Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11389 u jgħid, sena b’sena, kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru għall-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru hu kif jidher hawn taħt: Ġunju – Diċembru 2017: 12 Jannar – Diċembru 2018: 32 Jannar – Settembru 2019: 43 Minn dawn kien hemm 41 milqugħa, 35 rrifjutati, 3 irtirati u 8 għadhom pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Bordijiet tal-Għażla – Imħallef

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema Bordijiet tal-Għażla qiegħed l-Imħallef irtirat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, apparti mill-Bord tal-Għażla għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) u għall-Avukat tal-Istat?

Response (BONNICI, OWEN)

La kienet u lanqas hija issa prassi tal-Gvern li jippubblika dettalji personali ta’ nies li jistgħu jintalbu jpoġġu fuq bordijiet tal-għa¿la, sew jekk huma uffiċjali pubbliċi u sew jekk mhumiex. L-ismijiet tal-membri ta’ bordijiet tal-għa¿la jiġu ppubblikati meta jitlesta l-proċess u jkun ippubblikat ir-riżultat tal-bord ta’ għa¿la konċernat. F’dan ir-rigward, nagħmel referenza għat-tweġiba parlamentari bin-numru 14485, mogħtija fis-seduta 187 tal-Leġiżlatura XI, minn l-Onor. Lawrence Gonzi fil-kapaċità ta’ Prim Ministru.

Bord tal-Għażla għal EPPO u Avukat tal-Istat – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri fuq il-Bord ta’ Għażla għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) u għall-Avukat tal-Istat?

Response (BONNICI, OWEN)

La kienet u lanqas hija issa prassi tal-Gvern li jippubblika dettalji personali ta’ nies li jistgħu jintalbu jpoġġu fuq bordijiet tal-għażla, sew jekk huma uffiċjali pubbliċi u sew jekk mhumiex. L-ismijiet tal-membri ta’ bordijiet tal-għażla jiġu ppubblikati meta jitlesta l-proċess u jkun ippubblikat ir-riżultat tal-bord ta’ għażla konċernat. F’dan ir-rigward, nagħmel referenza għat-twegiba parlamentari bin-numru 14485, mogħtija fis-seduta 187 tal-Legizlatura XI, minn l-Onor. Lawrence Gonzi fil-kapacità ta’ Prim Ministru.

EPPO –sejħiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ħarġet is-sejħa għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) u d-dati rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel avviż fejn l-Gvern stieden applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Prosekutur Ewropew fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) deher fil-Gazzetta tal-Gvern numru 20,154, datata 22 ta’ Marzu 2019. Dan kien segwit bit-tieni avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern numru 20,187 u datata 14 ta’ Mejju 2019. Minħabba li baqaw m’applikawx biżżejjed kandidati għal din il-kariga, skond id-dispozizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kellu jinħareġ it-tielet avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern numru 20,245, datata 6 t’Awwissu 2019.

Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji — ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11498, 11268 u 10181 u jagħti l-okkju tal-ilmenti kollha li mis-sena 1997 'il quddiem ġew ippreżentati quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji u li ġie mwaqqaf bis-saħħa tal-Att dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji (Kap. 394 tal-Liġijiet ta' Malta)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-Tribunal in kwistjone qatt ma kien jifforma parti mill-istruttura tal-Qorti u għal daqsekk l-informazzjoni ta’ dan it-Tribunal qatt ma ġew inkluzi fid-database tal-Qorti. Minħabba din ir-raġuni l-unika informazzjoni li hija disponibli huwa l-okkju tad-deċiżjonijiet li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista ma tinkludix każijiet li jista jkun ġew ċeduti jew waqghu deżerti.

Television Malta – Kamra tal-Aħbarijiet – lista ta’ persuni li ħadu sehem fi programmi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11499 u 11263 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ħadu sehem fi programmi ta' ġrajjiet kurrenti, diskussjonijiet, inkluż programmi mtella' mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Television Malta matul il-perijodu mill-1 ta' Ġunju 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid għal kull waħda mill-persuni f'liema kapaċità ġiet mistiedna jew lil min kienet qiegħda tirrappreżenta?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qrati — divorzju

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi li ntroduċiet id-divorzju f'pajjiżna, kemm kien hemm deċiżjonijiet mill-Qrati tagħna li fihom ingħata d-divorzju sena b'sena sa l-aħħar ta' Settembru 2019? Kemm minn dawn kienu mill-Qrati ta' Għawdex sena b'sena sal-lum? Fl-istess snin kemm kien hemm deċiżjonijiet tal-Qrati li taw separazzjoni sena b'sena sal-aħħar ta' Settembru 2019? Kemm minn dawn id-deċiżjonijiet ta' separazzjoni kienu mill-Qrati f'Għawdex sena b'sena sa l-aħħar ta’ Settembru 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Hawn taħt hawn tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-30 ta’ Settembru 2019. MaltaGħawdex SenaNumru ta’ koppji li ġabu d-divorzju b’deċiżjoni tal-Qorti 2011 (minn Ottubru sa Diċembru)422 201243218 201334911 20143205 201535422 201636712 201731015 2018 3558 2019 (sat-30 ta’ Settembru)2298 L-ammont ta’ deċiżjonijiet tal-Qrati f’Malta li taw separazzjoni sena b'sena sal-aħħar ta' Settembru 2019 kien kif muri hawn taħt: Sena 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 Separazzjoni b’sentenza tal-Qorti 87 50 63 56 51 71 63 40 18 Separazzjoni Bonarja (Ittra) 362 376 413 448 519 455 461 526 452 Separazzjoni Bonarja (Nota) 255 287 314 329 341 360 335 278 191 Total 704 713 790 833 911 886 859 844 661 L-ammont ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti f’Għawdex li taw separazzjoni sena b'sena sal-aħħar ta' Settembru 2019 kien kif muri hawn taħt: Sena 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 Separazzjoni b’sentenza tal-Qorti 10 2 0 1 2 2 4 2 2 Separazzjoni Bonarja (Ittra) 1 0 2 4 6 2 5 2 4 Separazzjoni Bonarja (Nota) 0 0 0 1 0 0 1 0 0 Total 11 2 2 6 8 4 10 4 6

Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati — kumitati mwaqqfa

Question

Peress li kuntrarju għal dak li qal il-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 11395, il-liġi permezz tal-artikolu 3 (1) (e) tal-Ordni għat-Twaqqif tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati (Leġislazzjoni Sussidjarja 594.34) tipprovdi sabiex l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati twettaq dawk il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-amministrazzjoni pubblika billi "twaqqaf kumitati ta’ użu u kumitati oħra sabiex jevalwaw, jassessjaw u jipprovdu servizzi tal-qrati tal-ogħla kwalità", jista' l-Ministru jgħid x'kumitati ta' użu u kumitati oħra ġew imwaqqfa jew huwa ppjanati li jiġu mwaqqfa mill-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati? Jista' jgħid min huma l-membri ta' kull kumitat li ġie mwaqqaf?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Aġenzija għada fi stadju bikri tal-operat tagħha u għad ma twaqqfu l-ebda kumitati.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — servizz ta' kumpanija għal microtargeting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu użatx is-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal microtargeting mill-2013 sal-lum? Jekk iva, meta u għalxiex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ebda entità fid-dekasteru tiegħi m’għamlet użu mis-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha ingħataw seperatament.

Produzzjoni tal-film ‘Storbju’

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-ammonti kollha li diġà ġew imħallsa jew li huwa ppjanat li jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi għall-produzzjoni tal-film bl-isem ‘Storbju’?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kunsill Malti għall-Arti – korrispondenza ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma tistax tingħata abbażi tal-fatt li “kwalunkwe korrispondenza” se tinkludi data personali li taqa’ taħt it-tifsira ta’ data personali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679, kif ukoll minħabba li korrispondenza uffiċjali se tkun tinkludi komunikazzjoni u informazzjoni li għadha fil-fażi ta’ tfassil, tħejjija u ppjanar, li għaldaqstant meqjusa bħala dokumentazzjoni interna.

Kunsill Malti għall-Arti – korrispondenza ma’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u kull wieħed mill-persuni li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma tistax tingħata abbażi tal-fatt li “kwalunkwe korrispondenza” se tinkludi data personali li taqa’ taħt it-tifsira ta’ data personali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679, kif ukoll minħabba li korrispondenza uffiċjali se tkun tinkludi komunikazzjoni u informazzjoni li għadha fil-fażi ta’ tfassil, tħejjija u ppjanar, li għaldaqstant meqjusa bħala dokumentazzjoni interna.

Żona Industrijali ta’ Kordin — tindif

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10792, jista’ l-Ministru jara li ż-Żona Industrijali ta’ Kordin tiġi mnaddfa u rranġata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li r-responsabbiltà ta’ tindif f’żoni industrijali hi fir-responsabbiltà ta’ Malta Industrial Parks, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tintervjeni meta jkun hemm il-ħtiega. Iż-żona industrijali ta’ Kordin titnaddaf regolari, minkejja li jsir abbuż minn diversi individwi irresponsabbli li jarmu skart illegali fiż-żona.

Għajn Dwieli – sit arkeoloġiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex is-sit arkeoloġiku f’Għajn Dwieli magħruf bħala Kordin III jiġi miżmum aħjar u miftuħ iktar spiss?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-sit tat-Tempji ta’ Kordin huwa parti mir-reġim ta’ manutenzjoni regolari ta’ Heritage Malta u jinfetaħ kull darba li Heritage Malta tirċievi talba. Barra minn hekk Heritage Malta torganizza attivitajiet partikolari, inkluż open days. Din is-sena saru żewġ attivitajiet marbuta mal-iskema tal-passaport fit-28 ta’ April u fis-7 ta’ Ġunju.

Manoel Island – Strutturi Rumani f’qiegħ il-baħar

Question

Huwa konxju l-Ministru mill-fatt li hemm strutturi Rumani important f’qiegħ il-baħar madwar Manoel Island? Jaf il-Ministru li dawn ma ngħatawx protezzjoni mis-sovrintendenza u għalhekk huma mhedda bid-distruzzjoni minħabba t-tqattigħ ta’ blat fl-art u fil-baħar u t-tħammil tal-qiegħ mill-kumpanija MIDI? Jaf il-Ministru li l-baħar madwar Manoel Island hu sit arkeoloġiku rikk ħafna? X’ser jagħmel il-Ministru biex jissalvagwardja l-patrimonju rikk ta’ Żmien ir-Rumani? Jista’ jsir survey dettaljat ta’ qiegħ il-baħar b’teknoloġija moderna tas-side scan sonar kif jagħmlu ġewwa Sqallija u madwar id-dinja?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Sovrintendenza qed tistħarreġ kull sejba arkeoloġika jew ta’ valur kulturali fil-Gżira Manoel.

MICAS – oġġetti irkantati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11077 u jgħid minn fejn oriġinaw, jew kif ġew akkwistati, l-oġġetti kollha li ġew irkantati għall-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) fl-2018 u fl-2019, inkluż l-irkant li sar fit-13 ta’ Ottubru 2018 fil-Casino Maltese, inkluż l-ilbies u l-arloġġi li ġew irkantati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oġġetti kollha li ingħataw lill-MICAS ingħataw bla ħlas apparti l-ġojjelerija u arloġġi li ġew akkwistati għall-okkażjoni u ġew mibjugħa bi profitt fl-irkant.

Marsaxlokk – Triq Delimara — manutenzjoni

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10568, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk humiex ser isiru xi xogħlijiet fi Triq Delimara Marsaxlokk?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li bħalissa f’din it-triq qegħdin isiru xogħlijiet minn entità oħra li se tieħu ħsieb ukoll l-irranġar tagħha.

Ix-Xgħajra – manutenzjonijiet tax-xatt

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10782, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba humiex ser isiru x-xogħlijiet marbuta mat-tiswijiet tax-Xatt tax-Xgħajra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Marsalforn – Torri tal-Qbajjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu u ta' Heritage Malta fuq it-Torri tal-Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex, liema torri jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf fejn anki saret attività qrib tiegħu minn Heritage Malta f'dawn l-aħħar ġimgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.