in-notifiki f’dawn l-aħħar tliet snin dwar prodotti impurtati min pajjiżi terzi u li huma rregolati u għaldaqstant tkun meħtieġa li ssir spezzjoni: - 2017 = 247 - 2018 = 283 - 2019 = 304 Fl-2020, sa’ l-aħħar t’April, saru 125-il notifika. Fir-rigward ta’ pjanti u prodotti oħra lejn Malta minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-informazzjoni qed tingħata minn statistika maħruġa mis-sistema tal-INTRASTAT li bdiet tintuża mis-sena 2019. Fl-2019, ġew ivverifikati 6997 notifika ta’ pjanti u prodotti oħra f’din is-sistema. Dawn jirreferu għal oġġetti regolati kif ukoll dawk li mhumiex regolati u li ma jeħtieġux spezzjoni obligatorja. Fis-sena 2020, sa’ l-aħħar t’April, ġew ivverifikati 1389-il notifika.

Sajjieda li ma ngħatawx il-kwota tat-tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm sajjieda li meta applikaw għall-kwota tat-tonn ma ngħatawx din il-kwota? Jista’ jgħid jekk hemmx sajjieda li għadhom iridu japplikaw għal kwota ta’ tonn u l-Ministeru baqa’ jirrifjuta li jagħtihom il-kwota ta’ tonn? Jista’ jgħid kemm hemm sajjieda Maltin u Għawdxin li qed jilmentaw mal-Ministru li ma ngħatawx il-kwota ta’ tonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li s-sena l-oħra ingħatat kwota tat-tonn lil aktar bastimenti tas-sajd, skont il-kriterji li ġew spjegati fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13524, din is-sena, iż-żieda fil-kwota ta’ Malta, reġgħet ippermettiet li numru ieħor ta’ bastimenti ikollhom allokazzjoni ta’ kwota tat-tonn. Il-kriterji stipulati għal din is-sena huma: · sajjieda full-time , jiġifieri b’bastimenti MFA, meqjusa żgħażagħ li għandhom l-età sa 41 sena u ma kienux qed jibbenefikaw diġà minn allokazzjoni ta’ kwota ta’ tonn; u · bastimenti tas-sajd b’qabdiet konsiderevoli ta’ pixxispad fl-2019, u li ma kinux qed jibbenefikaw minn ebda allokazzjoni ta’ kwota ta’ tonn. Għaldaqstant kull min ma ssodisfax il-kriterji hawn fuq imsemmija, ma setax jingħata kwota peress, li minkejja ż-żieda fil-kwota, din xorta mhux biżżejjed biex kull bastiment tas-sajd ikollu allokazzjoni ta’ kwota tat-tonn. Ninsab infurmat li kien hemm diversi ilmenti li m’humiex kwantifikati, li madankollu ma kienux ġustifikati, peress li l-bastimenti tas-sajd konċernati ma jissodixfawx il-kriterji hawn fuq imsemmija.