Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karigi ġudizzjarji - Nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa meta mqabbla ma’ rġiel f’karigi ġudizzjarji, inklużi mħallfin u maġistrati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi n-numru ta’ Mħallfin, inkluż il-Prim Imħallef, huwa ta’ tletin (30). Minn dawn, sbatax (17) huma nisa u tlettax (13) huma rġiel. In-numru ta’ Maġistrati huwa ta’ tletin (30), bi tmintax (18)-il mara u tnax (12)-il raġel. Barra minn hekk ta’ min jinnota li ħarġet sejħa għal żewġ (2) maġistrati oħra. Dan huwa l-aktar darba li qatt kellna ġudikanti u qed inkomplu naraw li nsaħħu l-bank tal-ġudikatura.

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Lista ta’ konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ma tax konsulenzi matul 2025 u 2026.

Kawżi għas-sentenza pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ammont eżatt ta' kawżi għas-sentenza pendenti li għandu kull Imħallef u Maġistrat u għal kull ġudikant jikklassifikahom f’kemm minnhom ilhom pendenti inqas minn sena, bejn sena u sentejn, bejn sentejn u tlieta, bejn tliet snin u erbgħa, bejn erba’ snin u ħamsa, u aktar minn ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qrati tal-Ġustizzja – Interpretu – Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji sabiex persuna sservi ta’ interpretu fi ħdan il-Qrati tal-Ġustizzja?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nr 15577 li ngħatat f’Jannar 2024, fil-leġislatura li għaddiet.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – Avukati li telqu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm telqu avukati li kienu impjegati mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mis-sena 2022 sat-30 ta’ Setembru 2026, filwaqt li kien hemm 58 avukat li ngħaqad mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, irrezenjaw 16-il avukat (li 9 minnhom saru membru tal-gudikatura jew court attorney).

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Vjolenza domestika – Hubs speċjalizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm hubs speċjalizzati għall-vjolenza domestika f'Malta u Għawdex u kemm ilhom miftuħin? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex jinfetħu oħrajn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vjolenza domestika – Ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' ksur ta' ordnijiet ta' protezzjoni minn vjolenza domestika matul l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll f'kemm minnhom ittieħdet azzjoni immedjata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vjolenza domestika – Panic alarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw panic alarms lill-vittmi li huma f’riskju għoli ta’ vjolenza domestika minn meta bdiet din l-iskema u kemm minn dawn intużaw f'emerġenzi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kumitat Konġunt dwar il-Vjolenza Domestika – Rakkomandazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, abbażi tar-rapport tal-Kumitat Konġunt dwar il-Vjolenza Domestika, ġewx implimentati xi rakkomandazzjonijiet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jagħti lista ta’ dawn il-bidliet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jikkjarifika għal liema Kumitat Konġunt dwar il-Vjolenza Domestika qed jirreferi.

Vjolenza domestika – Servizzi pubbliċi – Bżonnijiet tas-superstiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex is-servizzi pubbliċi jkunu aktar koordinati u ffukati fuq il-bżonnijiet tas-superstiti (persuni qrib il-vittma li baqgħu ħajjin) tal-vjolenza domestika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vjolenza domestika – One-stop service għall-vittmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi one-stop service għall-vittmi ta' vjolenza domestika sabiex dawn ma jkollhomx għalfejn jikkuntattjaw diversi entitajiet differenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat – Avukati – Impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati avukati fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema livell ġew impjegati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura.

Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat – Avukati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-avukati li jaħdmu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huma trainees, Lawyer Level 1, Lawyer Level 2, Lawyer Level 3 u Senior Lawyers?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sas-17 ta’ Settembru 2026, l-avukati li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huma maqsumin kif ġej: Trainee Lawyer – 0 Junior Lawyer – 3 Lawyer III – 7 Lawyer II – 3 Lawyer I – 3 Senior Lawyer – 11 Assistant State Advocate – 2 Deputy State Advocate – 1 State Advocate – 1