Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Servizzi minn persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qattx tqabbdet biex tagħti s-servizzi tagħha direttament jew tramite kumpanija f'xi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienu dawn is-servizzi u kemm tħallset tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li la l-Ministeru u lanqas xi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu qatt ma qabbdu lill-persuna msemmija biex tagħti s-servizzi tagħha.

Passaport Diplomatiku

Question

Fid-dawl li l-akkużi kriminali li ħarġu permezz tal-Kumpilazzjoni 382/24 datati 6 ta' Mejju 2024, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni msemmija f'din il-kumpilazzjoni li għandhom passaport diplomatiku? Jekk iva, min huma u meta se jitneħħielhom tali passaport?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19245.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Reklami fuq gazzetti - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara r-reklami?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul April 2024?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W132.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Artikli u opinjonijiet fuq gazzetti - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn l-artikli kienu intervisti jew rapporti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ma kien hemm l-ebda nefqa fuq artikli u opinjonijiet fuq gazzetti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru.

Direttivi tal-Unjoni Ewropea li ġew implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Artikli u opinjonijiet fuq online portals - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq online portals mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-online portal li l-Ministeru xtara l-artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn kienu intervisti jew rapporti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024 sa meta tiġi mwieġba din id-domanda ma kien hemm l-ebda nefqa fuq artikli u opinjonijiet fuq online portals mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru.

Laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024, bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ attendejt għal erba’ laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fi ħdan l-Unjoni Ewropea fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, inkluż laqgħa straordinarja li saret wara l-attakk tal-Iran fuq l-Istat ta’ Iżrael. Bejn il-25 u d-29 ta’ Frar 2024 kont mistieden nattendi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fuq il-Kummerċ f’Abu Dhabi fil-marġini tat-13-il Konferenza Ministerjali (MC13) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Fis-6 ta’ Marzu, kelli l-opportunità nindirizza l-laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-kapacita’ ta’ ‘Chair-in-Office’ tal-OSCE, fejn tkellimt fuq il-prijoritajiet tal-Presidenza ta’ Malta tal-OSCE u fuq l-isfidi li qed tiffaċċja l-organizzazzjoni. Fit-18 ta’ Marzu 2024 ipparteċipajt fil-Forum Umanitarju Ewropew li sar fi Brussell. Barra minn hekk, attendejt il-Forum ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), nhar it-Tnejn 22 t’April 2024 fil-Lussemburgu. Fis- 7 ta' Mejju 2024 ġejt mistieden nipparteċipa fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fuq l-iżvilupp li se jsir fi Brussell. Se nkun qed nipparteċipa wkoll fil-Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa, li se ssir fis-16 u 17 ta’ Mejju fi Strasburgu. Fil-21 ta’ Mejju 2024, mistenni nipparteċipa wkoll fil-Laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali. Għat-30 ta’ Mejju 2024, ġejt mistieden nipparteċipa fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fuq il-Kummerċ li se jsir fi Brussell. Fil-25 ta' Ġunju 2024, mistenni nipparteċipa wkoll fil-Laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2023?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W83.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Programmi tar-radju - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tar-radju li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-programmi kienu intervisti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ma kien hemm l-ebda nefqa fuq programmi tar-radju mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru.

VISA maħruġin lil sportivi Russi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu VISAs lil sportivi Russi minn kemm ilha li bdiet l-invażjoni Russa fl’Ukraina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li inħarġu seba' Visas lil sportivi Russi mill-24 ta' Frar, 2022 sal-lum. Tali Visas inħarġu skont il-kodiċi li jirregola l-ħruġ tal-Visas fiż-żona Schengen u kollha kienu akkumpanjati minn talbiet uffiċjali b'rabta ma' għaqdiet sportivi. Tnejn kienu b'rabta ma' sports akkwatiku u ħamsa ma' dak taż-żwiemel. Tali visas jinħarġu wara skrutinju xieraq mill-awtoritajiet kompetenti.

Emigranti Maltin fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra – Investiment fuq il-komunitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jinvesti flus il-Gvern Malti fuq il-komunitajiet Maltin u ċ-ċittadini Maltin emigranti fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant li l-flus li jinvesti l-Gvern Malti fuq il-komunitajiet Maltin u ċ-ċittadini Maltin emigranti fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra jinsabu fl-estimi finanzjarji tal-Budget, li diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Emigranti Maltin — Boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Gvern Malti joffri boroż ta’ studju (sponsorships) lil ċittadini Maltin jew it-tfal tagħhom, emigranti, sabiex jistudjaw il-Malti f’Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ joffri appoġġ għal inizjattivi maħsuba biex il-Maltin li jgħixu barra jibqgħu jinteressaw irwieħhom f’ilsienna. Għaldaqstant, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, bosta kienu d-drabi li bgħattna kotba bil-Malti fi bliet fejn hemm komunitajiet ta’ Maltin, bħal New York fl-iStati Uniti u anke Brussell fil-Belġju. Bħalissa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ qed jaħdem id f’id maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, bi proġetti maħsuba li jkattru l-għarfien u l-interess f’ilsienna. Dan qed isir mal-missjonijiet bilaterali ta’ pajjiżna fil-Belġju u fl-Awstralja. L-idea hi li mhux biss inħarsu lejn tagħlim f’ambjent ta’ skola, iżda naraw li nagħmlu użu mill-aqwa ta’ materjal awdjoviżiv bil-Malti li jagħmel ilsienna aċċessibbli għal mezzi l-iżjed imfittxija. Bħalissa ma hemmx pjanijiet biex ikunu offruti boroż ta’ studju lil Maltin jew lit-tfal tagħhom, emigranti, sabiex jistudjaw il-Malti f’Malta.

Ghana — High Commission ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħax deċiżjoni li jkun proprjetarju ta’ High Commission ġdida ġewwa l-Ghana wara li kienet ġiet inawgurata dik mikrija f’Jannar 2023?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern m’għandux intenzjoni li jixtri proprjetà ġewwa l-Ghana.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2024?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16941.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru ma hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni.

Belt Valletta — Triq Merkanti - Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta’ manutenzjoni ta’ dak li kien l-uffiċċju tal-Ministeru tiegħu fil-Belt Valletta, fi Triq Merkanti, biswit Kastilja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm jinsab wieqaf għax wara li kien ġie aġġudikat it-tender għal xogħlijiet ta’ tisbiħ u finituri f’Palazzo Parisio, Triq Merkanti, il-Belt Valletta, kien ġie mressaq appell li bħalissa għadu qed jinstema’ fil-Qorti.

Is-sede tal-Aġenzija Ewropea kontra l-Ħasil ta’ Flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-Gvern Malti m’applikax biex Malta tospita s-sede tal-Aġenzija Ewropea kontra l-Ħasil ta’ Flus li twaqqfet xahar ilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lil Aġenziji li jissieltu kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Din is-sena li qiegħdin fiha mmarkat l-għaxar anniversarju mindu l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt (IIJ) kien imwaqqaf f’Malta. Dan l-istitut imsejjaħ IIJ għandu s-sede tiegħu ġewwa l-Universita’ il-Qadima fil-Belt Valletta u jaħdem id f’id ma’ pajjiżi Ewropej, tal-Golf Persiku, l-iStati Uniti u l-Afrika sabiex iħarreġ professjonisti minn dixxiplini u pajjiżi varji li huma kruċjali fil-proċessi li jwasslu sabiex issir ġustizzja, bħal ġudikanti, prosekuturi u dawk li jinfurzaw il-liġijiet. Dan l-istitut li ilu li twaqqaf f’Malta mill-2014 baqa’ jissaħħaħ b’appoġġ kontinwu, inkluż wieħed finanzjarju, min-naħa tal-Gvern Malti. Barra minn hekk, l-Istitut innifsu li jissielet favur il-Ġustizzja, għaraf ikompli jilqa’ fi ħdan il-Bord tal-Governanza tiegħu iżjed pajjiżi b’tali mod li llum il-ġurnata jilqa’ fi ħdanu lill-Malta, l-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, in-Niġerja, it-Tuneżija, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-iStati Uniti, il-Ġermanja u anke l-Unjoni Ewropeja. Din hija xhieda ħajja ta’ kif Malta ilha li għarfet l-importanza ta’ tali istituzzjonijiet u hija kommessa li tagħti s-sostenn tagħha lill-Aġenzija AMLA, li għaliha qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant. Fil-każ tal-aġenzija AMLA kien hemm għadd imdaqqas ta’ Stati Membri Ewropej li applikaw biex jospitaw din l-Awtorita’ ġdida. Bħala Gvern se nkomplu nħarsu ‘l quddiem biex naraw li din l-Aġenzija tibda topera u taħdem sabiex bħala Unjoni Ewropea nilħqu l-miri maqbula, u nħarsu wkoll ‘il quddiem biex permezz tal-mezzi kollha li għandna, inkluż kollaborazzjoni ma’ Istituti internazzjonali li ġja’ nipparteċipaw fihom, inkomplu nsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Advisory Cost Limit għal ġbir ta’ informazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15422, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-advisory cost biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba f'dik il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17073.