Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — esperti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
1. Min huma l-esperti tiegħu?
2. Kemm qed jitħallsu? (kull wieħed minnhom) u
3. Ta’ xiex qed jitħallsu bħala konsulenza?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi esperti fl-oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 2 full time u 3 part time. Is-salarju tagħhom huwa pro-rata bejn salarju fi Skala 5 u salarju fi Skala 3.
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. Min huma dawk il-persuni li sal-lum huma impjegati mal-Food Safety Agency li qed tieħu ħsieb timmaniġġja l-Pitkalija?
b. X’inhi r-responsabbiltà ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u uffiċjali ta’ din l-Aġenzija?
c. X’inhi l-paga jew salarju li dawn kollha individwalment għandhom? u
d. Minn fejn huma, bħala belt jew raħal li fih jgħixu, dawk kollha li jaħdmu f’din l-Aġenżija?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — persons of trust u positions of trust
Question
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ persons of trust u positions of trust li hemm f’kull entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu, fil-ġurnata li fiha qed issir din l-interpellanza?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija 20996.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti – importazzjoni ta’ żerriegħa
Question
Jista' l-Ministru jispjega għala d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali ħalla tiġi importata żerriegħa b'virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) sal-11 ta' Mejju 2021 minkejja illi kien ilu magħruf mill-bidu ta' Marzu 2021 b'dina l-marda? X'għajnuna finanzjarja qed jippjana l-gvern ħalli jikkumpensa lill-bdiewa minħabba t-telf finanzjarju li din il-marda kkawżatilhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ kull sena d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti jagħmel stħariġġ għal tipi differenti ta’ mard, viruses, insetti, moffof u iktar. Lejn l-aħħar ta’ Marzu instabu l-ewwel tlett każi pożittivi għall-virus tat-ToBRFV. Minħabba li f’Malta ma kienx hawn dan il-virus, id-Direttoratt ħa l-azzjonijiet kollha neċċessarji sabiex jifhem aħjar is-sitwazzjoni preżenti f’Malta u għamel il-kuntatti neċċessarji sabiex jittieħdu iktar kampjuni bil-għan li jiġi stabbilit kemm dan il-virus tat-ToBRFV ġie mifrux madwar Malta u Għawdex. Id-Direttorat qed jieħu l-prekawzzjonijiet meħtieġa biex dan il-virus jiġi eradikat.
L-obbligu tad-Direttorat hu li ma jippermettix l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ materjal tal-pjanti bil-virus ToBRFV. Dan il-materjal jasal Malta dejjem akkumpanjat mid-dokumenti neċessarji bħal per eżempju l-passaport tal-pjanti. Dan il-passaport, li jinħareġ qabel ma ssir il-kummerċjalizzazzjoni, ifisser li r-rekwiżiti tal-liġijiet kienu osservati fosthom li l-materjal ikkonċernat ma jkunx fih il-virus ToBRFV.
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti qed ifassal pakkett ta’ miżuri għal għajnuna mill-Istat biex jingħata kumpens finanzjarju lill-bdiewa li kellhom jeqirdu x-xitel tagħhom fuq ordni tad-Direttorat biex il-virus tat-ToBRFV jiġi kkontrollat u eradikat.
Vouchers għal Cat Feeders — xiri ta' ikel minn petshops
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsjiet parlamentari 20767 u 19520 u 19368 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u ġentilment jgħid jekk meta cat feeder imur għand il-kunsill lokali biex jieħu vouchers biex jagħtihom lil cat feeders hux obbligat li jixtri ikel minn pet shop partikulari magħżul mill-Kunsill Lokali jew inkella hux fil-libertà li jixtri minn fejn irrid? Jekk il-pet shop ikun magħżul mill-Kunsill Lokali fuq liema mertu jintagħżel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tal-vouchers lill-cat feeders mill-Kunsilli Lokali jaqa’ direttament taħt il- Kunsill Lokali rispettivament. Il-Ministeru nieda Skema ta’ LC CARE Project fejn jingħataw fondi lill-Kunsill Lokali eliġibbli għall-proġetti ta’ klieb u qtates stray. Il-fondi li jingħataw jiġu amministrati mill-Kunsill Lokali rispettiv. Dan għandu jsir konformi mal-proġett sottomess. Għalhekk dan ivarja skond il-proġett u l-Kunsill Lokali. Irrispettivament, ix-xiri kollu jrid isir skont il- linji gwida u r-Regolamenti dwar l-Akkwisti tal-Gvern li jikkontrollaw ix-xiri tal-gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u anki tal-kuntrattur li huma stazzjonati fl-akkwati tal-Port tal-Imġarr u taż-Żewwieqa? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema u x’inhu l-grad tagħhom u kemm ilhom jaħdmu f'dawn l-akkwati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 15 il-ħaddiem li huma bbażati Malta u Għawdex. 6 minnhom huma uffiċjala pubbliċi [li minnhom hemm 1 Manager I (Fisheries Protection), 4 Fisheries Protection Officers u 1 Asstistant Manager (Fisheries Protection)] u 9 b’kuntratt bħala Landing Attendants.
Ix-xogħol tal-Ufficjala pubbliċi jinkludi xogħol fuq infurzar, kontroll u amministrazzjoni tas-Sajd li jinvolvi wkoll xogħol ta’ spezzjonijiet; xogħol fuq ir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd; Customer Care; u xogħol amministrattiv ieħor. Hemm Uffiċjal minn dawn li ilu stazzjonat Għawdex sa mill-2013, ieħor mill-2015, 2 mill-2018 u 2 li bdew jaħdmu f’dan l-Uffiċċju minn din is-sena.
Ix-xogħol tal-Landing Attendants huwa ta’ spezzjonijiet u kkontrollar ta’ d-dokumentazzjoni meħtieġa fil-port, fl-iżbark u fuq bastimenti tas-sajd kif meqjus meħtieġ mid-Dipartiment. Mill-Landing Attendants preżenti hemm 3 minnhom li ilhom jaħdmu sa mill-2019, 5 bdew fl-2020 u wieħed beda fl-2021. Dawk li bdew mill-2020 ‘il quddiem ddaħħlu flok oħrajn li kien hemm qabel.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — Position of Trust
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jokkupaw Position of trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu? X’inhu l-valur annwali tal-kuntratt ta’ kull individwu? Meta bdew il-kuntratti tagħhom u meta jiskadu dawn il-kuntratti b’mod individwali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma saru l-ebda talbiet ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017 sa issa, mill-entitajiet fi ħdan id-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema li jaħdmu Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu, li jaħdmu ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fejn jaħdmu bħala post, x'tip ta' xogħol jagħmlu u kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu u kemm ilhom jaħdmu f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — impjieg, tender jew direct order lill-persuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, kif ukoll l-entitatjiet li jaqgħu taħtu, ma taw l-ebda impjieg, tender jew direct order lil din il-persuna in kwistjoni.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drttijiet tal-Annimali — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-entitajiet u awtoritajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-mistoqsijiet parlamentari 12908 u 18171.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru tined fil-Pitkalija f’dawn l-aħħar xahrejn? Kemm qed ikun il-ħlas għal dawn it-tined? X’jismu l-kuntrattur min fejn qed jinkrew dawn it-tined? Jista’ jgħid l-għażla ta’ dawn it-tined saritx b’direct order jew b’tender?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni hekk kif żvolġiet fil-Pitkalija dan l-aħħar, fi żmien qasir ġew installati ħames tined kbar li permezz tagħhom seta’ jiġi offrut servizz lill-bdiewa, jkun assigurat il-bejgħ tal-prodotti agrikoli u jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-bdiewa.
Dawn it-tined inkrew b’direct order mingħand il-Malta Fairs & Conventions Centre (MFCC) għall-ammont ta’ €2,278.75 fil-ġimgħa li jinkludi l-armar u ż-żarmar tal-istess tined. Dawn it-tined ħa jintużaw sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal.
Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ raħħala full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib man-numru ta’ raħħala full-time f’Malta u Għawdex kollu sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda kollha f’Malta u Għawdex sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda part-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda part-time ta’ Malta u Għawdex kollha sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ full-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-full-time farmers kollha fil-pajjiż sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ part-time farmers ġewwa Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-part-time farmers fil-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena 2020?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru li jiena tiegħu responsabbli ma jinżammux rekords ta’ sajjieda reġistrati, iżda ta’ bastimenti tas-Sajd reġistrati. Ninsab infurmat li n-numru ta’ bastimenti full-time f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2020 kien ta’ 65, li huwa 7.7% tal-bastmenti full-time kollha f’Malta u Għawdex. Filwaqt, li n-numru ta’ bastimenti part-time f’Għawdex fl-istess perjodu kien ta’ 99, li huwa 21.4% tal-bastiment part-time kollha f’Malta u Għawdex.
Fir-rigward tar-raħħala, sal-31 ta’ Diċembru 2020 f’Għawdex kien hemm 544 raħħala attivi reġistrati, filwaqt li f’Malta kien hemm 1408. Ma tinzammx informazzjoni dwar jekk dawn humiex full-time jew part-time.
In-numru ta’ persuni rreġistrati bħala bdiewa sal-llum huwa ta’ 6,373 f’Malta, u 2,127 f’Għawdex. Ninfurmak ukoll li ma tinżammx informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex full-time jew part-time.
Kunsilli Lokali — vouchers għal ikel u kura ta' annimali stray
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19521 u 19369 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid kemm-il kunsill lokali għamel użu mill-iskema biex jieħu vouchers mill-kunsill lokali biex jittma jew jikkura animali stray? Liema huma dawn il-kunsilli lokali u kemm ħadu flus s’issa kull kunsill lokali minn din l-iskema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku skema li l-Ministeru għandu hija dik tal-LC CARE Project Fund. M’għandna l-ebda skema ta’ vouchers biex jitimgħu jew jikkuraw annimali stray.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — position of trust – persuni mlaqqma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tiegħu jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Kunsilli lokali — vouchers għal cat feeders - xiri ta' ikel minn petshops
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsjiet parlamentari 19520 u 19368 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u ġentilment jgħid jekk meta cat feeder imur għand il-kunsill lokali biex jieħu vouchers biex jagħtihom lil cat feeders hux obbligat li jixtri ikel minn pet shop partikulari magħżul mill-Kunsill Lokali jew inkella hux fil-libertà li jixtri minn fejn irrid? Jekk il-pet shop ikun magħżul mill-Kunsill Lokali fuq liema mertu jintagħżel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tal-vouchers lill-cat feeders biex jinxtara ikel ma jaqax taħt dan il-Ministeru. Għaldaqstant nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol.
Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess Interpellant.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.