Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19253.

Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi

Question

B’referenza għall-artikolu 9 tal-Att Dwar Dipendenza Fuq Id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) Kapitolu 537 tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Bord Konsulttativ għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi? Jista’ jgħid minn min huwa kompost? Kif ukoll jekk kienx hemm proposti għall-estenzjoni taħt is-sub-artikolu tlieta tal-istess?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-sentenzi ser jiħi kompost fi żmien qasir

Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga — ħidma

Question

B’referenza għall-Att Dwar Dipendenza Fuq Id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija) Kapitolu 537 tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret tul is-sena li għaddiet mill-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena l-oħra l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-droga kellu 65 każ ġdid, fejn 47 każ ġew riferiti mill-Qorti u 18-il każ ġew riferiti mill-Kummissarju għall-Ġustizzja. Intant matul is-sena 2020, 39 każ ġew magħluqa b’suċċess. Il-Bord iltaqgħa’ 11 -il darba. L-għan ta’ dan il-bord huwa biex jgħin lil persuni li nqabdu bid-droga fir-rijabilitazzjoni tagħhom. Persuni riċedivi jiġu riferuti lill-bord għal pjanijiet ta’ rijabilitazzjoni u follow-up . Ta’ min jgħid ukoll li dan il-bord jaħdem fil-qrib mal-Qorti kif ukoll tribunali u entitatjiet li jipprovdu servizzi ta’ rijabilitazzjoni sabiex jingħata servizz lill-klijenti sodisfaċenti u b’approach ħolistiku. Il-każijiet jiġu trattati b’mod individwali u skont il-bżonnijiet tal-persuna. Ir-rijabilitazzjoni ta’ dawn il-klijenti tiġi segwita mill-qrib mill-koordinatur li jagħti rapporti regolari lill-Bord u lill-Qrati kif ikun mitlub.

Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti – titjib fl-amministrazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18994, jista' l-Ministru jgħid kemm awli ġew mgħammra b’apparat ta’ video conferencing u kemm minnhom jinsabu fil-Qorti ta' Għawdex?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li sallum hemm għaxar Awli fil-Qorti ta’ Malta li huma mgħammra b’apparat ta’ video conferencing. Ma dawn hemm ukoll żewġ sistemi ta portable videoconferencing li jistaw jintuzaw f’dawk l-Awli fejn sallum għadu ma ġiex installat l-appart tal-videoconferencing. Huwa ppjanat li sa l-aħħar ta’ Marzu 2021 ikun hemm 3 Awli oħra mgħammra b’apparat ta’ video conferencing u l-pjan hu li sal-aħħar ta’ Settembru l-Awli kollha jkunu mgħammrin b’dan l-apparat. Fil-Qorti ta’ Għawdex hemm żewġt awli mgħammra b’apparat ta’ video-conferencing li wieħed minn dawn l-apparati huwa portable u għalhekk jista’ jintuża f’awli diversi.

Sistema tal-impożizzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi – konsultazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jqis li ssir konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-bdil leġislattiv meħtieġ biex tiġi riveduta b’mod komprensiv is-sistema tal-impożizzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi (irrespettivament tal-mod kif inhuma msejħin fil-liġi) minn diversi awtoritajiet pubbliċi –– dan ukoll fid-dawl ta’ diversi sentenzi tal-qrati Maltin fosthom dik tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fi Federation of Estate Agents vs id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et.?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li hekk kif jaf ben tajjeb huwa stess, il-Gvern ġa ħareġ b’soluzzjoni tajba sabiex jiġi emendat l-Artiklu 39 tal-Kostituzzjoni u dan jiġi eżatt konformi mal-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, liema emenda tirrikjedi iż-żewg terzi tal-Kamra tad-Deputati. L-Oppożizzjoni mhux qed taqbel ma dan. Għalhekk il-Gvern ħareġ b’soluzzjoni oħra sabiex jaċċerta li entitajiet importanti f’pajjiżna jistgħu jkunu effettivi u jimponu somom amministrattivi li jkun jixraq.

Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti – titjib fl-amministrazzjoni – seduti ta’ medjazzjoni online

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18994 mogħtija fis-seduta tal-5 ta' Frar 2021, jista' l-Ministru jgħid meta bdew isiru medjazzjonijiet fil-Qorti tal-Familja online, in-numru ta' medjazzjonijiet li saru online sal-aħħar ta' Frar 2021 u għala mhux il-medjaturi kollha qed iżommu seduti online? Liema hu l-istrument legali li jirregola u jippermetti li jsiru seduti ta' medjazzjoni online?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li minn meta bdiet il-Pandemija, saru diversi talbiet mill-Kamra tal-Avukati sabiex seduti tal-medjazzjoni jibdew isiru online. In fatti saru laqgħat fejn din il-materja ġiet dikussa u kien hemm qbil dwar li seduti tal-medjazzjoni jistgħu jsiru online meta jkun hemm qbil bejn il-partijiet. Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 12.20 li tirregola l-proċedura fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) ma tipprovdix fejn għandhom isiru s-seduti tal-medjazzjoni. Illi l-proċedura tal-medjazzjoni tneħħi ħafna mill-formalitajiet ta’ proċeduri formali li jsiru quddiem il-qrati tagħna – dan sabiex il-proċess tal-medjazzjoni ma jkunx riġidu u sabiex jagħti aktar lok ta’ suċċess fil-għan tiegħu ċjoe li jwassal lill-partijiet għal ftehim. Dan tant hu hekk li sabiex wieħed jibda każ ta’ medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja jrid jippreżentata ittra ffirmata minnu stess u ma għandux bżonn ta’ avukat. Illi huwa prassi illi dawn is-seduti tal-medjazzjoni jinżammu fil-bini tal-qorti tal-familja. Pero lanqas mhija l-ewwel darba , li dawn il-medjazzjonijiet saru l-barra mill-bini tal-qorti meta kien hemm qbil li dan isir u mingħajr il-ħtieġa ta’ xi awtorizzazzjoni. Il-ħtieġa tal-uzu ta’ mezzi elettroniċi sabiex il-medjazzjoni ssir online żdidet u bdiet tintu¿a aktar ta’ spiss. Fil-Qorti ta’ Malta ma tin¿ammx statistika dwar kemm qed isiru medjazzjonijiet online. L-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati pprovdiet il-mezzi (Laptops) biex l-medjaturi jkunu jistgħu jżommu dawn is-seduti meta jkun hemm qbil bejn il-partijiet kollha. Fil-Qorti ta’ Għawdex seduti tal-Medjazzjoni bdew isiru online mit-22 ta’ Jannar 2021. Minn dakinhar sal-aħħar ta’ Frar 2021 saru 8 seduti online.

Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti – titjib fl-amministrazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18994 mogħtija fis-seduta tal-5 ta' Frar 2021, jista' l-Ministru jgħid x'ried jgħid bil-frażi "Sar tibdil fil-liġi sabiex jinġabru l-ispejjeż li saru matul l-inkjesti f'kawżi li wara jiġu ċeduti." Peress li l-inkjesti jsiru mill-Qorti tal-Maġistrati fil-kompetenza inkwirenti tagħha, li min-natura tagħhom mhumiex adversarjali, kif qed jingħad li dawn il-kawżi jiġu ċeduti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-liġi tkopri tibdiliet f’sitwazzjoni meta l-kawża, li tkun infetħet permezz ta’ kwerela mill-parti offiza, tiġi ċeduta mill-parti offiza stess. B’hekk issa hu possiblli li dawk l-ispejjez inkorsi wara ħatra ta’ esperti li jkunu ġew maħtura bħala parti mill-istħarriġ wara din il-kwerela, jiġu rekuperati daqs li kieku l-kawża ġiet deċiża, inklużi dawk tal-esperti li jkunu ġew maħtura fl-istadju tal-proċess verbal tal-inkjesta.

Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti – titjib fl-amministrazzjoni – Sistema Online filing

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18994 mogħtija fis-seduta tal-5 ta' Frar 2021, jista' l-Ministru jgħid meta ġiet introdotta s-sistema ta' onlajn filing tal-Atti Kriminali? Jista' jagħti l-link sabiex dan is-servizz jista' jintuża? Kemm ġew preżentati atti kriminali b'din is-sistema sal-aħħar ta' Frar 2021?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li hekk kif diġa weġibt is-sistema diġitali hija implementata, pero għad jonqos qafas legali li ssostni tali sistema. Din ser issir permezz tal-leġiżlazzjoni sussidjarja li ser tiġi ppublikata skond il-liġi fil-jiem li ġejjin.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u jindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-26 ta’ Frar 2021.

Abbozzar ta’ politika dwar gender equality mainstreaming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ġie inkarigat sabiex jagħti pariri għall-abbozzar ta’ politika dwar gender equality mainstreaming għal gvern, u jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-għaqdiet volontarji u s-soċjetà ċivili?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-Taqsima għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru żviluppat l-abbozz tal-istrateġija u pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza u l-integrazzjoni tal-ġeneru. Ġiet ippubblikata konsultazzjoni pubblika fit-8 ta' Marzu 2019, fejn il-feedback riċevut ġie analizzat. Il-miżuri abbozzati ġew ikkonsultati wkoll mal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa u mal-Ministeri konċernati.

Qorti tal-Maġistrati Għawdex – ħlas lill-esperti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hu l-ammont pendenti li għandu jitħallas mill-Qorti tal-Maġistrati Għawdex lill-esperti inkarigati mill-istess Qorti kemm fl-inkjesti kif ukoll fil-kawżi? Jista' jgħid ukoll f'kull każ, kemm hu l-ammont li għandu jieħu kull espert nominat minn din il-Qorti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-25 ta’ Frar 2021.

Qorti ta’ Għawdex – binja — rapporti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar il-Binja tal-Qorti ta' Għawdex mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet għall-Persuni b'Diżabilità (CRPD) wara spezzjoni li għamlu dawn l-istess Awtorità/Kummissjoni fl-aħħar ġimgħat fil-Qorti ta' Għawdex?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-rapporti tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u tal-Kummissjoni għad-Drittijiet għall-Persuni b’Diżabilità (CRPD) ma jistgħux jiġu ppreżentati minħabba kawża pendenti relatata. Wara li dawn jiġu ppre¿entati fil-proċeduri ta’ din il-kawża jkunu jistgħu jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — talbiet skont il-Freedom of Information Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-PQ numru 16604, ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Ottubru sa Jannar li għadda daħlu 14-il talba simili. Ninsab infurmat ukoll li l-ebda talba għall-informazzjoni ma tiġi rrifjutata. Kull talba titwieġeb skont kif tgħid il-Liġi li ddaħħlet fis-seħħ fis-sena 2012.

Adozzjonijiet ta’ tfal dekretati mill-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul l-aħħar ħames snin u fil-perjodu bejn l-2015 u l-2020, kemm ġew dekretati mill-Qrati kompetenti, adozzjonijiet ta' tfal Maltin mit-twelid, x'kienu l-etajiet u s-sess tat-tfal li ġew hekk adottati u x'kien l-istatus ċivili tal-ġenituri li adottawhom, jiġifieri kenux persuni romol, separati jew divorzjati jew koabitanti li adottaw ulied xulxin bħal riżultat tar-regolarizzazzjoni tar-relazzjoni ġdida tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm ċittadini Maltin li daħlu f'relazzjoni ma' persuni mhux ta' ċittadinanza Maltija u adottaw lit-tfal tal-parti l-oħra matul l-istess perjodu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-2015 u l-2020, il-Qorti Ċivili ta’ Malta (Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja) iddekretat 119-il adozzjonijiet ta’ tfal Maltin mit-twelid. Qed jingħata s-sess tat-tfal li ġew hekk addottati kif mitluba fl-istess mistoqsija fit-tabella annessa. Ma tinżammx statistika dwar id-dettalji l-oħra mitluba fl-istess mistoqsija. Intant matul l-istess il-perjodu ta’ bejn l-2015 u l-2020, il-Qorti tal-Maġistrati Għawdex (Ġurisdizzjoni Volontarja) iddekretat 5 adozzjonijiet ta’ tfal Maltin mit-twelid. Qed jingħata s-sess tat-tfal li ġew hekk addottati kif mitluba fl-istess mistoqsija fit-tabella annessa. Ma tinżammx statistika dwar id-dettalji l-oħra mitluba fl-istess mistoqsija.

Strateġija għal gender equality mainstreaming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq strateġija għal gender equality mainstreaming għal gvern u meta huwa ppjanat li din il-policy tiġi varata?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpallant li t-taqsima għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru twaqqfet f’Jannar 2019 u minn hemm beda ix-xogħol fuq dan l-abbozz ta’ politika, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa. Huwa ppjanat li din l-istrateġija titnieda fit-tieni kwart tal-2021.

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – postijiet ta’ impjegati pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema postijiet ta' impjegati pubbliċi ġew identifikati mill-Bord u li ssir referenza għalihom fl-artikolu 4 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Qorti Kostituzzjonali – miżuri leġiżlattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri leġiżlattivi beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza li ngħatat nhar it-23 ta' Novembru 2020 mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża bl-ismijiet J & C Properties Limited vs Nazzareno Pulis et (Rikors Kostituzzjonali Numru 133/2018 JZM) u li kopja tagħha tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-seduta numru 404 ta' nhar l-24 ta' Novembru 2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-Gvern ħa konjizzjoni immedjata tas-sentenza indikata minnek u fil-ġejjieni qrib ser ikun jieħu miżuri sabiex jipproteġi l-bdiewa u s-settur agrikolu ta’ pajjiżna. Pero’ fl-istess waqt jintroduċi l-prinċipju tal-proporzjonalitá anke mas-sidien tal-artijiet konċernati.